Il-Ħames Ħadd matul is-Sena B

Għoti tad-Demm

Il-Ħadd, 4 ta’ Frar bejn it-8.30am u s-1.00pm, fl-Iskola Primarja ta’ Ħaż-Żebbuġ se jkun hemm il-possibbiltà li wieħed jagħti d-demm. Min imur jagħti d-demm għandu jippreżenta l-karta tal-identità u jilbes maskra.

Festa Sant’Agata

It-Tnejn 5 ta’ Frar, niċċelebraw il-festa ta’ Sant’Agata fil-quddiesa tas-6.30pm.  Fil-parroċċa tagħna kien hawn devozzjoni lejn din il-qaddisa li hija wkoll waħda mill-qaddisin patruni ta’ Malta. Kienet saret statwa tagħha għad-devozzjoni tal-poplu mill-artist Malti Vincenzo Cremona fl-1895 u mħallsa minn Antonio Callus; madankollu għal madwar 50 sena spiċċat imwarrba. Dan l-aħħar sarilha restawr mill-artist Żebbuġi Jesmond Bonello u issa nistgħu ngawduha mill-ġdid fil-knisja.

Wara l-quddiesa tas-6.30pm se ssir taħdita dwar il-kult ta’ din il-qaddisa, dwar l-istatwa u dwar ix-xogħol ta’ restawr li sar fuqha. Inħeġġu lil min għandu għal qalbu l-patrimonju Żebbuġi sabiex jattendi.

Talba għas-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof

Il-Ħamis 8 ta’ Frar, fil-quddiesa tas-6.30pm, fil-Knisja Arċipretali, dawk l-adolexxenti li se jirċievu s-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof f’Ottubru ta’ din is-sena huma mistiedna jressqu t-talba tagħhom biex jirċievu dan is-sagrament. It-talba li jridu jippreżentaw dakinhar tkun mogħtija lilhom miċ-Ċentru tad-Duttrina fejn jattendu. Il-ġenituri u l-parrini huma mistiedna jattendu għal din il-quddiesa.

Festa ta’ San Pawl

Is-Sibt 10 ta’ Frar niċċelebraw il-Festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl. Jixraq li nqaddsu din il-ġurnata speċjali għalina l-Maltin billi nieħdu sehem fil-quddiesa. Il-quddies ikun: filgħodu fis-7.00am, fit-8.00am u quddiesa oħra fid-9.30am; u filgħaxija fil-5.15pm u fis-6.30pm.

Quddiesa speċjali għall-miżżewġin

Il-Kummissjoni Familja tal-Parroċċa flimkien mal-Azzjoni Kattolika Nisa qegħdin jistiednu lill-koppji miżżewġin għal quddiesa speċjali għalihom nhar it-Tlieta 13 ta’ Frar, fis-6.30pm, fil-Knisja Arċipretali. Dawk il-koppji li qed jiċċelebraw xi anniversarju speċjali miż-żwieġ tagħhom huma mistiedna li jidħlu fis-sagristija u jagħtuna l-ismijiet tagħhom. Dakinhar tingħata tifkira tal-okkażjoni.

Coffee Morning

It-Tlieta 13 ta’ Frar, fid-9.30am se jsir Coffee Morning b’risq il-knisja fis-Sala tas-Sorijiet. Biljetti mingħand il-helpers tal-grupp tal-fundraising.

Nitolbu għal ħutna Pawla Gauci u Philip Seguna, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Leave a Reply