Tberik tal-Bambini jew tal-Presepji
Il-Ħadd (22/12) għall-quddiesa tad-9.30am it-tfal huma mistiedna jġibu l-bambin jew presepju żgħir biex jitbierku waqt il-quddiesa.
Lejlet il-Milied u nhar il-Milied
It-Tlieta (24/12), lejlet il-Milied:
- Il-quddies ta’ filgħaxija jkun fil-5.15pm u fis-6.30pm.
- Fis-6.00pm toħroġ il-purċissjoni bil-Bambin mill-qasam tal-MUSEUM tas-Subien u tintemm fil-Knisja Arċipretali għas-7.15pm, fejn issir ċelebrazzjoni madwar Ġesù Bambin bis-sehem tat-tfal. Fil-10.45pm tibda Velja b’riflessjonijiet u kant u l-Prietka mit-tfal.
- Fil-11.30pm tibda l-Quddiesa Solenni tal-Lejl tal-Milied. Lejlet il-Milied, il-Papa Franġisku se jiftaħ il-Porta Santa fil-Bażilika ta’ San Pietru f’Ruma u jagħti bidu għall-Ġublew tat-Tama.
Nhar il-Milied:
- Il-quddies ikun bħal tal-Ħadd. Fid-9.30am quddiesa speċjali għall-familji u t-tfal u li fiha ssir il-prietka tradizzjonali minn żewġt itfal.
- Filgħaxija l-quddies ikun fil-5.30pm u fis-7.00pm.
Kwaranturi
Minn nhar il-Ħamis 26 sas-Sibt 28 ta’ Diċembru jkollna l-ġranet tal-Kwaranturi fil-Knisja Arċipretali. Fit-8.30am issir l-espożizzjoni solenni tal-Ewkaristija sa nofsinhar. Filgħaxija, mill-4.30pm ’il quddiem tkompli l-adorazzjoni fis-skiet u fis-6.10pm tingħad it-talba tal-Għasar. Fis-sagristija hemm timetable tal-ħinijiet biex min jixtieq joffri nofs siegħa adorazzjoni fil-ħinijiet tal-adorazzjoni jkun jista’ jinkiteb.
Festa tal-Familja Mqaddsa
Il-Ħadd fuq il-Milied (29/12), niċċelebraw il-Festa tal-Familja Mqaddsa. Dakinhar nitolbu b’mod speċjali għall-familji tagħna. Filgħaxija l-Arċisqof se jagħti bidu għall-Ġublew fid-djoċesi. Fil-5.00pm jibda pellegrinaġġ mill-Knisja ta’ San Pawl ir-Rabat għall-Katidral tal-Imdina, fejn l-Arċisqof jiċċelebra quddiesa tal-ftuħ tal-Ġublew. Aħna mħeġġin sabiex nattendu.
Sejħa għall-Helpers
Qegħdin nagħmlu sejħa biex jinstabu helpers ġodda li jkunu jistgħu jgħinu fit-tqassim ta’ fuljetti li noħorġu mill-parroċċa matul is-sena. Diġa’ hemm xi volontiera li qed jagħmlu dan; biss neħtieġu aktar għajnuna biex kemm jista’ jkun nilħqu t-toroq kollha. It-tqassim isir madwar erba’ darbiet fis-sena u min joffri l-għajnuna mhux se jkun mitlub jiġbor envelopes jew iħabbat bibien. Ikun apprezzat li min jista’ jgħin jinkiteb fis-sagristija.
Nitolbu għal ħuna Joseph Schembri li għadda għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtih, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.