Ħamsa u Għoxrin Ħadd matul is-Sena Ċ

Festa ta’ Marija Addolorata

Qegħdin niċċelebraw il-festa ta’ Marija Addolorata. Għada (illejla) fis-6.00pm issir il-quddiesa solenni minn Patri Reno Muscat op. Wara toħroġ il-purċissjoni akkumpanjata bit-talba tar-Rużarju li se tgħaddi minn Misraħ San Filep, Triq Sciortino, Triq Frans Sammut u Triq il-Kbira. Ma jkunx hawn il-quddiesa tas-7.00pm.

Laqgħa Grupp Kelma tal-Ħajja

It-Tlieta fid-9.30am jiltaqa’ l-Grupp tal-Kelma tal-Ħajja fis-sala għand is-Sorijiet (taħt l-Uffiċċju Parrokjali). Fl-10.00am ikun hemm l-Adorazzjoni mmexxija mis-Superjur Joe Fenech fil-kappella ta’ San Ġużepp, għand is-Sorijiet.

Laqgħa għall-ġenituri u parrinijiet tal-Griżma

Nhar il-Ġimgħa se ssir l-aħħar laqgħa għall-ġenituri u l-parrini ta’ dawk li se jagħmlu l-Ġriżma. Il-laqgħa se ssir fis-Sala Parrokkjali (fid-Domus), fis-7.00pm.

Tebrik basktijiet tal-Iskola

Nhar il-Ħadd li ġej fil-Quddiesa tal-10.00am se jsir it-tberik tal-basktijiet tal-iskola. It-tfal kollha huma mħeġġa li jattendu u jġibu magħhom il-basket jew il-pocket tagħhom tal-iskola biex jitbierek.

Festa Madonna tal-Grazzja

Nhar il-Ħadd tiġi ċċelebrata l-festa tal-Madonna tal-Grazzja fil-knisja dedikata lilha. Bi preparazzjoni, matul il-ġimgħa (mit-Tnejn sas-Sibt) jingħad ir-Rużarju fis-6.45pm u fis-7.00pm issir quddiesa. Il-Ħadd filgħaxija ssir il-quddiesa solenni tal-festa li tagħlaq bl-Antifona u l-Barka Sagramentali. Aktar dettalji dwar l-attivitajiet marbutin ma’ din il-festa ssibuhom fil-programm li hemm fin-noticeboards.

Sejħa għall-Abbatini

Nixtiequ nħeġġu iktar tfal biex isiru abbatini fil-parroċċa tagħna. L-abbatini mhux biss jgħinu fis-servizz fuq l-altar fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi imma jkollhom ukoll laqgħat u attivitajiet oħra biex ikomplu jiffurmaw ruħhom f’valuri tajbin. Dawk it-tfal, subien u bniet, li diġa’ għamlu l-Ewwel Tqarbina u jixtiequ jibdew jagħtu servizz bħala abbatini jistgħu jiġbru applikazzjoni mis-sagristija.

Ġurnata Sqallija

Il-parroċċa qed torganizza ġita ta’ ġurnata għal Sqallija nhar is-Sibt 22 ta’ Ottubru. Booking u iktar informazzjoni mingħand il-membri tal-Grupp tal-Fundraising jew mis-sagristija.

Ġabra għall-Art Imqaddsa

Il-ġabra li se ssir fil-quddiesa tkun b’riżq il-ħidma li l-Knisja twettaq fl-Art Imqaddsa. L-Arċisqof iħeġġiġna biex minbarra l-offerta li nistgħu noffru, nitolbu wkoll biex f’din l-art fejn għex Sidna Ġesù Kristu jkun hemm il-paċi. Permezz tal-offerti tagħna nkunu qed ngħinu lill-Patrijiet Franġiskani biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb is-santwarji afdati f’idejhom marbutin mal-ħajja ta’ Ġesù, u jwettqu diversi ħidmiet ta’ karità ma’ ħutna nsara li jgħixu f’dan il-post.

Nitolbu għal ħutna Marianna Vassallo u Agnes Debattista, li mietu matul din il-ġimgħa. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *