It-Tielet Ħadd tar-Randan – Sena A

Eżerċizzji għal kulħadd

Minn nhar it-Tnejn 9 ta’ Marzu jibdew l-Eżerċizzi għall-koppji u għal kulħadd wara l-quddiesa ta’ filgħaxija. Imexxi Fr Alfred Scerri, Franġiskan Kappuċċin.

It-Tlieta jmiss il-laqgħa tal-Grupp tal-Kelma tal-Ħajja, fid-9.30am għand is-Sorijiet. L-Erbgħa jiltaqa’ l-Grupp ta’ Padre Pio. Jibdew bil-meditazzjoni tal-Via Sagra fis-6.00pm u wara l-qudduesa.

L-Ewwel Qrara

Is-Sibt 14 ta’ Marzu fid-9.00am, fil-Knisja Arċipretali jkun hawn l-Ewwel Qrara għat-tfal bniet li se jagħmlu l-Ewwel Tqarbina. Is-Sibt ta’ wara (21/3) ikollna l-Ewwel Qrara għas-subien. 

Anniversarju tal-vara l-Kbira

Is-Sibt li ġej 14 ta’ Marzu, fis-7.30pm se jittella’ kunċert ta’ mużika sagra, qari ta’ poeżiji u tagħrif storiku, fl-okkażjoni tal-200 anniversarju minn meta ġiet inawgurata l-Vara l-Kbira u xi vari oħra li għadhom joħorġu sallum fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Dan il-kunċert se jsir fil-Knisja Arċipretali. Kulħadd huwa mistieden. 

Taħdita fuq il-Lużar ta’ Kristu

It-Tnejn 16 ta’ Marzu fis-7.00pm, fis-Sala tas-Sorijiet se ssir taħdita fuq il-Liżar ta’ Kristu li jinsab meqjum ġewwa l-belt ta’ Turin. Din il-laqgħa hija miftuħa għal kulħadd. 

Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira

Matul din il-ġimgħa li ġejja se jsir it-tqassim tal-ilbiesi mill-maħżen tal-Ġimgħa l-Kbira lill-parteċipanti kollha li rreġistraw għall-Purċissjoni, fil-ġranet indikati lilhom. 

Għal dawk li jixtiequ jieħdu sehem, għad fadal xi ftit ilbiesi tas-suldati u tat-tfal. 

Personaġġi jew suldati bl-ilbiesi privati / personali huma mitluba li jiġbru t-tessera tal-parteċipazzjoni tagħhom minn nhar il-Ħadd li ġej 15 ta’ Marzu sat-Tlieta 17 ta’ Marzu, mill-maħżen tal-Ġimgħa l-Kbira. 

Għandna bżonn ukoll l-għajnuna ta’ persuni li jkunu jistgħu jgħinu fl-andament tal-Purċissjoni bħala ushers u helpers. Napprezzaw ħafna l-għajnuna ta’ kull min jista’ joffri sehmu. Min hu interessat, jinkiteb fis-sagristija jew fil-maħżen tal-Ġimgħa l-Kbira. Aktar dettalji fuq in-noticeboards u l-paġna ta’ Facebook tal-parroċċa.

Ġabra Speċjali

Il-Ġabra Speċjali li saret il-Ħadd li għadda laħqet is-somma ta’ €2,134. Nirringrazzjawkom ħafna tal-ġenerożità u s-sostenn li tagħtu lill-Knisja.

Ġabra b’riżq is-Seminarju

Fil-quddies tas-Sibt u l-Ħadd li ġej (14 u 15 ta’ Marzu) se ssir il-ġabra li nagħmlu kull sena b’riżq is-Seminarju, il-post li jagħti formazzjoni lil dawk li jkunu qed iħejju ruħhom għas-saċerdozju. Hu dmir tagħna li ngħinu lis-Seminarju u nitolbu għal aktar vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi.

Nitolbu għal ħutna Josephine Caruana, Maria Concetta Gauci, Mariah Darmanin, Ineż Frendo, Walter Muscat u Joseph Grech, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.