Ġabra għall-Missjoni
Il-Knisja, mad-dinja kollha, illum qed tiċċelebra l-Ġurnata Missjunarja. Il-MISSIO Malta tgħin diversi missjunarji, kemm Maltin u oħrajn, li jitolbu għajnuna biex iwasslu t-tagħlim tal-Vanġelu u tal-katekiżmu tal-Knisja Kattolika, jibnu knejjes, iżommu skejjel, iwaqqfu sptarijiet u jikkuraw morda, jassistu u jilqgħu fi djar apposta familji u tfal abbandunati u jipprovdulhom il-bżonnijiet l-aktar essenzjali. Għaldaqstant, bil-ġbir li jsir fil-quddies ta’ dan it-tmiem il-ġimgħa, inkunu qed ngħinu din il-ħidma missjunarja tal-Knisja f’dawk il-pajjiżi fejn hemm bżonn ħafna assistenza.
Sagrament tal-Konfermazzjoni
Nifirħu lill-grupp ta’ 102 adolexxent li qegħdin jirċievu s-Sagrament tal-Konfermazzjoni. Nitolbu ħafna għalihom ħalli l-Ispirtu s-Santu jimlihom bil-qawwa u jkomplu jikbru u jissaħħu fil-fidi tagħhom bħala nsara adulti.
Adorazzjoni
It-Tlieta (20/10) fl-10.00am ikun hemm l-Adorazzjoni mmexxija mis-Superjur Joe Fenech fil-kappella ta’ San Ġużepp għand is-Sorijiet.
Festa tal-Konsagrazzjoni tal-Knisja
Nhar il-Ħadd li ġej 25 ta’ Ottubru, niċċelebraw il-festa tal-Konsagrazzjoni tal-Knisja. Festa li tfakkarna li l-Knisja hija aħna, il-poplu ta’ Alla, li niġu f’dan il-post qaddis biex nagħtu qima lil Alla. Il-quddiesa tal-5.15pm nhar is-Sibt tkun kantata u nhar il-Ħadd il-quddiesa tad-9.30am tkun animata għat-tfal b’din it-tema.
Nitolbu għal ħutna Antonia Micallef u Carmela Borg, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.
