Adorazzjoni
It-Tlieta (21/10) fl-10.00am ikun hemm l-Adorazzjoni mmexxija mis-Superjur Joe Fenech fil-kappella ta’ San Ġużepp għand is-Sorijiet.
Laqgħa għall-Koppji Miżżewġin
Il-Ġimgħa 24 ta’ Ottubru, se ssir laqgħa għall-koppji miżżewġin, fis-7.00pm, fis-sala taħt l-Uffiċċju Parrokkjali, organizzata mill-Kummissjoni Familja. Imexxi l-laqgħa l-Arċipriet Fr Albert.
Festa tal-Konsagrazzjoni tal-Knisja
Nhar il-Ħadd li ġej 26 ta’ Ottubru, niċċelebraw il-festa tal-Konsagrazzjoni tal-Knisja. Festa li tfakkarna li l-Knisja hija aħna, il-poplu ta’ Alla, li niġu f’dan il-post qaddis biex nagħtu qima lil Alla. Il-quddiesa tal-5.15pm is-Sibt tkun kantata u l-Ħadd il-quddiesa tad-9.30am tkun animata għat-tfal b’din it-tema.
Għeluq (temporanju) taċ-Ċenaklu
F’dawn il-ġranet iċ-Ċenaklu jinsab magħluq minħabba li qiegħed isir xogħol fih biex jingħata dehra differenti u isbaħ kif jixraq lil dan il-post imħejji għall-Adorazzjoni Ewkaristika. Il-ħsieb hu li fi ftit ġranet oħra jinfetaħ mill-ġdid biex matul il-ġurnata wieħed ikun jista’ jinġabar għal mumenti ta’ talb fis-skiet quddiem Ġesù Ewkaristija.
Ġabra għall-Missjoni
Il-Knisja, mad-dinja kollha, illum qed tiċċelebra l-Ġurnata Missjunarja. L-Opri Missjunarji Pontifiċji (illum magħrufin bħala MISSIO) jgħinu diversi missjunarji, kemm Maltin u oħrajn, li jitolbu għajnuna biex iwasslu t-tagħlim tal-Vanġelu u tal-katekiżmu tal-Knisja Kattolika, jibnu knejjes, iżommu skejjel, iwaqqfu sptarijiet u jikkuraw morda, jassistu u jilqgħu fi djar apposta familji u tfal abbandunati u jipprovdulhom il-bżonnijiet l-aktar essenzjali. Għaldaqstant, bil-ġbir li jsir fil-quddies ta’ dan it-tmiem il-ġimgħa, inkunu qed ngħinu din il-ħidma missjunarja tal-Knisja f’dawk il-pajjiżi fejn hemm bżonn ħafna assistenza.
Nitolbu għal ħutna Saviour Micallef u Mary Micallef, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem. Din il-ġimgħa wkoll tajna tislima liċ-ċkejken Nathan Chetcuti. Nitolbu għall-ġenituri u l-familja tiegħu.
