Festa tal-Familja Mqaddsa – Sena A

Festa tal-Familja Mqaddsa

Qed niċċelebraw il-Festa tal-Familja Mqaddsa. Nitolbu b’mod speċjali għall-qdusija tal-familji tagħna.  

Kwaranturi

Minn nhar it-Tnejn 29 sal-Erbgħa 31 ta’ Diċembru, l-aħħar jum tas-sena, ikollna l-ġranet tal-Kwaranturi fil-Knisja Arċipretali. F’dawn il-ġranet ikun hawn l-espożizzjoni solenni tal-Ewkaristija matul in-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu u filgħaxija mill-4.30pm ’il quddiem. Inħeġġu biex min jista’ jsib ftit ħin u jiġi hawn fil-knisja jgħaddi ftit mumenti ta’ adorazzjoni.

Quddies tal-aħħar/ewwel tas-Sena

L-Erbgħa (31/12), l-aħħar jum tas-sena, ikollna l-quddiesa tal-5.15pm. Fis-6.10pm issir it-talba tal-Għasar u fis-6.30pm il-quddiesa solenni ta’ radd il-ħajr lil Alla fl-għeluq tas-sena. Fi tmiem il-quddiesa, issir purċissjoni fil-knisja bl-Ewkaristija u jitkanta t-Te Deum. Nhar il-Ħamis, l-Ewwel Jum tas-Sena, Solennità ta’ Marija Omm Alla, il-quddies ikun bħal ta’ nhar ta’ Ħadd. Filgħaxija jkollna quddiesa fis-6.30pm.

Ġabra b’riżq id-Dar tal-Providenza

Il-ġbir kollu li jsir nhar l-Erbgħa filgħaxija u fl-Ewwel tas-Sena jkun b’riżq id-Dar tal-Providenza. Ilkoll nafu kemm din id-dar teħtieġ għajnuna biex toffri servizz tajjeb u professjonali lir-residenti li jgħixu fiha. Inħeġġukom sabiex tkun ġenerużi fl-għotjiet tagħkom. S’issa, mid-donazzjonijiet li nġabru mill-kunċert u l-Bake Sale, kif ukoll mill-bejgħ ta’ ponsjetti li sar mill-grupp taż-żgħażagħ Ta’ Warda, inġabru €1,773.

Festa tal-Epifanija tal-Mulej

Il-Ħadd li ġej, 4 ta’ Jannar, niċċelebraw il-Festa tal-Epifanija tal-Mulej. Dakinhar se niċċelebraw il-wasla tal-Maġi qabel il-quddiesa tad-9.30am. Qed nistiednu lill-familji bit-tfal biex jinġabru ħdejn iċ-Ċentru Ta’ Warda fid-9.15am sabiex jakkumpanjaw lill-Maġi sal-knisja. It-tfal jistgħu jilbsu wkoll ta’ slaten maġi. Inħeġġu lill-familji jieħdu sehem. 

Proġett tad-damask

Nhar il-Milied ħabbarna l-proġett ta’ damask ġdid għal 14 -il pilastru. F’dawn il-ftit ġranet daħlu €4,930 f’donazzjonijiet. Grazzi lil min diġa’ ta s-sehem tiegħu.

Soċji ġodda tad-Duttrina Nisranija

Nifirħu liż-żagħżugħ Gilbert Borg mill-parroċċa tagħna li, flimkien ma’ erba’ żgħażagħ oħra, inkorpora Soċju mas-Soċjeta’ tad-Duttrina Nisranija (MUSEUM). Nitolbu għalih ħalli jippersevera f’din is-sejħa li l-Mulej sejjaħlu għaliha.

Nitolbu għal ħutna Emanuel Gauci, Ismael Galea u Teresa Azzopardi, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.