Quddiesa Speċjali għaż-Żgħażagħ
Il-Ħadd, 2 ta’ Jannar, ikollna quddiesa b’mod speċjali għaż-żgħażagħ fis-7.00pm fil-Knisja Arċipretali. Nistiednu liż-żgħażagħ kollha tal-parroċċa tagħna sabiex jieħdu sehem.
Ġbir għall-karita’
Il-ġabra li saret b’riżq id-Dar tal-Providenza fil-Knisja Arċipretali u fis-Santwarju tal-Qalb ta’ Ġesù laħqet somma sabiħa. L-offerti ta’ flus li ngħataw b’riżq id-dar tat-tfal St. Rita Home, immexxija mis-sorijiet Ursolini, kienet ta’ €1,065. Minbarra dawn il-flus, inġabru ammont kbir ta’ għotjiet ta’ ikel, bħalma stajtu taraw qabel il-Milied fuq l-altar tal-Kunċizzjoni. Is-Superjura Sr Denise tirringrazzja lill-komunità parrokkjali tagħna għal din il-ġenerożità li ġiet murija magħhom.
Sejħa għal Abbatini
Infakkru fis-sejħa li qed nagħmlu biex inħeġġu aktar tfal sabiex isiru abbatini fil-parroċċa tagħna. Minbarra s-servizz li jagħtu fuq l-altar, l-abbatini jkollhom ukoll laqgħat u attivitajiet oħra biex ikomplu jiffurmaw il-karattru nisrani u jissaħħu fil-valuri. Dawk it-tfal, subien u bniet, li diġa’ għamlu l-Ewwel Tqarbina u jixtiequ jibdew jagħtu servizz bħala abbatini, jistgħu jiġbru applikazzjoni mis-sagristija.
Adorazzjoni
Nhar il-Ħamis 6 ta’ Jannar, li jaħbat lejlet l-Ewwel Ġimgħa tax-Xahar, ikollna adorazzjoni quddiem Ġesù Sagramentat fis-6.00pm qabel il-quddiesa.
Nitolbu għal ħutna Carmelo Azzopardi, Giulia Mifsud, Andreana Said, Angelo Cauchi u Aylmer Pace, li mietu matul din il-ġimgħa. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.