Jum il-Kelma ta’ Alla
Dan il-Ħadd (25/01) qegħdin niċċelebraw Jum il-Kelma ta’ Alla (Jum il-Bibbja). Din il-ġurnata trid tfakkarna fil-ħtieġa li nużaw il-Bibbja għat-talb u r-riflessjoni tagħna. Għall-quddiesa tad-9.30am it-tfal huma mistiedna jġibu l-bibbja tagħhom biex titbierek waqt il-quddiesa. Infakkru wkoll fil-ktejjeb KLIEM IL-ĦAJJA li jkun fih silta qasira mill-Bibbja, ħsieb u talba għal kull ġurnata. Jekk hawn min jixtieq jabbona fih, javviċina lil xi ħadd mill-membri tal-Leġjun ta’ Marija.
Laqgħa għall-Koppji Miżżewġin
Il-Ġimgħa 30 ta’ Jannar, il-Kummissjoni Familja se torganizza laqgħa oħra għall-koppji miżżewġin fis-6.30pm fis-Sala tas-Sorijiet (taħt l-Uffiċċju Parrokkjali). Il-kelliem se jkun Fr Reuben Vella.
Festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej
It-Tnejn 2 ta’ Frar, niċċelebraw il-Festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej. Fil-quddiesa tas-6.30pm, fil-Knisja Arċipretali se ssir il-preżentazzjoni tat-tfal li se jirċievu l-Ewwel Tqarbina din is-sena mill-ġenituri tagħhom. Inħeġġu lill-familji tat-tfal li se jirċievu l-Ewwel Tqarbina biex jieħdu sehem.
Applikazzjonijiet għad-dħul fl-Iskejjel tal-Knisja
Is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija javża li qed jintlaqgħu applikazzjonijiet online għad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja mit-28 ta’ Jannar sal-4 ta’ Frar. Aktar informazzjoni tinsab fuq in-noticeboards tal-knisja jew minn fuq il-website.
Nitolbu għal ħuna Francis Dimech, li għadda għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtih, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.
