Tberik tat-Tfal
Dan il-Ħadd għall-quddiesa tad-9.30am isir it-tberik tat-tfal qabel jibdew li-iskola. Nistiednu lit-tfal kollha jġibu magħhom il-basket tal-iskola jew il-pocket biex jitbierku wkoll.
Festa tal-Madonna tal-Grazzja
Qegħdin niċċelebraw il-festa tal-Madonna tal-Grazzja fil-knisja dedikata lilha. Il-Ħadd fis-6.00pm issir il-quddiesa solenni tal-festa li tagħlaq bl-Antifona u l-Barka Sagramentali u wara ssir il-preżentazzjoni tat-trabi lill-Madonna.
Laqgħa għall-Ġenituri u Parrini
It-Tlieta (29/09) fis-7.00pm se ssir l-aħħar laqgħa għall-ġenituri u l-parrini ta’ dawk li se jagħmlu l-Ġriżma f’Ottubru. Il-laqgħa se ssir fil-Knisja Parrokkjali.
Ix-xahar tar-Rużarju
Minn nhar il-Ħamis (01/10) nagħtu bidu għax-xahar ta’ Ottubru, xahar iddedikat lir-Rużarju. Matul Ottubru fis-6.00pm issir l-espożizzjoni tal-Ewkaristija u jingħad ir-Rużarju li jintemm bil-barka sagramentali qabel il-quddiesa.
Adorazzjoni
Il-Ġimgħa 2 ta’ Ottubru, l-Ewwel Ġimgħa tax-Xahar, ikun hawn adorazzjoni fis-skiet wara l-quddiesa tas-7.00am. Dakinhar imħeġġin sabiex nitolbu għall-vokazzjonijiet saċerdotali.
Festa tal-Madonna tar-Rużarju
Il-Ħadd li ġej 4 ta’ Ottubru, niċċelebraw il-festa tal-Madonna tar-Rużarju. L-Erbgħa, il-Ħamis u l-Ġimgħa ikunu ġranet tat-Tridu. Fis-6.00pm jingħad ir-Rużarju meditat quddiem Ġesu’ Sagramentat u fis-6.30pm quddiesa bil-kant. Il-Ħadd filgħaxija, fil-5.30pm tingħad it-talba tal-Għasar, fil-6.00pm quddiesa kantata minn Fr Ivan Attard OP, bis-sehem tal-Kor Parrokkjali, u wara purċissjoni bix-xbiha tal-Madonna li se tgħaddi minn dawn it-toroq: Sant’Antnin, Mula, Mamo, il-Kbira u Misraħ San Filep.
Sejħa għall-Abbatini
Nixtiequ nħeġġu iktar tfal biex jingħaqdu mal-grupp tal-abbatini tal-parroċċa tagħna. Dawk it-tfal, subien u bniet, li diġa’ għamlu l-Ewwel Tqarbina u jixtiequ jibdew jagħtu servizz bħala abbatini, jistgħu jiġbru applikazzjoni mis-sagristija.
Restawr
Fin-nava fejn hemm in-niċċa ta’ San Ġużepp hemm xi ritratti li juru l-ħsara kbira li ġarrbet il-pittura tal-koppletta snin ilu. Illum qiegħed inħabbar li se jsir ir-restawr meħtieġ biex terġa’ tinfetaħ mill-ġdid. L-istima tax-xogħol se tkun madwar €30,000. Napprezza lil kull min jista’ jgħin finanzjarjament f’dan il-proġett. Barra dan, se nieħdu wkoll xi lampieri tal-fidda antiki għar-restawr li se jiswa €5,000. Inħeġġeġ biex fil-ġabra tal-Ħadd li ġej, l-ewwel Ħadd tax-xahar, inkunu ġenerużi.
Ġabra għall-Art Imqaddsa
Il-ġbir li sar is-Sibt u l-Ħadd li għadda għall-Art Imqaddsa kien ta’ €2,644.
Nitolbu għal ħutna Carmelo Galea, Emanuela Farrugia, Mary Grace Lumsden u Frans Camilleri, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.
