Ir-Raba’ Ħadd tal-Għid – Sena B – Jum il-Vokazzjonijiet

Jum il-Vokazzjonijiet

Waqt li l-Knisja Universali qed tiċċelebra Jum il-Vokazzjonijiet, ningħaqdu ma’ Fr Malcolm Saliba fir-radd ta’ ħajr lil Alla għad-don tas-Saċerdozju li rċieva minn idejn l-Arċisqof. Waqt li nitolbu għalih, xieraq li nitolbu wkoll għal aktar vokazzjonijiet kemm saċerdotali kif ukoll reliġjużi. Nistedinkom biex nissieħbu miegħu għall-quddiesa li huwa se jiċċelebra fil-parroċċa nhar il-Ħadd 28 ta’ April fid-9.30am, biex bħala komunità nifirħu miegħu u mal-familja tiegħu. Wara nkomplu naqsmu l-ferħ tal-okkażjoni fuq iz-zuntier.

Laqgħa dwar it-300 Anniversarju tal-miġja tar-Relikwa

Wara l-laqgħa interessanti li kellna nhar il-Ħamis b’rabta ma’ San Filep bħala eżorċista, nistednukom għat-tieni laqgħa marbuta mat-300 anniversarju tal-miġja tar-Relikwa. Fil-laqgħa li jmiss Mons. Hector Scerri se jitkellem fuq Kristu s-Saċerdot u r-Ragħaj b’rabta ma’ San Filep, li kien saċerdot. Din il-laqgħa ssir fil-Knisja Arċipretali nħar il-Ħamis 25 ta’ April fis-7.00pm wara l-quddiesa u tintemm għas-7.30pm bil-Barka Sagramentali. Inħeġġukom biex tattendu.

Biex infakkru dan l-anniversarju, il-Ħadd 5 ta’ Mejju se ssir purċissjoni filgħodu bir-Relikwa mill-Knisja ta’ Mamo għall-Knisja Arċipretali. Kien proprju minn din il-knisja li 300 sena ilu, fil-25 ta’ Mejju 1724, inġabet b’mod solenni u tpoġġiet fil-Kor tal-Knisja tagħna fejn baqgħet meqjuma sal-lum tul dawn is-snin. Nixtiequ li din il-purċissjoni jieħdu sehem fiha t-tfal u l-fratelli tal-parroċċa. Il-purċissjoni se tibda fid-9.00am u wara tkompli l-quddiesa għall-familji u t-tfal.        

Laqgħa għall-Koppji Miżżewġin

Il-Ġimgħa 26 ta’ April, il-Kummissjoni Familja qed tistieden lill-koppji miżżewġin għal laqgħa li se jmexxiha membru mill-Caritas. Il-laqgħa se ssir fis-Sala tas-Sorijiet (taħt l-Uffiċċju Parrokkjali) fis-7.00pm.

Nitolbu għal ħutna Doris Magri, Josephine Agius u Gawdenz Farrugia, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.