Is-Sitt Ħadd matul is-Sena A

Laqgħa Grupp Kelma tal-Ħajja

It-Tlieta 21 ta’ Frar  jiltaqa’ l-Grupp tal-Kelma tal-Ħajja fis-sala tas-Sorijiet fid-9.30am. Fl-10.00am ikun hemm adorazzjoni fil-Kappella ta’ San Ġużepp animata mis-Superjur Joe Fenech.

Ras ir-Randan

L-Erbgħa 22 ta’ Frar  nagħtu bidu għaż-żmien tar-Randan. Fil-quddies kollu ssir iċ-ċerimonja tat-tqegħid tal-irmied. Fis-6.00pm jibda pellegrinaġġ bis-Salib u wara ssir quddiesa konċelebrata. Infakkar li nhar Ras ir-Randan għandu jiġi osservat bħala jum ta’ sawm u astinenza. Ħaġa sabiħa wkoll li matul il-ġimgħat tar-Randan wieħed jimpenja ruħu biex jitlob iżjed, jagħmel xi sagrifiċċju personali u jagħmel xi forma ta’ karita’.

Matul iż-żmien tar-Randan, kull nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’ Ġimgħa, tingħad it-talba tal-Via Sagra fis-6.00pm, qabel il-quddiesa ta’ filgħaxija.

Adorazzjoni

Il-Ħamis 24 ta’ Frar fis-6.00pm issir adorazzjoni qabel il-quddiesa bit-tema tal-liturġija tal-Ewwel Ħadd tar-Randan.

Ġbir għall-vittmi tat-terremot fit-Turkija u s-Sirja

L-offerti li għaddewlna diversi persuni b’riżq il-fond tal-Caritas għal dawk li ntlaqtu mit-terremot fit-Turkija u s-Sirja, laħqu s-somma ta’ €4,265.

Sehem fil-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira

Dawk li jixtiequ jieħdu sehem fil-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira għandhom jinkitbu minn dan il-Ħadd 19 ta’ Frar bejn l-10.00am u nofsinhar fil-post ta’ wara l-knisja.

Nitolbu għal Emanuel Farrugia, Annunziata Abela u George Spiteri, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem. 

Is-Sitt Ħadd matul is-Sena A

Bake Sale b’risq il-Missjoni

F’dan il-weekend fuq iz-zuntier qed isir Bake Sale b’risq il-missjoni li se jagħmlu grupp ta’ ħmistax-il żagħżugħ u żagħżugħa mill-parroċċa tagħna, flimkien ma’ Fr Mario Dimech, ġewwa Durres, l-Albanija, fis-sajf li ġej. Huma se jkunu qed jgħinu lill-Patrijiet Dumnikani Maltin fi proġetti edukattivi u soċjali. Ħaġa sabiħa li ngħinuhom f’din l-inizjattiva.  

Laqgħa Grupp Padre Pio

Nhar it-Tlieta 14 ta’ Frar fl-4.30pm ikun hawn il-laqgħa tal-Grupp ta’ San Piju li tinkludi fiha quddiesa. Imexxi Fr Philip Cutajar.

Quddiesa Speċjali għall-Koppji

Infakkru li nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Frar se ssir quddiesa speċjali għall-koppji miżżewġin li qed tiġi organizzata mill-Kummissjoni Familja tal-parroċċa, flimkien mal-Azzjoni Kattolika Adulti. Dawk il-koppji li qed jiċċelebraw xi anniversarju speċjali miż-żwieġ tagħhom huma mistiedna li jidħlu fis-sagristija u jagħtuna l-ismijiet tagħhom. Fi tmiem il-quddiesa, il-koppji jingħataw tifkira tal-okkażjoni.

Ġabra b’risq is-Seminarju

Fil-quddies tas-Sibt u l-Ħadd li ġej se ssir il-ġabra li nagħmlu kull sena b’riżq is-Seminarju, il-post li jagħti formazzjoni lil dawk li jkunu qed iħejju ruħhom għas-saċerdozju. Hu dmir tagħna li ngħinu lis-Seminarju u nitolbu għal aktar vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi.

Bħalma tafu, il-Caritas waqqfet fond biex ngħinu lill-popli tat-Turkija u s-Sirja li ġew milquta mit-terremot. Min jixtieq jikkontribwixxi jista’ jgħaddi l-offerta lil xi ħadd minna s-saċerdoti biex imbagħad ngħadduhom lill-Caritas.

Ġabra Speċjali

Il-ġabra speċjali li saret nhar is-Sibt u l-Ħadd li għadda kienet ta’ €1,532. Nirringrazzjawkom tas-sostenn u l-għajnuna li dejjem tagħtu lill-Knisja.

