Festa tal-Madonna tar-Rużarju
Il-Ħadd, 4/10, fil-5.30pm tingħad it-talba tal-Għasar u fis-6.00pm quddiesa kantata bil-prietka minn Fr Ivan Attard OP u bis-sehem tal-Kor Parrokkjali. Wara toħroġ il-purċissjoni bix-xbiha tal-Madonna, akkumpanjata bit-talba tar-Rużarju.
Katekiżmu
Minn nhar it-Tnejn 5 ta’ Ottubru jibda t-tagħlim tal-Katekiżmu fl-oqsma tal-MUSEUM tas-subien u tal-bniet u fl-Azzjoni Kattolika. Inħeġġu biex it-tfal jattendu b’mod regolari biex ikomplu jirċievu l-formazzjoni għall-ħajja nisranija.
Tberik tal-Annimali
Il-Ħadd li ġej 11 ta’ Ottubru, b’rabta mal-festa ta’ San Franġisk, li l-Knisja tiċċelebra bħal-lum 4 ta’ Ottubru, fil-quddiesa tad-9.30am se jsir it-tberik tal-annimali. Għalhekk nistiednu lit-tfal biex dakinhar iġibu l-pets u l-annimali tagħhom biex jitbierku. Il-quddiesa tkun iċċelebrata fuq iz-zuntier tal-knisja. Din iċ-ċelebrazzjoni qed issir b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali.
Talba tar-Rużarju
Infakkru li matul ix-xahar ta’ Ottubru fil-Knisja Arċipretali tingħad it-talba tar-Rużarju fis-6.00pm quddiem Ġesù Espost u tingħata l-barka sagramentali qabel il-quddiesa. Tkun ħaġa sabiħa li nitolbu t-talba tar-Rużarju fil-familji tagħna u nitolbu l-ħarsien ta’ Ommna Marija.
Quddiesa u Adorazzjoni b’talb għall-Vokazzjonijiet
Kull tieni Sibt tax-xahar fis-6.00pm, fis-Seminarju tal-Virtù, ir-Rabat, qed issir Quddiesa u Adorazzjoni b’talb għall-Vokazzjonijiet. Dawn il-laqgħat ta’ kull xahar se jibdew minn nhar is-Sibt li ġej 10 ta’ Ottubru. Ħaġa sabiħa li min għandu għal qalbu l-vokazzjonijiet, u jista’, jattendi.
Ġabra Speċjali
Il-Ħadd, 4.10 huwa l-ewwel Ħadd tax-Xahar. Għalhekk issir il-ġabra speċjali għall-bżonnijiet tal-knisja. Nirringrazzjawkom tal-għajnuna tagħkom li dejjem tagħtu permezz tal-offerti tagħkom.
Nitolbu għal ħuna Nazzareno Farrugia, li għadda għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtih, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.
