Ir-Raba’ Ħadd tar-Randan – Sena A

Solennita’ San Ġużepp

It-Tnejn 20 ta’ Marzu niċċelebraw is-Solennità ta’ San Ġużepp. Fis-6.30pm ikun hawn quddiesa kantata u wara ssir il-professjoni tal-fratelli l-ġodda. Dawk li huma diġà miktuba fil-fratellanza huma mħeġġa li jissieħbu għal din il-quddiesa mal-fratelli l-ġodda.

Adorazzjoni fil-Kappella ta’ San Ġużepp

It-Tlieta 21 ta’ Marzu, fl-10.00am ikun hemm l-adorazzjoni fil-Kappella ta’ San Ġużepp animata mis-Superjur Joe Fenech.

Laqgħa għal dawk li ser jieħdu sehem fil-purżissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira

Nhar il-Ħamis 23 ta’ Marzu se ssir laqgħa għal dawk kollha li se jieħdu sehem fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, kemm reffiegħa u kemm personaġġi. Din il-laqgħa se ssir fil-Knisja Arċipretali fis-7.00pm wara l-quddiesa. Importanti li kull min se jieħu sehem jattendi minħabba li se tingħata informazzjoni fuq il-purċissjoni. Infakkru li għad għandna bżonn persuni li lesti jgħinu fl-andament tal-purċissjoni u għal darb’oħra nagħmlu sejħa biex it-tfal jieħdu sehem.

Festa devozzjonali tar-Redentur

Il-Ġimgħa, 24 ta’ Marzu, nagħmlu l-festa devozzjonali tar-Redentur. Fis-6.00pm joħroġ il-pellegrinaġġ bix-xbiha ta’ Ġesù Redentur  u kif jintemm il-pellegrinaġġ, għas-7.00pm, tiġi ċċelebrata l-quddiesa. Il-pelleġrinaġġ se jgħaddi minn Triq il-Knisja, Triq il-Parroċċa, Triq San Ġużepp, Triq Sidtna tal-Anġli u Triq il-Kbira. 

Quddiesa tal-Ħadd mill-Monsinjur Arċisqof

Nhar il-Ħadd li ġej 26 ta’ Marzu, il-quddiesa tad-9.30am se tkun iċċelebrata minn Monsinjur Arċisqof. Din il-quddiesa se tkun imxandra fuq l-istazzjon nazzjonali TVM. Wara l-quddiesa, l-Arċisqof jiltaqa’ magħna fuq iz-zuntier. Nilqgħu fostna kif jixraq lir-ragħaj spiritwali tagħna.

Pageant tal-Passjoni ta’ Ġesu’

Nhar il-Ġimgħa, is-Sibt u l-Ħadd li ġej (24, 25 u 26 ta’ Marzu) fis-Sala Parrokkjali (id-Domus) se jittella’ l-pageant tal-Passjoni. Biljetti mis-sala stess filgħaxija.

Pellegrinaġġ għar-Redentur tal-Isla

Għad fadal ftit postijiet għall-pellegrinaġġ għar-Redentur tal-Isla, nhar it-Tlieta 28 ta’ Marzu. Min jixtieq jattendi javviċina lil xi ħadd mill-membri tal-grupp tal-fundraising.

Nitolbu għal oħtna Rosina Busuttil li għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtiha, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.  

Leave a Reply