Ir-Raba’ Ħadd tal-Avvent – Sena A

Tberik tal-Bambini

Il-Ħadd, 18 ta’ Diċembru, fil-quddiesa tad-9.30am isir it-tberik tal-Bambini. Inħeġġu l-familji bit-tfal biex jattendu u jġibu magħhom il-bambin jew xi presepju żgħir li jintrama fid-dar.

Matul din il-ġimgħa fil-quddiesa ta’ filgħaxija nkomplu bin-Novena tal-Milied. Fi tmiem il-quddiesa ssir ċelebrazzjoni qasira tan-Novena li tintemm bil-Barka Sagramentali.

Laqgħa Grupp Kelma tal-Ħajja

It-Tlieta, 20 ta’ Diċembru jiltaqa’ l-Grupp tal-Kelma tal-Ħajja fid-9.15am fis-sala taħt l-Uffiċċju Parrokkjali. Fl-10.00am, adorazzjoni mmexxija mis-Superjur Joe Fenech fil-Kappella għand is-Sorijiet.

Purċissjoni bil-Bambin fil-Belt Valletta

Il-MUSEUM ta’ Ħaż-Żebbuġ din is-sena ġew mistiedna biex nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Diċembru jorganizzaw id-dimostrazzjoni bil-Bambin li ssir fit-toroq tal-Belt. Tibda fis-6.30pm mill-Pjazza quddiem Kastilja. Qed jiġi organizzat trasport li jitlaq minn ħdejn il-posta fis-5.45pm. Min jixtieq jagħmel użu mit-trasport provdut għandu jinkiteb fis-Sagristija sa nhar it-Tlieta.

Għotjiet ta’ ikel u toiletries

Infakkru li qegħdin nilqgħu għotjiet ta’ ikel u toiletries biex f’dan iż-żmien tal-Milied, bħala parroċċa, ngħinu lil-Laboratorju tal-Paċi li jgħin lir-refuġjati li jkunu f’pajjiżna. Dawn l-għotjiet għandhom jitpoġġew fuq l-altar tal-Kunċizzjoni. Min jixtieq jagħmel offerta ta’ flus għal din id-dar jista’ jgħaddiha lill-Arċipriet jew xi ħadd mis-saċerdoti.

Quddies lejlet il-Milied

Lejlet il-Milied fl-4.30pm ikun hawn il-qrar, waqt li fil-5.15pm u fis-6.30pm ikollna l-quddies tal-ħin. Fis-6.00pm toħroġ dimostrazzjoni mill-MUSEUM tas-subien li tintemm fil-Knisja Arċipretali għas-7.15pm, fejn issir ċelebrazzjoni mmexxija mill-membri tal-MUSEUM. Fl-10.30pm tibda Velja bil-kant, qari u l-prietka mit-tfal segwita mill-quddiesa tal-Lejl tal-Milied għall-11.15pm. Nitolbukom issegwu l-programm li kopji tiegħu jinsabu ħdejn il-bibien tal-knisja.

Quddies nhar il-Milied

Nhar il-Milied il-quddies ikun bħal tal-Ħadd. Fid-9.30am quddiesa speċjali għall-familji u t-tfal u fiha ssir il-prietka tradizzjonali. Filgħaxija l-quddies ikun fil-5.30pm u fis-7.00pm.

Reġistrazzjoni tat-Tfal għall-iskola Primarja

L-iskola primarja ta’ Ħaż-Żebbuġ tixtieq tinfurmakom li qed tilqa’ reġistrazzjonijiet tat-tfal għall-ewwel sena tal-Kinder. Dawk il-ġenituri li għandhom tfal li twieldu bejn Jannar u April 2020 jistgħu jiġbru l-applikazzjoni mill-iskola jew iċemplu fuq 2598 7660/80 għal aktar informazzjoni. Dawn it-tfal jibdew skola fi Frar 2023.

Nitolbu għal Emanuel Micallef li miet matul din il-ġimgħa. Agħtih, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.  

Leave a Reply