Disgħa u Għoxrin Ħadd matul is-Sena A

Jum il-Missjoni

Il-Knisja mad-dinja kollha, illum il-Ħadd, 22 ta’ Ottubru, qed tiċċelebra l-Ġurnata Missjunarja. L-Opri Missjunarji Pontifiċji (illum magħrufin bħala MISSIO) jgħinu diversi missjunarji, kemm Maltin u oħrajn, li jitolbu għajnuna biex jibnu knejjes, iżommu skejjel, iwaqqfu sptarijiet u jikkuraw morda, jassistu u jilqgħu fi djar apposta familji u tfal abbandunati u jipprovdulhom il-bżonnijiet l-aktar essenzjali. Għaldaqstant, bil-ġbir li jsir fil-quddies ta’ dan it-tmiem il-ġimgħa, inkunu qed ngħinu din il-ħidma missjunarja tal-Knisja f’dawk il-pajjiżi fejn hemm bżonn ħafna assistenza.

Quddies tal-5:30pm

Infakkru li nhar ta’ Ħadd qed jerġa’ jkun hawn il-quddiesa tal-5.30pm.

Rużarju fil-beraħ

Il-Leġjun ta’ Marija se jorganizza Rużarju fil-beraħ minn għada t-Tnejn (23/10/23) sa nhar il-Ħamis li ġej fil-pjazza ta’ Ħal Dwieli. Ir-Rużarju jibda fis-5.45pm u l-Ħamis ikun hemm quddiesa fil-pjazza wara r-Rużarju. Inħeġġu lil min jista’ sabiex jattendi, b’mod speċjali lil dawk li joqogħdu f’din iż-żona.

Laqgħa għall-koppji miżżewġin

Nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Ottubru, se ssir laqgħa għall-koppji miżżewġin, fis-7.00pm, fis-sala taħt l-Uffiċċju Parrokkjali, organizzata mill-Kummissjoni Familja. Il-kelliem se jkun l-Arċipriet.

Festa tal-Konsagrazzjoni tal-Knisja

Nhar il-Ħadd li ġej 29 ta’ Ottubru niċċelebraw il-festa tal-Konsagrazzjoni tal-Knisja. Festa li tfakkarna li l-Knisja hija aħna, il-poplu ta’ Alla, li niġu f’dan il-post qaddis biex nagħtu qima lil Alla. Il-quddiesa tas-6.30pm is-Sibt tkun kantata u l-Ħadd il-quddiesa tad-9.30am tkun animata għat-tfal b’din it-tema.  

Festa tal-Qaddisin Kollha

L-Erbgħa l-1 ta’ Novembru, Festa tal-Qaddisin Kollha, se ssir quddiesa għat-tfal kollha fil-Knisja Arċipretali fis-6.00pm. Nistiednu lit-tfal jiġu lebsin tal-qaddis/a favorit tagħhom jew b’ilbies abjad. Wara l-quddiesa ikun hemm attività varjata għalihom fuq iz-zuntier.

Prietka tal-Milied

Il-ġenituri tat-tfal li għandhom bejn 8 u 9 snin (Year 4 u 5 fl-iskola) u li uliedhom jixtiequ jagħmlu l-Prietka tal-Milied huma mitluba li jiktbu lil uliedhom fis-sagristija jew fl-Uffiċċju Parrokkjali.    

Nitolbu għal ħutna Julie Bugeja u Joseph Micallef, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Leave a Reply