Nitolbu għal ħutna Martina Attard, Marlene Azzopardi u Saviour Mizzi, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.  

Il-Ħames Ħadd matul is-Sena A

Laqgħa għall-ġenituri li wliedhom ser jagħmlu l-Griżma

It-Tlieta 7 ta’ Frar se ssir laqgħa għall-ġenituri li uliedhom se jagħmlu l-Griżma f’Ottubru li ġej. Il-laqgħa se ssir fis-Sala Parrokkjali (fid-Domus) fis-7.00pm.

Festa ta’ San Pawl

Il-Ġimgħa 10 ta’ Frar niċċelebraw il-Festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl. Jixraq li nqaddsu din il-ġurnata speċjali għalina l-Maltin billi nieħdu sehem fil-quddiesa. Il-quddies ikun fis-6.00am, 7.00am, 8.00am u 9.30am filgħodu u fis-6.30pm filgħaxija.

Ċelebrazzjoni tal-Magħmudija

Nhar il-Ħadd 12 ta’ Frar fil-quddiesa tal-5.30pm se jiġi ċċelebrat is-Sagrament tal-Magħmudija. Sakemm ma jkunx avżat mod ieħor, il-magħmudija fil-quddiesa se tibda ssir kull tieni u raba’ Ħadd tax-xahar dejjen fil-quddiesa tal-5.30pm.

Quddiesa speċjali għall-Miżżewġin

Il-Kummissjoni Familja tal-Parroċċa flimkien mal-Azzjoni Kattolika Nisa qiegħdin jistiednu lill-koppji miżżewġin għal quddiesa speċjali għalihom il-Ġimgħa 17 ta’ Frar, fis-6.30pm, fil-Knisja Arċipretali. Dawk il-koppji li qed jiċċelebraw xi anniversarju speċjali miż-żwieġ tagħhom huma mistiedna li jidħlu fis-sagristija u jagħtuna l-ismijiet tagħhom. Dakinhar tingħata tifkira tal-okkażjoni.

Coffee Morning

It-Tlieta 14 ta’ Frar se jsir Coffee Morning b’risq il-Knisja fis-sala tas-sorijiet. Biljetti mingħand il-helpers tal-grupp tal-fundraising.

Nitolbu għal ħutna Kate Saliba, Mario Farrugia u Filippa Micallef, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.  

Ir-Raba’ Ħadd matul is-Sena A

Laqgħa għall-Ġenituri tat-tfal li ser jagħmlu l-Ewwel Tqarbina

Nhar it-Tlieta, 31 ta’ Jannar, se ssir laqgħa oħra għall-ġenituri li uliedhom se jagħmlu l-Ewwel Tqarbina f’Mejju li ġej. Il-laqgħa se ssir fis-Sala Parrokkjali (id-Domus), fis-7.00pm. Importanti li l-ġenituri jattendu.

Festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej – Kandlora

Nhar il-Ħamis 2 ta’ Frar nagħmlu l-Festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej, magħrufa bħala l-Kandlora. Fis-6.00pm ikun hawn l-adorazzjoni u fis-6.30pm quddiesa kantata li fiha jsir it-tberik tax-xemgħa.

Adorazzjoni

Il-Ġimgħa, l-Ewwel Ġimgħa tax-xahar, wara l-quddiesa tas-7.00am se jkun hawn ħin ta’ adorazzjoni fis-skiet quddiem Ġesù Ewkaristija, li jintemm bil-Barka Sagramentali qabel il-quddiesa tat-8.00am.

Jum il-Ħajja

Il-Ħadd li ġej, 5 ta’ Frar, jiġi ċċelebrat Jum il-Ħajja. F’din l-okkażjoni, il-Malta Unborn Child Platform, fergħa fi ħdan il-Moviment ta’ Kana, se torganizza quddiesa fil-KonKatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, fil-11.00am, immexxija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea Curmi.

Nitolbu għal ħutna Carmel Vancell, Angela Baldacchino u Joseph Debono, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

It-Tielet Ħadd matul is-Sena A

Laqgħa għall-koppji miżżewġgin

Nhar il-Ġimgħa, 27 ta’ Jannar, il-Kummissjoni Familja se torganizza laqgħa oħra għall-koppji miżżewġin fis-6.45pm fis-Sala tas-Sorijiet (taħt l-Uffiċċju Parrokkjali). In-Nutar Philip Ellul se jagħti taħdita dwar San Ġużepp u l-virtujiet tiegħu.

