Solennita’ tat-Trinita’ Mqaddsa – Sena Ċ Festa tal-Patrun tagħna San Filep

Festa tal-Patrun tagħna San Filep

Qed niċċelebraw il-Festa tal-Patrun tagħna San Filep. Fit-8.00am, issir il-Quddiesa Konċelebrata Solenni tal-Festa, immexxija minn Mons. Frans Bonnici, bil-paniġierku mill-Kanonku Michael Galea.

Fil-5.30pm, Għasar bil-quddiesa u fis-7.00pm tibda ħierġa l-Purċissjoni. Imexxi l-Kanonku Jesmond Grech. Il-purċissjoni tidħol lura fil-Knisja fl-10.30pm.

Laqgħa Padre Pio

It-Tlieta, 14 ta’ Ġunju fl-4.30pm, ikun imiss laqgħa oħra tal-Grupp ta’ San Padre Pio li tinkludi quddiesa. Imexxi l-laqgħa Fr Philip Cutajar.

Preżentazzjoni tat-Tfal u Trabi

Il-Ħamis, 16 ta’ Ġunju,  fil-Quddiesa tas-7.00pm, issir il-preżentazzjoni tat-tfal u t-trabi li twieldu matul is-snin 2021 u 2022. Peress li se tingħata tifkira żgħira, min se jattendi importanti li jinkiteb fis-sagristija.

Corpus Domini

Nhar il-Ħadd, 19 ta’ Ġunju, niċċelebraw is-Solennita’ tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu (Corpus Domini). Filgħaxija fis-6.00pm, issir quddiesa solenni u wara toħroġ il-purċissjoni bl-Ewkaristija li tgħaddi minn Triq Sant’Antnin, Triq Santu Rokku, Triq il-Kbira, Triq l-Isqof u Misraħ San Filep. Inħeġġiġkom biex nieħdu sehem fil-purċissjoni b’qima u b’imħabba lejn Ġesu’ Ewkaristija. Nhar il-Ħadd il-quddiesa tas-7.00pm ma ssirx.

Ġabra għall-Festa

Nagħmel appell biex ilkoll tagħtu s-sehem tagħkom għall-ispejjeż tal-festa billi ġġibu l-envelope bl-offerta tagħkom u titfgħuh fil-kaxxi li hawn ħdejn l-altar. Nirringrazzja lil kull min diġa’ għamel offerta għall-festa.

Proġett ta’ Restawr tal-Koppla

Bħalma kont infurmajtkom aktar kmieni din is-sena, 20% tal-proġett tar-restawr tal-koppla irid jitħallas mill-parroċċa. Għal dan il-għan, ħdejn l-artal ta’ Santa Marija, tqiegħed board bid-diżinn tal-koppla li juri kemm inġabru fondi sa issa. Min jixtieq jikkontribwixxi għal dan il-proġett, kull kaxxa tiswa €20. Kif ikun hemm l-armar se jsir restawr ukoll tal-lanterna li għandha xi ħsarat. Wara dan il-proġett hemm ħtieġa immedjata li nduru l-bejt minħabba li wkoll fih ħafna qsim u jeħtieġ manutenzjoni. Bħal dejjem nafda fil-ġenerożità tagħkom. Nirringrazzjakom.

F’isem is-saċerdoti u l-Kunsill Pastorali Parrokkjali, nawgura l-festa t-tajba lilkom u lill-familji tagħkom.

Leave a Reply