Tberik tal-Bambini
Il-Ħadd, 19 ta’ Diċembru, fil-quddiesa tal-10.00am se jsir it-tberik tal-Bambini. Inħeġġu l-familji bit-tfal sabiex jattendu.
Novena tal-Milied
Matul din il-ġimgħa fil-quddiesa ta’ filgħaxija nkomplu bin-Novena tal-Milied u fi tmiem il-quddiesa ssir ċelebrazzjoni qasira tan-Novena li tintemm bil-Barka Sagramentali.
Laqgħa tal-Grupp tal-Kelma tal-Ħajja
Nhar it-Tlieta jiltaqa’ l-Grupp tal-Kelma tal-Ħajja fid-9.15am fil-kamra ta’ wara ċ-Ċenaklu.
Għotjiet ta’ prodotti tal-ikel (preserve) u flus
Infakkar li qegħdin nilqgħu għotjiet ta’ ikel sabiex f’dan iż-żmien tal-Milied, bħala parroċċa, ngħinu lid-dar tat-tfal Dar Santa Rita, immexxija mis-Sorijiet Ursolini. Dawn l-għotjiet għandhom jitpoġġew fuq l-altar tal-Kunċizzjoni. Min jixtieq jagħmel offerta ta’ flus għal din id-dar jista’ jgħaddiha lill-Arċipriet jew lil xi ħadd mis-saċerdoti.
Purċissjoni tal-Bambin
Lejlet il-Milied se ssir il-purċissjoni tal-Bambin. Wara diskussjonijiet mal-Awtoritajiet tas-Saħħa, intbagħtulna proċeduri dwar kif il-purċissjonijiet tal-Bambin jistgħu jsiru f’konformità mal-liġijiet attwali. Importanti li kull min jixtieq jipparteċipa fil-purċissjoni għandu jirreġistra minn qabel minn fuq il-paġna tal-Facebook jew mill-website tal-parroċċa. Min japplika, dakinhar irid jippreżenta ċ-ċertifikat tal-vaċċin. Tfal taħt it-12-il sena għandhom ikunu akkumpanjati minn ġenitur/kustodju legali li jkun vaċċinat. Matul il-purċissjoni kulħadd għandu jkun liebes maskra.
Il-purċissjoni se tibda fis-6.45pm miċ-Ċentru Ta’ Warda u tintemm fil-Knisja Arċipretali, fejn issir ċelebrazzjoni mill-membri tal-MUSEUM. Importanti li min japplika jkun ħdejn iċ-Ċentru mhux aktar tard mis-6.30pm u josserva d-direzzjoni mogħtija mill-helpers.
Quddies ta’ lejlet u nhar il-Milied
F’Lejliet il-Milied il-quddies ikun fil-5.00pm u fis-6.30pm. Aktar tard, fid-9.00pm ikun hawn quddiesa tal-lejl tal-Milied bil-prietka tat-tifel. Fil-11.00pm tibda Velja segwita mill-quddiesa tal-Lejl tal-Milied. Nitlobkom issegwu l-programm li kopji tiegħu jinsabu ħdejn il-bieb il-kbir tal-Knisja Arċipretali.
Nhar il-Milied filgħodu l-quddies ikun bħal tal-Ħadd. Fl-10.00am ikollna quddiesa speċjali għall-familji u t-tfal u fiha ssir il-prietka tradizzjonali. Filgħaxija l-quddies ikun fil-5.00pm u fis-6.30pm.
Nitolbu għal ħuna Francis Grima li miet matul din il-ġimgħa. Agħtih, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.