Nitolbu għal ħutna Grace Tanti u Doris Chircop, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

It-Tieni Ħadd matul is-Sena A

Ġingħa ta’ Talb għall-għaqda fost il-Knejjes

Minn nhar l-Erbgħa 18 sal-25 ta’ Jannar tibda l-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost il-Knejjes Insara mad-dinja kollha. L-Adorazzjoni tal-Ħamis li ssir fil-Knisja Arċipretali fis-6.00pm tkun bl-intenzjoni biex il-knejjes insara differenti jkunu dejjem iżjed ħaġa waħda bejniethom. Nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Jannar se jsir Servizz Ekumeniku fil-Knisja ta’ San Nikola (Tal-Erwieħ) il-Belt, fis-6.30pm, b’rabta ma’ din il-ġimgħa ta’ talb għall-għaqda tal-Knejjes.

Laqgħa Grupp Kelma tal-Ħajja

Nhar it-Tlieta 17 ta’ Jannar jiltaqa’ l-grupp tal-Kelma tal-Ħajja fid-9.30am. Din il-laqgħa se ssir fis-sala ta’ isfel għand is-Sorijiet (taħt l-Uffiċċju Parrokkjali). Fl-10.00am fil-kappella ta’ San Ġużepp ikun hemm l-adorazzjoni li jmexxi is-Superjur Joe Fenech.

Jum il-Bibbja

Il-Ħadd 22 ta’ Jannar niċċelebraw Jum il-Kelma ta’ Alla (Jum il-Bibbja). Għalhekk qed nistiednu lit-tfal biex dakinhar iġibu l-Bibbja tagħhom magħhom għall-quddiesa tad-9.30am biex inberkuhom waqt il-quddiesa.

Nitolbu għal ħutna Carmen Saccasan Debono, Maryanne Formosa, Maria Curmi u Gemma Vella, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.  

Solennita’ tal-Epifanija tal-Mulej – Sena A

Quddiesa Speċjali għaż-Żgħażagħ

Il-Ħadd 8 ta’ Jannar ikollna quddiesa b’mod speċjali għaż-żgħażagħ fis-7.00pm fil-Knisja Arċipretali. Nistiednu liż-żgħażagħ tal-parroċċa tagħna sabiex jieħdu sehem. 

Laqgħa Kunsill Patorali Parrokjali

Nhar it-Tnejn 9 ta’ Jannar jiltaqa’ l-Kunsill Pastorali Parrokkjali fis-6.30pm fis-Sala taħt l-Uffiċċju Parrokkjali.

Laqgħa Grupp Padre Pio

It-Tlieta 10 ta’ Jannar fil-Knisja Arċipretali jiltaqa’ l-Grupp ta’ Padre Pio. Il-laqgħa tibda fl-4.30pm bil-quddiesa. Imexxi l-laqgħa Fr Philip Cutajar ofm Cap.

Adorazzjoni

Kull nhar ta’ Ħamis fil-Knisja Arċipretali ssir nofs siegħa adorazzjoni quddiem Ġesù Sagramentat li tibda fis-6.00pm.

Ġabra b’riżq id-Dar tal-Providenza

Il-ġbir li sar b’riżq id-Dar tal-Providenza fil-bidu tas-sena fil-Knisja Arċipretali u fil-knejjes l-oħra li fihom isir il-quddies, laħaq is-somma ta’  €8,500. F’isem id-Direttur Fr Martin Micallef nirringrazzjawkom tal-ġenerożità tagħkom.

Nitolbu għal ħutna Maria Doris Bugeja, Emanuel Attard u Salvina Cascun, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.  

Solennita’ ta’ Marija Omm Alla – Sena A

Adorazzjoni

Nhar il-Ħamis li ġej, 5 ta’ Jannar, lejlet l-Ewwel Ġimgħa tax-Xahar, ikollna adorazzjoni quddiem Ġesù Sagramentat fis-6.00pm qabel il-quddiesa. Il-Ġimgħa, wara l-quddiesa tas-7.00am, ikollna adorazzjoni fis-skiet sa qabel il-quddiesa tat-8.00am.

Festa tal-Epifanija

Nhar il-Ħadd li ġej, 8 ta’ Jannar, niċċelebraw il-Festa tal-Epifanija. Dakinhar se niċċelebraw il-wasla tal-Maġi qabel il-quddiesa tad-9.30am. Qed nistiednu lill-familji bit-tfal biex jinġabru fiċ-Ċentru Ta’ Warda fid-9.15am sabiex jakkumpanjaw lill-Maġi sal-Knisja. It-tfal jistgħu jilbsu wkoll ta’ slaten maġi. Inħeġġu lill-familji jieħdu sehem. 

