Il-Ġimgħa Mqaddsa
Qegħdin nagħtu bidu għall-Ġimgħa Mqaddsa bit-tifkira solenni tad-Daħla ta’ Ġesu’ f’Ġerusalemm. Għada (illum) fid-9.00am issir iċ-ċerimonja tat-tberik taż-żebbuġ f’Misraħ l-Isptar u wara ssir purċissjoni sal-Knisja fejn tkompli l-quddiesa.
- It-Tnejn, it-Tlieta u l-Erbgħa jkollna dan il-programm: fis-6.10pm ngħidu flimkien it-talba tal-Għasar, fis-6.30pm il-quddiesa, li tkun animata bil-kant, u wara jkun hawn ħin ta’ riflessjoni u talb b’temi marbutin mal-Passjoni ta’ Kristu.
- Nhar Ħamis ix-Xirka filgħodu ma jkunx hawn quddies. Filgħodu l-Arċisqof imexxi ċ-ċelebrazzjoni bit-Tberik taż-Żjut, fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann,flimkien mas-saċerdoti. Fis-6.30pm tibda l-Funzjoni ta’ Ħamis ix-Xirka u fitmiem il-quddiesa Ġesu’ Ewkaristija jittieħed proċessjonalment fl-altar tal-adorazzjoni u minn dak il-ħin inkunu nistgħu nagħmlu l-viżti u l-adorazzjoni tagħna. Fl-10.30pm ikun hawn Viżti mmexxija mis-saċerdoti u f’nofsillejl tagħlaq il-knisja.
- Nhar il-Ġimgħa l-Kbira, il-Knisja tiftaħ fis-6.30am u jibdew il-viżti. Fid-9.00am nistednukom għat-talb tal-Uffiċċju tal-Qari u t-Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum magħna s-saċerdoti. Il-knisja tagħlaq f’nofsinhar u jintemmu l-viżti. Fit-3.00pm nagħtu bidu għall-funzjoni tal-Adorazzjoni tas-Salib. Kif tintemm il-funzjoni, il-knisja tingħalaq biex ikunu jistgħu jsiru l-preparamenti għall-purċissjoni. Ħadd mhu se jitħalla joqgħod fil-knisja ħlief dawk biss li se jieħdu sehem, jiġifieri dawk li għandhom it-tessera (personaġġi, reffiegħa u helpers). Fil-5.30pm toħroġ il-purċissjoni kif indikat fil-programm.
- Sibt il-Għid filgħaxija, il-knisja tiftaħ fis-7.15pm. Fit-8.00pm nagħtu bidu għall-funzjoni tal-Vġili tal-Għid. Nhar Ħadd il-Għid fid-9.00am toħroġ il-purċissjonibl-Irxoxt. Fid-9.30am ikollna quddiesa speċjali tal-Għid għat-tfal u l-familji. Dakinhar it-tfal iġibu l-Karus ta’ Mħabba. F’nofsinhar isir it-tberik tal-figolli fuq iz-zuntier.
Ġimgħa ta’ Sagrifiċċju
L-Azzjoni Kattolika, permezz tas-Segretarjat Assistenza Soċjali, matul dawn il-ġranet torganizza Ġimgħa ta’ Sagrifiċċju. Inħeġġukom biex ngħinu l-ħidma ta’ karita’ li twettaq l-Azzjoni Kattolika ma’ familji u persuni fil-bżonn billi nagħtu xi offerta ta’ flus fil-kaxxa li hawn ħdejn l-altar.
Wirja tal-Vestwarju
Fl-Oratorju qed tittella’ wirja tal-vestwarju ġdid li se jiżżanżan din is-sena fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Il-wirja se tkun miftuħa s-Sibt mis-6.00pm sat-8.00pm u l-Ħadd filgħodu mit-8.00am sa nofsinhar.
Ġabra Speċjali
Illum qegħdin nagħmlu ġabra speċjali għall-ispejjeż marbutin mal-Festi tal-Għid u l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Nirringrazzjawkom tal-għajnuna tagħkom li dejjem tagħtu permezz tal-offerti tagħkom.
Nitolbu għal ħutna Joseph Cassar u Anabel Mangion, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.
