Ħamsa u Għoxrin Ħadd matul is-Sena A

Festa tal-Madonna tad-Duluri

Qegħdin niċċelebraw il-festa tal-Madonna tad-Duluri. (Għada) Illejla fis-6.00pm issir quddiesa kantanta u wara toħroġ il-purċissjoni bix-xbiha ta’ Marija Addolorata.  

Adorazzjoni

It-Tlieta (22/09) issir l-adorazzjoni mmexxija mis-Superjur Joe Fenech, fil-kappella ta’ Dar San Ġużepp (għand is-Sorijiet) fl-10.00am.

Laqgħat għan-Nisa

L-Erbgħa (23/09) jibdew il-laqgħat tal-Azzjoni Kattolika għan-nisa wara l-waqfa tas-sajf. Il-laqgħat ikunu kull nhar ta’ Erbgħa mid-9.30am sal-10.30am fis-sala għand is-sorijiet. Jekk hawn xi nisa li jixtiequ jingħaqdu ma’ dan il-grupp huma mistiedna għal-laqgħa ta’ nhar l-Erbgħa li se tibda b’quddiesa.

Tberik tat-tfal u l-basktijiet

Nhar il-Ħadd (27/09) fil-Quddiesa tad-9.30am se jsir it-tberik tat-tfal u tal-basktijiet tal-iskola. It-tfal kollha huma mħeġġa li jattendu u jġibu magħhom il-basket jew il-pocket tagħhom tal-iskola biex jitbierek.

Festa tal-Madonna tal-Grazzja

Il-Ħadd (27/09) tiġi ċċelebrata l-festa tal-Madonna tal-Grazzja fil-knisja ddedikata lilha fil-parroċċa tagħna. Matul din il-ġimgħa (mit-Tnejn sas-Sibt) jingħad ir-Rużarju fis-6.45pm u fis-7.00pm issir quddiesa. Il-Ħadd fis-6.00pm issir il-quddiesa solenni tal-festa li tagħlaq bl-Antifona u l-Barka Sagramentali.

Sejħa għall-Abbatini

Nixtiequ nħeġġu iktar tfal biex isiru abbatini fil-parroċċa tagħna. L-abbatini mhux biss jgħinu fis-servizz fuq l-altar fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi, imma jkollhom ukoll laqgħat u attivitajiet oħra biex ikomplu jiffurmaw ruħhom f’valuri tajbin. Dawk it-tfal, subien u bniet, li diġa’ għamlu l-Ewwel Tqarbina u jixtiequ jibdew jagħtu servizz bħala abbatini, jistgħu jiġbru applikazzjoni mis-sagristija.

Ġabra għall-Art Imqaddsa

Il-ġabra li se ssir fil-quddiesa tkun b’riżq il-ħidma li l-Knisja twettaq fl-Art Imqaddsa. L-Arċisqof iħeġġiġna biex minbarra l-offerta li nistgħu noffru, nitolbu wkoll biex f’din l-art fejn għex Sidna Ġesù Kristu jkun hemm il-paċi. Permezz tal-offerti tagħna nkunu qed ngħinu lill-Patrijiet Franġiskani biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb is-santwarji fdati f’idejhom marbutin mal-ħajja ta’ Ġesù, u jwettqu diversi ħidmiet ta’ karità ma’ ħutna nsara li jgħixu f’dan il-post. 

Nitolbu għal ħutna Joseph Pace, Filippa Debono u Mona Attard, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.