Attivita taż-żgħażagħ tal-Leġjun ta’ Marija

Nhar il-Ħadd 8 ta’ Jannar mid-9.00am sal-11.30am, iż-żgħażagħ tal-Leġjun ta’ Marija għandhom l-attivita’ bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani. Aktar informazzjoni ssibuha fin-noticeboards tal-knisja. Dakinhar ukoll se tiġi ċċelebrata quddiesa għaż-żgħażagħ fis-7.00pm fil-Knisja Arċipretali. Nistiednu liż-żgħażagħ kollha tal-parroċċa tagħna sabiex jieħdu sehem.  

Jum Dinji taż=Żgħażagħ f’Lisbona

Infakkru lil dawk iż-żgħażagħ li huma interessati li jattendu l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ ġewwa Lisbona, il-Portugall, f’Awwissu li ġej, sabiex jiksbu aktar informazzjoni mis-Sagristija jew minn fuq il-paġna ta’ Facebook tal-parroċċa.

Ġabra għar-refuġjati

L-offerti ta’ flus li ngħataw b’riżq ir-refuġjati laħqu s-somma ta’ €1,475. Minbarra dawn il-flus, inġabar ammont kbir ta’ għotjiet ta’ ikel, bħalma stajtu taraw qabel il-Milied fuq l-altar tal-Kunċizzjoni. Patri Dijonisju Mintoff jirringrazzja lill-komunità parrokkjali tagħna għal din il-ġenerożità.

Ġabra lejlet il-Milied

Il-ġabra f’lejlet u nhar il-Milied laħqet is-somma ta’ €2,335. Nirringrazzjawkom tal-ġenerożita’ tagħkom.

Ġabra għad-Dar tal-Providenza

Il-ġbir kollu li qed isir fil-quddies f’dan it-tmiem il-ġimgħa jkun b’riżq id-Dar tal-Providenza. Ilkoll nafu kemm din id-dar teħtieġ għajnuna biex toffri servizz tajjeb u professjonali lir-residenti li jgħixu fiha. Inkun ġenerużi fl-għotjiet tagħna.

It-Twelid ta’ Sidna Ġesu’ Kristu – Sena A

Kwaranturi

Minn nhar il-Ħamis 29 ta’ Diċembru sal-aħħar tas-sena jkollna l-Kwaranturi fil-Knisja Arċipretali. Fit-8.30am issir l-espożizzjoni solenni tal-Ewkaristija sa nofsinhar. Filgħaxija fl-4.30pm ikun hawn siegħa adorazzjoni fis-skiet u fis-6.00pm tingħad it-talba tal-Għasar. Fis-Sagristija hemm timetable tal-ħinijiet biex min jixtieq joffri nofs siegħa adorazzjoni fil-ħinijiet tal-adorazzjoni jinkiteb.

Quddies ta’ l-aħħar tas-Sena

Nhar is-Sibt, 31 ta’ Diċembru – l-aħħar jum tas-sena, bħas-soltu jkun hawn il-quddiesa tal-5.15pm. Fis-6.30pm quddiesa solenni ta’ radd il-ħajr lil Alla fl-għeluq tas-sena. Fi tmiem il-quddiesa, issir purċissjoni fil-knisja bl-Ewkaristija u jitkanta t-Te Deum. Nhar l-Ewwel tas-Sena, Solennità ta’ Marija Omm Alla, il-quddies ikun bħal nhar ta’ Ħadd. Filgħaxija jkun hawn quddies fil-5.30pm u fis-7.00pm.

Ġbir għad-Dar tal-Providenza

Il-ġbir kollu li jsir nhar is-Sibt filgħaxija u fl-Ewwel tas-Sena jkun b’riżq id-Dar tal-Providenza. Ilkoll nafu kemm din id-dar teħtieġ għajnuna biex toffri servizz tajjeb u professjonali lir-residenti li jgħixu fiha. Inkun ġenerużi fl-għotjiet tagħna.

Attivita’ Żgħażagħ Leġjun ta’ Marija

Nhar il-Ħadd 8 ta’ Jannar mid-9.00am sal-11.30am, iż-żgħażagħ tal-Leġjun ta’ Marija se jorganiżżaw attivita’ bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani. Iktar informazzjoni ssibuha fin-noticeboards tal-knisja. Dakinhar ukoll se tiġi ċċelebrata quddiesa għaż-żgħażagħ fis-7.00pm fil-Knisja Arċipretali. Nistiednu liż-żgħażagħ kollha tal-parroċċa tagħna sabiex jieħdu sehem.  

Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Lisbona

F’Awwissu tas-sena d-dieħla (2023) se jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ ġewwa Lisbona, il-Portugall, li għalih hu mistenni li jkun preżenti l-Q.T. Papa Franġisku. Dawk iż-żgħażagħ li huma interessati li jattendu għal dan l-avveniment flimkien ma’ żgħażagħ oħra mill-parroċċa tagħna, jistgħu jitolbu aktar informazzjoni mis-Sagristija jew minn fuq il-paġna ta’ Facebook tal-parroċċa.

Nitolbu għal Philip Camilleri, li miet matul din il-ġimgħa. Agħtih, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Ir-Raba’ Ħadd tal-Avvent – Sena A

Tberik tal-Bambini

Il-Ħadd, 18 ta’ Diċembru, fil-quddiesa tad-9.30am isir it-tberik tal-Bambini. Inħeġġu l-familji bit-tfal biex jattendu u jġibu magħhom il-bambin jew xi presepju żgħir li jintrama fid-dar.

Matul din il-ġimgħa fil-quddiesa ta’ filgħaxija nkomplu bin-Novena tal-Milied. Fi tmiem il-quddiesa ssir ċelebrazzjoni qasira tan-Novena li tintemm bil-Barka Sagramentali.

Laqgħa Grupp Kelma tal-Ħajja

It-Tlieta, 20 ta’ Diċembru jiltaqa’ l-Grupp tal-Kelma tal-Ħajja fid-9.15am fis-sala taħt l-Uffiċċju Parrokkjali. Fl-10.00am, adorazzjoni mmexxija mis-Superjur Joe Fenech fil-Kappella għand is-Sorijiet.

Purċissjoni bil-Bambin fil-Belt Valletta

Il-MUSEUM ta’ Ħaż-Żebbuġ din is-sena ġew mistiedna biex nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Diċembru jorganizzaw id-dimostrazzjoni bil-Bambin li ssir fit-toroq tal-Belt. Tibda fis-6.30pm mill-Pjazza quddiem Kastilja. Qed jiġi organizzat trasport li jitlaq minn ħdejn il-posta fis-5.45pm. Min jixtieq jagħmel użu mit-trasport provdut għandu jinkiteb fis-Sagristija sa nhar it-Tlieta.

Għotjiet ta’ ikel u toiletries

Infakkru li qegħdin nilqgħu għotjiet ta’ ikel u toiletries biex f’dan iż-żmien tal-Milied, bħala parroċċa, ngħinu lil-Laboratorju tal-Paċi li jgħin lir-refuġjati li jkunu f’pajjiżna. Dawn l-għotjiet għandhom jitpoġġew fuq l-altar tal-Kunċizzjoni. Min jixtieq jagħmel offerta ta’ flus għal din id-dar jista’ jgħaddiha lill-Arċipriet jew xi ħadd mis-saċerdoti.

Quddies lejlet il-Milied

Lejlet il-Milied fl-4.30pm ikun hawn il-qrar, waqt li fil-5.15pm u fis-6.30pm ikollna l-quddies tal-ħin. Fis-6.00pm toħroġ dimostrazzjoni mill-MUSEUM tas-subien li tintemm fil-Knisja Arċipretali għas-7.15pm, fejn issir ċelebrazzjoni mmexxija mill-membri tal-MUSEUM. Fl-10.30pm tibda Velja bil-kant, qari u l-prietka mit-tfal segwita mill-quddiesa tal-Lejl tal-Milied għall-11.15pm. Nitolbukom issegwu l-programm li kopji tiegħu jinsabu ħdejn il-bibien tal-knisja.

Quddies nhar il-Milied

Nhar il-Milied il-quddies ikun bħal tal-Ħadd. Fid-9.30am quddiesa speċjali għall-familji u t-tfal u fiha ssir il-prietka tradizzjonali. Filgħaxija l-quddies ikun fil-5.30pm u fis-7.00pm.

Reġistrazzjoni tat-Tfal għall-iskola Primarja

L-iskola primarja ta’ Ħaż-Żebbuġ tixtieq tinfurmakom li qed tilqa’ reġistrazzjonijiet tat-tfal għall-ewwel sena tal-Kinder. Dawk il-ġenituri li għandhom tfal li twieldu bejn Jannar u April 2020 jistgħu jiġbru l-applikazzjoni mill-iskola jew iċemplu fuq 2598 7660/80 għal aktar informazzjoni. Dawn it-tfal jibdew skola fi Frar 2023.

Nitolbu għal Emanuel Micallef li miet matul din il-ġimgħa. Agħtih, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.