Attività għat-Tfal li se jirċievu l-Ewwel Tqarbina
Nhar it-Tnejn (4/5) u l-Ħamis (7/5) se ssir attività fil-Knisja Arċipretali għat-tfal li se jirċievu l-Ewwel Tqarbina. Nhar it-Tnejn jattendu t-tfal bniet, filwaqt li l-Ħamis jattendu t-tfal subien. L-attivita’ tibda fil-5.15pm.
Festa ta’ San Ġorġ Preca
Il-Ġimgħa 8 ta’ Mejju niċċelebraw il-festa ta’ San Ġorġ Preca. Il-quddiesa tas-6.30pm tkun animata mis-Soċjetà tal-MUSEUM.
Jum l-Omm
Nhar il-Ħadd (10/5) niċċelebraw ukoll Jum l-Omm. Il-quddiesa tad-9.30am tkun animata b’mod speċjali għal din l-okkażjoni. Inħeġġu lill-familji bit-tfal biex jieħdu sehem. It-tfal huma mistiedna jġibu fjura magħhom biex joffruha lill-Madonna, l-Omm tagħna tas-sema. Għal Jum l-Omm, iċ-Ċimiterju tal-Qalb ta’ Ġesù jkun miftuħ nhar is-Sibt u l-Ħadd mis-7.00am sat-3.30pm.
Laqgħa ta’ Talb
Is-Sibt 9 ta’ Mejju fis-Seminarju tal-Virtù, ir-Rabat, se ssir laqgħa ta’ talb għall-vokazzjonijiet. Tibda b’adorazzjoni fil-5.30pm. Qed tiġi organizzata minibus li titlaq fil-5.00pm minn ħdejn il-posta. Min hu interessat jinkiteb fis-sagristija.
Buffet Breakfast
It-Tlieta 12 ta’ Mejju se jsir Buffet Breakfast fis-Soreda Hotel b’riżq il-knisja. Il-private titlaq fit-8.30am minn ħdejn il-Posta. Min jixtieq jattendi jkellem lil xi ħadd mill-membri tal-grupp tal-fundraising.
Tindif tal-Knisja
Kull nhar ta’ Ħamis filgħodu, grupp żgħir ta’ nisa jiltaqgħu hawn fil-knisja biex b’mod volontarju jieħdu ħsieb it-tindif tagħha. Nixtiequ nagħmlu appell biex jekk hawn min jista’ jingħaqad magħhom f’din il-ħidma, ikun apprezzat ħafna. B’mod regolari dan il-grupp jiltaqa’ għad-8.45am. Nixtiequ nirringrazzjaw lil dawk li diġa’ qegħdin jagħtu dan is-servizz u lil dawk li lesti joffru li jingħaqdu magħhom.
Damask Ġdid
Fil-korsija tan-nofs ġew imdendlin żewġ pilastri tad-damask il-ġdid. Dawn għad irid isir aktar xogħol fuqhom ’il quddiem biex ikunu kompluti bil-gallun isfar mad-dawra. Madankollu, għalissa hu meħtieġ li d-drapp jingħata żmien imdendel biex jilħaq jieħu postu. Nittamaw li sal-festa jkollna l-erba’ pilastri l-oħra bid-drapp il-ġdid ukoll.
Ġabra Speċjali
Fl-Ewwel Ħadd tax-xahar issir il-ġabra speċjali għall-bżonnijiet tal-knisja. Nirringrazzjawkom tal-għajnuna tagħkom li dejjem tagħtu permezz tal-offerti tagħkom.
Nitolbu għal ħutna Alfred Psaila, Ian James Guirey u Alfred Muscat, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.
