Tmienja u Għoxrin Ħadd matul is-Sena Ċ

Festa ta’ San Franġisk

Il-Ħadd (12/10) filgħodu, fl-okkażjoni tal-Festa ta’ San Franġisk u Jum il-Ħolqien, qed nistiednu lit-tfal biex iġibu l-pets u l-annimali tagħhom biex jitbierku fil-quddiesa tad-9.30am li se tkun iċċelebrata fuq iz-zuntier tal-knisja. Din l-attività qed issir b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali. 

Bidla fil-Ħinijiet tal-Quddies

Infakkru li l-Ħadd filgħaxija ser jibda jkun hawn quddiesa waħda u tkun fis-6.30pm

Laqgħat tal-Katekeżi

Minn nhar it-Tnejn (13/10) jibdew il-laqgħat ta’ Katekeżi fis-Sala tas-Sorijiet, fis-7.30pm. Dawn il-laqgħat, immexxija minn membri tal-Mixja Neokatekumenali, ikomplu kull nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Ħamis fil-ġimgħat li ġejjin.

Laqgħa Grupp Kelma tal-Ħajja

It-Tlieta (14/10) issir il-laqgħa tal-grupp Kelma tal-Ħajja fid-9.30am għand is-sorijiet. Il-Laqgha hija miftuħa għal kulħadd.

Qrar bi preparazzjoni għas-Sagrament tal-Griżma ta’ l-Isqof

Il-Ġimgħa (17/10) filgħaxija mis-6.00pm sas-7.30pm u l-għada s-Sibt filgħodu mit-8.00am sal-10.00am ikun hawn servizz ta’ qrar għall-ġenituri u parrini bi preparazzjoni għas-sagrament tal-Griżma.

Ċelebrazzjoni tal-Griżma tal-Isqof

Nhar is-Sibt (18/10) fl-4.30pm jiġi ċċelebrat is-Sagrament tal-Griżma għall-bniet. Il-Ħadd (19/10) fid-9.15am jirċievu l-Griżma s-subien. Nifirħu lil dawk li se jirċievu dan is-Sagrament u nitolbu għalihom. 

Ġurnata Missjunarja

Il-Ħadd, 19 ta’ Ottubru, il-Knisja tiċċelebra l-Ġurnata Missjunarja. Il-MISSIO jgħinu diversi missjunarji, kemm Maltin u oħrajn, li jitolbu għajnuna biex iwasslu t-tagħlim tal-Vanġelu u l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, jibnu knejjes, iżommu skejjel, iwaqqfu sptarijiet u jikkuraw morda, jassistu u jilqgħu fi djar apposta familji u tfal abbandunati u jipprovdulhom il-bżonnijiet l-aktar essenzjali. Għaldaqstant, bil-ġbir li jsir fil-quddies is-Sibt u l-Ħadd li ġej, inkunu qed ngħinu din il-ħidma missjunarja tal-Knisja. Il-quddiesa tas-6.30pm se tkun animata mill-grupp ta’ żgħażagħ mill-parroċċa tagħna li għamlu esperjenza missjunarja fil-Peru’.

Ġabra b’rizq il-Knisja

Il-ġbir li sar fil-quddies nhar is-Sibt u l-Ħadd li għadda b’riżq il-knisja kien ta’ €1,935. Nirringrazzjawkom dejjem tal-għajnuna u s-sostenn li tagħtu lill-knisja.

Ġabra għal Hospice Malta

Intom u ħerġin mill-knisja membri volontarji ta’ Hospice Movement se jkunu qed jilqgħu donazzjoni b’riżq is-servizzi u l-assistenza li l-Hospice joffri lil ħafna persuni li jkunu jeħtieġu l-għajnuna minħabba mard tal-kanċer u mard serju ieħor. Il-Hospice joffri s-servizzi tiegħu mingħajr ħlas, għaldaqstant kull donazzjoni min-naħa tagħna tkun ta’ għajnuna kbira u hija ferm apprezzata.

Nitolbu għal ħutna Nikolina Chircop, Carmela Vassallo u Charles Ellul, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.