Is-Sitt Ħadd matul is-Sena B

Laqgħa Grupp Kelma tal-Ħajja

It-Tlieta 13 ta’ Frar, fid-9.30am jiltaqa’ l-grupp tal-Kelma tal-Ħajja fid-dar is-sorijiet fuq.

Quddies għall-Koppji

It-Tlieta 13 ta’ Frar, fis-6.30pm, fil-Knisja Arċipretali ikollna quddiesa organizzata mill-Kummissjoni Familja tal-Parroċċa flimkien mal-Azzjoni Kattolika Nisa għall-koppji miżżewġin. Dawk il-koppji li s-sena li għaddiet iċċelebraw xi anniversarju speċjali miż-żwieġ tagħhom huma mistiedna li jidħlu fis-sagristija u jagħtuna l-ismijiet tagħhom. Kull koppja li tattendi tingħata tifkira tal-okkażjoni.

Bidu tar-Randan

L-Erbgħa 14 ta’ Frar nagħtu bidu għaż-żmien tar-Randan. Fil-quddies kollu ssir iċ-ċerimonja tat-tqegħid tal-irmied. Fis-6.00pm jibda pellegrinaġġ bis-Salib u wara għas-6.45pm issir quddiesa konċelebrata. Infakkru li nhar Ras ir-Randan għandu jiġi osservat bħala jum ta’ sawm u astinenza. Ħaġa sabiħa wkoll li matul il-ġimgħat tar-Randan wieħed jimpenja ruħu biex jitlob iżjed, jagħmel xi sagrifiċċju personali u jagħmel xi forma ta’ karita’.

Adorazzjoni

Kull nhar ta’ Ħamis, fis-6.00pm ikun hawn l-adorazzjoni b’temi marbutin maż-żmien tar-Randan.

Via Sagra

Matul iż-żmien tar-Randan, kull nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’ Ġimgħa, tingħad it-talba tal-Via Sagra wara l-quddiesa tat-8.00am u fis-6.00pm, qabel il-quddiesa ta’ filgħaxija.

Ġabra b’risq is-Seminarju

Fil-quddies tas-Sibt u l-Ħadd li ġej se ssir il-ġabra li nagħmlu kull sena b’riżq is-Seminarju, il-post li jagħti formazzjoni lil dawk li jkunu qed iħejju ruħhom għas-saċerdozju. Hu dmir tagħna li ngħinu lis-Seminarju u nitolbu għal aktar vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi.

Ġabra Speċjali

Il-ġabra speċjali li saret nhar is-Sibt u l-Ħadd li għadda kienet ta’ €1,700. Saru xi donazzjonijiet b’risq ir-restawr tal-istatwa ta’ Sant’Agata li ġiet inawgurata nhar it-Tnejn li għadda, li kienu ta’ €850. Hemm il-ħsieb li jiġi ndurat il-pedestall. Min jixtieq jagħmel xi offerta għal dan il-proġett jgħaddiha lill-Arċipriet. Nirringrazzjawkom tas-sostenn u l-għajnuna li dejjem tagħtu lill-Knisja.

Nitolbu għal oħtna Filippa Farrugia, li għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtiha, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.  

Leave a Reply