It-Tielet Ħadd tal-Avvent – Sena A

Quddiesa għaż-Żgħażagħ

Il-Ħadd (14/12) fis-6.30pm nistiednu liż-żgħażagħ kollha għall-quddiesa li se tkun animata b’mod speċjali għalihom f’dan iż-żmien tal-Avvent.  

Novena tal-Milied

Minn nhar it-Tnejn (15/12) nagħtu bidu għan-Novena tal-Milied. Il-quddiesa ta’ filgħaxija tkun bis-sehem tal-Kor Parrokkjali u animata minn gruppi u għaqdiet tal-parroċċa. Fi tmiem il-quddiesa ssir riflessjoni u mument ta’ talb u nagħlqu bil-Barka Sagramentali.

Adorazzjoni

It-Tlieta (16/12) fl-10.00am ikun hemm l-adorazzjoni fil-Kappella tas-Sorijiet li jmexxiha s-Superjur Joe Fenech.

Kunċert tal-Milied

Is-Sibt (20/12), fil-Knisja Arċipretali se jittella’ l-Kunċert tal-Milied minn grupp ta’ kantanti bl-isem EnKor u magħhom se jingħaqdu xi tfal mill-parroċċa tagħna. Inħeġġukom biex tattendu u tistiednu l-ħbieb tagħkom ukoll. Id-dħul se jkun bla ħlas; pero’ fi tmiem il-kunċert wieħed huwa mistieden jagħmel offerta b’risq id-Dar tal-Providenza. Minħabba l-kunċert, il-quddiesa tas-6.30pm nhar is-Sibt se ssir fis-Sala Parrokkjali (id-Domus).

Tberik tal-Bambini

Nhar il-Ħadd li ġej (21/12) fil-quddiesa tad-9.30am se jsir it-tberik tal-Bambini. Għalhekk inħeġġu lill-familji jattendu u nistiednu lit-tfal biex iġibu magħhom il-Bambin jew xi presepju żgħir li jintramaw fid-dar biex jitbierku, kif ukoll xi għotjiet tal-ikel biex noffruhom lil Dar Merħba Bik.

Programm tal-Festi tal-Milied

Intom u ħerġin mill-knisja tistgħu tieħdu kopja tal-programm tal-festi tal-Milied. Tajjeb li ssegwu minn fuqu minħabba l-ħinijiet tal-quddies nhar il-Milied u l-Ewwel tas-Sena, kemm fil-Knisja Arċipretali, kif ukoll fil-knejjes l-oħra. Dawk li s-soltu jqassmu l-fuljett huma mitluba jieħdu l-kopji mis-sagristija biex jitqassmu fid-djar.

Ġabra b’risq il-Knisja

Il-ġabra li saret is-Sibt u l-Ħadd li għadda b’risq il-knisja kienet ta’ €1,634. Nirringrazzjawkom ħafna.

Għinuna lil ‘Dar Merħba Bik’

Matul dan iż-żmien tal-Avvent u l-Milied, bħala komunità parrokkjali se nkunu qed ngħinu lil Dar Merħba Bik. Din id-dar tilqa’ fiha nisa li jkunu sofrew minn vjolenza domestika u toffri sapport lilhom u lit-tfal tagħhom. L-għotjiet ta’ ikel u oġġetti oħra utli li nġibu nqegħduhom ħdejn l-altar tal-Kunċizzjoni. Dawk li jixtiequ joffru xi donazzjoni ta’ flus għall-istess skop jistgħu jgħadduha lil xi ħadd mis-saċerdoti tal-parroċċa tagħna.

Nitolbu għal oħtna Manuela Zarb, li għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtiha, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.