Quddiesa għaż-Żgħażagħ
Il-Ħadd, 22/3, nistiednu liż-żgħażagħ kollha għall-quddiesa tas-6.30pm li se tkun animata b’mod speċjali għalihom f’dan iż-żmien tar-Randan.
Adorazzjoni
Il-Ħamis (26/3) fis-6.00pm ikun hawn adorazzjoni Ewkaristika bi preparazzjoni għall-festa tad-Duluri u fl-istess ħin ikun hawn il-qrar.
Festa tad-Duluri
Il-Ġimgħa (27/3) niċċelebraw il-festa tad-Duluri ta’ Marija Santissima. Il-quddies filgħodu jkun fis-6.00am, fis-7.00am u fit-8.00am. Fid-9.30am ikun hawn quddiesa għat-tfal tal-iskola. Fil-5.00pm ikun hawn il-Qrar u fil-5.30pm quddiesa bil-kant. Wara l-quddiesa, fis-6.15pm joħroġ il-pellegrinaġġ bix-xbiha tad-Duluri, li se jgħaddi minn Triq Sciortino, Triq Frans Sammut, Triq il-Kbira u l-Pjazza. Għas-7.30pm, wara l-pellegrinaġġ, ikollna quddiesa oħra.
Bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa
Il-Ħadd (29/3) nagħtu bidu għall-Ġimgħa Mqaddsa bit-Tifkira Solenni tad-Daħla ta’ Ġesu’ f’Ġerusalemm. Fid-9.00am issir iċ-ċerimonja tat-tberik taż-żebbuġ f’Misraħ l-Isptar u wara ssir purċissjoni sal-Knisja fejn tkompli l-quddiesa. Inħeġġu lit-tfal sabiex jieħdu sehem, u jekk jixtiequ, jistgħu jilbsu lbies ta’ tfal Lhud.
Programm tal-Ġimgħa Mqaddsa
Qiegħed jitqassam fi djarkom fuljett bil-programm tal-ġranet tal-Ġimgħa Mqaddsa u l-Festi tal-Għid. Nitlob lil dawk li s-soltu jqassmu l-fuljetti fid-djar biex jieħdu l-kopji tagħhom mis-sagristija. Min jixtieq, jista’ jieħu kopja huwa u ħiereġ mill-knisja. Min jixtieq jagħmel offerta għall-ispejjeż li jsiru mill-knisja fil-festi tal-Għid, hemm envelopes sabiex min jixtieq, jista’ jagħmel offerta għal dan l-iskop.
Ġimgħa ta’ Sagrifiċċju
Minn nhar il-Ġimgħa, Festa tad-Duluri, sal-Ġimgħa l-Kbira, is-Segretarjat Assistenza Soċjali tal-Azzjoni Kattolika jorganizza Ġimgħa ta’ Sagrifiċċju. Aħna mħeġġin nagħmlu xi offerta, li tkun frott ta’ xi sagrifiċċju personali, biex ngħinu persuni u familji fil-bżonn. L-offerti għandhom jintefgħu fil-kaxxa li hawn ħdejn il-presbiterju tal-Knisja Arċipretali.
Ġabra Speċjali
Il-ġabra li saret is-Sibt u l-Ħadd li għadda fil-parroċċa tagħna b’riżq is-Seminarju kienet ta’ €3,850. F’isem ir-Rettur u s-seminaristi nirringrazzjawkom tal-offerti tagħkom.
Nitolbu għal ħutna Stephen Cauchi u Maria Attard, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.
