Festa tal-Ħniena Divina
Qegħdin nagħmlu l-Festa tal-Ħniena Divina. Għada / Illum fis-5.45pm nibdew bl-Adorazzjoni u l-Kurunella u t-talba tal-Ħniena Divina u fis-6.30pm ikun hawn il-quddiesa tal-festa.
Laqgħat ta’ Katekeżi
Se jibdew laqgħat ta’ katekeżi għall-adulti u għaż-żgħażagħ immexxija minn membri tal-Mixja Neo-Katekumenali. Il-laqgħat ikunu kull nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Ħamis. Jibdew minn nhar it-Tnejn 13 ta’ April, fis-7.30pm, fis-Santwarju tal-Qalb ta’ Ġesù.
Laqgħa Grupp Kelma tal-Ħajja
It-Tlieta (14/04) fid-9.30am issir il-laqgħa tal-Grupp tal-Kelma tal-Ħajja. Il-laqgħa ssir għand is-sorijiet.
Seminar għall-Ġenituri (Griżma tal-Isqof)
Is-Sibt (18/04) se jsir seminar għall-ġenituri li uliedhom se jirċievu s-Sagrament tal-Griżma f’Ottubru ta’ din is-sena. Is-seminar se jsir fl-iskola St. Michael’s, Santa Venera, bejn l-4.30pm u s-7.00pm. Il-ġenituri huma mħeġġa li jattendu.
Festa tal-Lunzjata
Is-Sibt u l-Ħadd (18 u 19 ta’ April) issir il-festa tal-Lunzjata fil-kappella dedikata lilha. Kemm is-Sibt kif ukoll il-Ħadd fis-6.00pm jingħad ir-Rużarju u fis-6.30pm issir il-quddiesa. Il-Ħadd il-festa tagħlaq bil-barka sagramentali.
Jum il-Karità
Is-Sibt u l-Ħadd li ġej fid-Djoċesi niċċelebraw Jum il-Karità. Il-Knisja ta’ Malta fil-preżent qed toffri residenza u sapport lil madwar 1,600 persuna. Dawn jinkludu tfal u żgħażagħ u anzjani, inkużi saċerdoti, persuni b’diżabilità u persuni li m’għandhomx fejn jgħixu. Toffri wkoll għajnuna lil persuni maqbuda fil-vizzju tad-droga, migranti u vittmi ta’ vjolenza domestika. Barra dan, il-parroċċi, permezz tal-Kummissjoni Djakonija, jgħinu ħafna familji li jkunu jinsabu fil-bżonn. Għal dan il-għan, il-ġbir li jsir is-Sibt u l-Ħadd li ġej ikun b’riżq il-ħidma wiesa’ ta’ karità li twettaq il-Knisja f’pajjiżna.
Karus ta’ Mħabba
Mill-Karus ta’ Mħabba nġabru €1,038. B’dawn il-fondi se jinxtraw filters tal-ilma għal familji foqra fil-Gwatemala biex ikollhom ilma tajjeb għax-xorb. L-offerti li nġabru matul il-Ġimgħa Mqaddsa b’riżq l-għajnuna li jagħti s-Segretarjat Assistenza Soċjali tal-Azzjoni Kattolika lill-familji fil-bżonn kienu jammontaw għal €600.
Nitolbu għal ħutna Alfred Psaila u Raymond Cini, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.
