Laqgħa tal-Grupp Padre Pio
Nhar it-Tlieta fil-Knisja Arċipretali jkun hawn il-laqgħa tal-Grupp Padre Pio li tibda bil-quddiesa fl-4.30pm.
Novena tal-Milied
Nhar l-Erbgħa nagħtu bidu għan-Novena tal-Milied. Il-quddiesa ta’ filgħaxija tkun bis-sehem tal-Kor Parrokkjali u animata minn gruppi u għaqdiet tal-parroċċa. Fi tmiem il-quddiesa ssir ċelebrazzjoni qasira tan-Novena li tintemm bil-Barka Sagramentali.
Programm tal-Festi tal-Milied
Intom u ħerġin mill-knisja tistgħu tieħdu kopja tal-programm tal-festi tal-Milied. Tajjeb li ssegwu minn fuqu minħabba l-ħinijiet tal-quddies nhar il-Milied u l-Ewwel tas-Sena. Navża wkoll minn issa li f’lejlet il-Milied se jkun hawn żewġ quddisiet tal-Lejl tal-Milied, waħda fid-9.00pm u oħra fil-11.00pm, biex ma jinġemgħux ħafna nies f’quddiesa waħda.
Nappella ħafna sabiex insegwu d-direttivi maħruġa mid-Dipartiment tas-Saħħa, speċjalment dwar l-ilbies sew tal-maskri meta nkunu fil-knisja u f’postijiet pubbliċi. Huwa obbligu tagħna lkoll li nieħdu ħsieb is-saħħa tagħna u tal-oħrajn.
Ġbir ta’ prodotti tal-ikel (preserves)
Minn din il-ġimgħa sat-23 ta’ Diċembru se nkunu qegħdin nilqgħu affarijiet ta’ ikel biex f’dan iż-żmien tal-Milied, bħala parroċċa, ngħinu d-dar tat-tfal Dar Santa Rita, immexxija mis-sorijiet Ursolini. Huwa ġest sabiħ li ngħinu u li naħsbu fl-oħrajn fi żmien il-Milied u dejjem. Għal dan l-iskop se nkunu nistgħu nqegħdu l-affarijiet li nġibu fuq l-altar tal-Kunċizzjoni.
Pussess ta’ Kanonku Effettiv għal Dun Jesmond Grech
Nifirħu lill-Kanonku Dun Jesmond Grech, li jservi fil-parroċċa tagħna, li ngħata l-pussess bħala Kanonku Effettiv tal-Kapitlu tal-Proto-Kolleġġjata u Bażilika ta’ Sant’Elena f’Birkirkara.
Ġabra b’riżq il-Knisja – Grazzi
Il-ġabra li saret is-Sibt u l-Ħadd li għadda b’riżq il-knisja kienet ta’ €1,246. Nirringrazzjakom ħafna.
Nitolbu għal ħutna Anna Formosa u Maria Stella Grech, li mietu matul din il-ġimgħa. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.