Tlieta u Għoxrin Ħadd matul is-Sena Ċ

Reġistrazzjoni għall-Katekiżmu

Ir-reġistrazzjoni tat-tfal għall-katekiżmu fil-parroċċa tagħna miftuħa. Il-ġenituri/kustodji tat-tfal li se jibdew jattendu għall-ewwel darba f’wieħed miċ-ċentri tal-katekiżmu fil-parroċċa tagħna minn Ottubru li ġej huma mitluba li jirreġistraw lit-tfal tagħhom. L-applikazzjonijiet jistgħu jinkisbu mill-Uffiċċju Parrokkjali, mis-Sagristija, miċ-ċentri tal-katekiżmu, kif ukoll minn fuq il-paġna ta’ facebook tal-parroċċa tagħna. Il-ġenituri tat-tfal li uliedhom diġa’ kienu jattendu f’wieħed miċ-ċentri tad-duttrina m’għandhomx bżonn jirreġistraw lil uliedhom.

Quddiesa għall-Fejqan

Nhar l-Erbgħa, 7 ta’ Settembru, fis-Santwarju tal-Qalb ta’ Ġesù se ssir quddiesa b’talb għall-fejqan organizzata mill-Komunita’ Familja Nazaret. Tibda fis-6.00pm u se jqaddes Fr David Borg ofm conv., eżorċista. Aktar informazzjoni issibuha fuq il-paġna ta’ facebook tal-parroċċa.

Festa tat-Twelid tal-Verġni Mqaddsa Marija

Il-Ħamis 8 ta’ Settembru niċċelebraw il-Festa tat-Twelid tal-Verġni Mqaddsa Marija. Għalkemm mhix festa kmandata, tkun ħaġa sabiħa li min jista’ jqaddes din il-ġurnata bil-quddiesa. Il-quddies ikun bħal nhar ta’ xogħol u fis-Santwarju tal-Qalb ta’ Ġesù jkun hemm quddiesa fis-6.30pm.

Korsijiet mill-Istitu ta’ Formazzjoni Pastorali

Għal min jixtieq japprofondixxi aktar fuq il-ħajja nisranija, jew fis-servizz li jagħti fil-komunità, l-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali qed joffri ’l fuq minn tnax-il kors differenti. Min hu interessat jista’ jsib aktar informazzjoni fil-poster li hemm fin-noticeboard jew fuq is-sit.

Ġabra Speċjali

Illum l-ewwel Ħadd tax-xahar, issir ġabra speċjali għall-bżonnijiet tal-knisja. Din il-ġabra se tkun b’riżq ix-xogħol ta’ restawr li qed isir fuq il-koppla u r-restawr u t-tindif tal-kwadru u l-prospettiva tal-Altar tal-Erwieħ. Nirringrazzjawkom tal-ġenerożità permezz tal-offerta tagħkom.

Nitolbu għal ħuna Nikol Cardona li miet matul din il-ġimgħa. Agħtih, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Leave a Reply