Festa tal-Ħniena Divina
Qegħdin nagħmlu l-Festa tal-Ħniena Divina. Għada/Illum fil-5.30pm ikollna l-quddiesa u wara tkompli l-Adorazzjoni bil-Kurunella u t-talba tal-Ħniena Divina u l-Barka Sagramentali.
Laqgħa għall-ġenituri tat-tfal li ser jagħmlu l-Ewwel Tqarbina
It-Tlieta (29/04) fis-7.00pm se ssir laqgħa għall-ġenituri li uliedhom se jagħmlu l-Ewwel Tqarbina f’Mejju li ġej. Il-laqgħa se ssir fis-Sala Parrokkjali (id-Domus).
Festa San Ġużepp Ħaddiem
Il-Ħamis (01/05) niċċelebraw il-festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem. Il-ħin tal-quddies ikun bħal ta’ matul il-ġimgħa.
Adorazzjoni u Quddiesa
Il-Ġimgħa (02/05), l-Ewwel Ġimgħa tax-xahar, ikollna l-adorazzjoni minn wara l-quddiesa tas-7.00am sat-8.00am. Dakinhar imħeġġin nitolbu għall-vokazzjonijiet saċerdotali.
Attivita’ Sena tal-Ġublew
Il-Ġimgħa (02/05) se jkollna attività marbuta mas-Sena tal-Ġublew. Wara l-quddiesa tas-6.30pm se jsir pellegrinaġġ għall-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ħal Muxi. Minħabba li nkunu bdejna x-xahar ta’ Mejju, it-tema għal dan il-pellegrinaġġ se tkun Marija mimlija tama. Se janimaw it-talb il-membri tal-Leġjun ta’ Marija. Inħeġġiġkom biex nipparteċipaw f’din il-mixja ta’ fidi. Fi tmiem l-attività se jkun ipprovdut trasport lura sal-pjazza għal min ikollu diffikultà biex jirritorna lura.
Seminar għall-ġenituri li uliedhom se jirċievu s-Sagrament tal-Griżma
Is-Sibt (03/05) se jsir seminar għall-ġenituri li uliedhom se jirċievu s-Sagrament tal-Griżma f’Ottubru ta’ din is-sena. Is-seminar se jsir fl-iskola St. Michael’s, Santa Venera, bejn l-4.30pm u s-7.00pm. Il-ġenituri huma mħeġġa li jattendu.
Festa tal-Lunzjata
Is-Sibt u l-Ħadd (3 u 4 ta’ Mejju) issir il-festa tal-Lunzjata fil-kappella dedikata lilha. Is-Sibt ikun hemm quddiesa fis-6.30pm u l-Ħadd il-quddiesa tal-festa tkun fis-7.00pm u tagħlaq bil-Barka Sagramentali. Nofs siegħa qabel il-ħin tal-quddies tingħad it-talba tar-Rużarju.
Fuljett “Il-Ġublew Festa Kbira ta’ Ħniena”
Se jitqassam fi djarkom fuljett maħruġ mid-Djoċesi bl-isem Il-Ġublew Festa Kbira ta’ Ħniena, li fih informazzjoni u punti prattiċi kif wieħed ikompli jgħix din is-sena tal-Ġublew. Nitlob lill-helpers li s-soltu jqassmu l-fuljetti biex jieħdu l-kopji tagħhom mis-sagristija.
Nitolbu għal ħutna Leli Muscat u Ġanni Cilia, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.