Il-Ħames Ħadd tar-Randan – Sena Ċ

Quddies tal-Ħadd, 3 ta’ April

Minħabba li l-Ħadd filgħodu s-saċerdoti mistennija jieħdu sehem fil-quddiesa li l-Papa se jiċċelebra fuq il-Fosos, l-aħħar quddiesa filgħodu tkun tat-8.00am. Filgħaxija jkun hemm quddies fil-5.30pm u fis-7.00pm, u fis-Santwarju tal-Qalb ta’ Ġesu’ jkun hemm quddiesa fis-6.30pm.

Tibdil fil-ħin tal-quddies fost il-ġimgħa

Minn nhar it-Tnejn il-quddiesa ta’ filgħaxija tibda tkun fis-7.00pm.

Via Sagra għat-Tfal

It-Tnejn u t-Tlieta, 4 u 5 ta’ April, se tiġi organizzata Via Sagra għat-tfal fil-5.30pm fil-Knisja Arċipretali. It-tfal jattendu fil-ġurnata li ġiet indikata lilhom miċ-Ċentri tal-Katekiżmu.  

Qrar u Adorazzjoni

Il-Ħamis, lejlet il-festa tad-Duluri, ikun hawn il-Qrar mis-6.00pm sat-8.00pm. Waqt il-ħin tal-Qrar ikun hawn adorazzjoni fis-skiet.

Festa tad-Duluri

Il-Ġimgħa, 8 ta’ April, niċċelebraw il-festa tad-Duluri ta’ Marija Santissima. Il-quddies filgħodu jkun fis-6.00am, fis-7.00am u fit-8.00am. Fil-5.00pm ikun hawn il-Qrar u fil-5.30pm quddiesa bil-kant. Wara l-quddiesa ssir il-Via Matris (meditazzjoni fuq id-duluri ta’ Marija Santissima). Fis-7.00pm ikun hawn quddiesa oħra.

Ħadd il-Palm u l-Ġimgħa Mqaddsa

Il-Ħadd, 10 ta’ April, nagħtu bidu għall-Ġimgħa Mqaddsa bit-tifkira solenni tad-Daħla ta’ Ġesu’ f’Ġerusalemm. Fid-9.30am issir iċ-ċerimonja tat-tberik taż-żebbuġ f’Misraħ l-Isptar u wara ssir purċissjoni sal-Knisja fejn tkompli l-quddiesa. Inħeġġu t-tfal sabiex jieħdu sehem, u jekk jixtiequ, jistgħu jilbsu lbies Lhudi.

Dakinhar ma ssirx il-quddiesa tad-9.00am.

F’Ħadd il-Palm filgħaxija se jsir il-pellegrinaġġ bix-xbiha ta’ Marija Addolorata minħabba li minn dakinhar se jkunu rilaxxati r-restrizzjonijiet marbutin mal-Covid-19. Għaldaqstant nhar il-Ħadd l-ewwel quddiesa filgħaxija se tkun fil-5.00pm u fis-5.45pm joħroġ il-pellegrinaġġ. Wara jkun hawn il-quddiesa tas-7.00pm bħas-soltu.

Programm Festi tal-Għid

Biex tkunu tistgħu ssegwu aħjar il-programm tal-festi tal-Għid, tistgħu tieħdu leaflet bid-dettalji u l-ħinijiet intom u ħerġin mill-knisja minn ħdejn il-bieb il-kbir.

Pellegrinaġġ għar-Redentur tal-Isla

Infakkar li l-Ħamis 7 ta’ April se jsir pellegrinaġġ għar-Redentur tal-Isla. Min jixtieq jattendi, javviċina lil xi ħadd mill-membri tal-grupp tal-fundraising.

Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira

Infakkar li dawk li jixtiequ jerfgħu fil-vari tal-Ġimgħa l-Kbira fil-postijiet tal-Knisja jew jagħmlu forċina, għandhom jieħdu applikazzjonijiet mis-sagristija. Qed issir sejħa wkoll għall-helpers waqt il-purċissjoni. Għad fadal xi postijiet għal dawk it-tfal li jixtiequ jieħdu sehem. Ir-reġistrazzjoni ssir fil-maħżen fil-ħinijiet indikati. Inħeġġeġ lill-ġenituri biex iħajru lil uliedhom jieħdu sehem.

Nitolbu għal ħutna Joseph Cuschieri, Marthese Galea u Lorenza Bonnici, li mietu matul din il-ġimgħa. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *