Tberik tal-Basktijiet
Il-Ħadd, 21/09, fil-Quddiesa tad-9.30am se jsir it-tberik tat-tfal u tal-basktijiet tal-iskola. It-tfal kollha huma mħeġġa li jattendu u jġibu magħhom il-basket jew il-pocket tagħhom tal-iskola biex jitbierek.
Festa tal-Madonna tad-Duluri
Qegħdin niċċelebraw il-festa tal-Madonna tad-Duluri. Il-Ħadd, 21/9 fis-6.00pm issir quddiesa kantanta u wara toħroġ il-purċissjoni bix-xbieha ta’ Marija Addolorata akkumpanjata bit-talba tar-Rużarju.
Adorazzjoni
Nhar it-Tlieta, 23/9, issir l-adorazzjoni mmexxija mis-Superjur Joe Fenech, fil-kappella ta’ Dar San Ġużepp (għand is-Sorijiet) fl-10.00am.
Laqgħat tal-Azzjoni Kattolika
Minn nhar l-Erbgħa, 24/9, jibdew il-laqgħat tal-Azzjoni Kattolika għan-nisa wara l-waqfa tas-sajf. Il-laqgħat ikunu kull nhar ta’ Erbgħa mid-9.30am sal-10.30am fis-sala għand is-sorijiet. Jekk hawn xi nisa li jixtiequ jingħaqdu ma’ dan il-grupp huma mistiedna għal-laqgħa ta’ nhar l-Erbgħa li se tibda b’quddiesa.
Festa tal-Madonna tal-Grazzja
Nhar il-Ħadd, 28/9, tiġi ċċelebrata l-festa tal-Madonna tal-Grazzja fil-knisja ddedikata lilha fil-parroċċa tagħna. Matul il-ġimgħa (mit-Tnejn sas-Sibt) jingħad ir-Rużarju fis-6.45pm u fis-7.00pm issir quddiesa. Il-Ħadd fis-6.00pm issir il-quddiesa solenni tal-festa li tagħlaq bl-Antifona u l-Barka Sagramentali.
Sejħa għall-Abbatini
Nixtiequ nħeġġu iktar tfal biex isiru abbatini fil-parroċċa tagħna. L-abbatini mhux biss jgħinu fis-servizz fuq l-altar fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi, imma jkollhom ukoll laqgħat u attivitajiet oħra biex ikomplu jiffurmaw ruħhom f’valuri tajbin. Dawk it-tfal, subien u bniet, li diġa’ għamlu l-Ewwel Tqarbina u jixtiequ jibdew jagħtu servizz bħala abbatini jistgħu jiġbru applikazzjoni mis-sagristija.
Pellegrinaġġ f’Assisi
L-Arċipriet ser ikun qiegħed jakkumpanja pelleġrinaġġ ta’ erbat ijiem għal Assisi fuq il-passi ta’ San Franġisk u Cascia fejn għexet Santa Rita, bejn 1 u 4 ta’ Novembru. Jekk hawn min jixtieq jiġi għal dan il-pellegrinaġġ jista’ jitlob aktar informazzjoni lill-Arċipriet direttament.
Sejħa għal reffiegħa fil-vara tar-rużarju
Min jixtieq jerfgha fil-vara tar-Ruzarju fil-festa tagħha il-Hadd 5 t’Ottubru huwa mitlub jinkiteb fis-sagristija. Dawk li jixtiequ jiehdu sehem fil-purcissjoni bhala fratelli mall-istess fratellanza jinkitbu wkoll fis-sagristija.
Ġabra għall-Art Imqaddsa
Il-ġabra li se ssir fil-quddies fi tmiem din il-ġimgħa tkun b’riżq il-ħidma li l-Knisja twettaq fl-Art Imqaddsa. L-Arċisqof iħeġġiġna biex minbarra l-offerta li nistgħu noffru, nitolbu wkoll biex f’din l-art fejn għex Sidna Ġesù Kristu jkun hemm il-paċi. Permezz tal-offerti tagħna nkunu qed ngħinu lill-Patrijiet Franġiskani biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb is-santwarji fdati f’idejhom marbutin mal-ħajja ta’ Ġesù, u jwettqu diversi ħidmiet ta’ karità ma’ ħutna nsara li jgħixu f’dan il-post.
Nitolbu għal ħuna Joseph Ciantar, li għadda għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtih, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.