It-Tielet Ħadd tal-Għid – Sena B

Attivita’ tal-Ewwel Tqarbina

Nhar it-Tnejn u l-Ħamis (15 u 18 t’April) se ssir attività fil-Knisja Arċipretali għat-tfal li se jagħmlu l-Ewwel Tqarbina. Il-ħin ikun fil-5.15pm. Inħeġġu lill-ġenituri jġibu lil uliedhom fil-ġurnata indikata lilhom miċ-Ċentru fejn jattendu l-katekiżmu.

Adorazzjoni u laqgħa tal-Fratelli

It-Tlieta (16 t’April) fid-9.30am, fil-Kappella ta’ San Ġużepp għand is-Sorijiet ikun hemm l-adorazzjoni li jmexxiha s-Superjur Joe Fenech.

Fis-7.00pm se ssir laqgħa għall-Fratelli fis-Sala tas-Sorijiet. Inħeġġu lil dawk li s-soltu jieħdu sehem fil-purċissjonijiet sabiex jattendu.

Anniversarju tar-Relikwa ta’ San Filep

Din is-sena qegħdin infakkru t-300 anniversarju minn meta nġabet ir-relikwa ta’ San Filep. Biex infakkru din il-ġrajja, matul it-tliet ġimgħat li ġejjin se jkollna laqgħat ta’ tagħlim b’temi marbutin mal-appostolat u l-ministeru li wettaq San Filep. L-ewwel laqgħa se tkun nhar il-Ħamis li ġej (18 t’April) fis-7.00pm. Il-kelliem se jkun Dun Antoine Borg, Direttur ta’ Radju Marija u eżorċista, li se jitkellem dwar ir-realtà tal-okkult u s-sataniżmu fi żmienna. Il-kelliema fil-ġimgħat ta’ wara se jkunu Mons. Prof. Hector Scerri u Fr Charles Tabone OP. Inħeġġukom sabiex tattendu. Għal din l-okkażjoni se jiġi ppubblikat ktieb riċerkat bil-ġrajja ta’ kif il-parroċċa kisbet din ir-relikwa tant għażiża għalina, li matul is-sena tkun meqjuma fuq l-altar ta’ San Filep fil-kor tal-Knisja Arċipretali tagħna. Ir-relikwa hija biċċa mill-għadma tad-driegħ tal-qaddis patrun tagħna.

Ordinazzjoni tad-Djaknu Malcolm Saliba

Is-Sibt 20 t’April, fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann il-Belt Valletta, id-djaknu Malcolm Saliba, flimkien ma’ żewġ djakni oħra, se jiġu ordnati saċerdoti minn Mons. Arċisqof. Il-quddiesa tal-Ordinazzjoni tibda fid-9.30am. Qed jiġi organizzat trasport li jitlaq fid-8.45am minn ħdejn il-Posta. Min jixtieq jiġi b’dan it-trasport jinkiteb fis-sagristija. Nhar il-Ħamis fis-7.00pm, fil-parroċċa ta’ San Pawl ir-Rabat, se ssir velja ta’ talb bi tħejjija u biex nissieħbu spiritwalment ma’ dawk li se jiġu ordnati saċerdoti. 

Fuljett ‘Flimkien’

Intom u ħerġin nistednukom tieħdu kopja tal-magażin FLIMKIEN, il-ħarġa ta’ April u Mejju. Ikun apprezzat jekk ikun hemm min jieħu xi kopja lil xi ħadd li joqgħod qrib tiegħu li ma jkunx jista’ joħroġ mid-dar.

Ġabra Speċjali

Il-ġabra speċjali li saret is-Sibt u l-Ħadd li għadda għall-bżonnijiet tal-knisja kienet ta’ €1,880. Nirringrazzjawkom ħafna tal-offerti tagħkom.

Reġistrazzjoni tat-Tfal għall-Kinder

Il-Kap tal-iskola primarja ta’ Ħaż-Żebbuġ tavża li qed tilqa’ reġistrazzjonijiet tat-tfal għall-ewwel sena tal-kinder. Dawk il-ġenituri li għandhom tfal li twieldu fis-sena 2021 jistgħu jiġbru l-applikazzjoni mill-iskola. Dawn it-tfal jibdew skola f’Ottubru 2024. (Numru tat-telefon tal-iskola: 2598 7660).

Ġabra f’Jum il-Karita

Id-Djoċesi ta’ Malta qed tiċċelebra Jum il-Karità. Għaldaqstant, il-ġbir kollu li jsir fil-quddies ikun l-offerta tagħna biex ngħinu diversi ħidmiet u inizjattivi ta’ karità li twettaq il-Knisja permezz ta’ Djar u Istituzzjonijiet li joffru servizz u għajnuna lil persuni u familji fil-bżonn.

Nitolbu għal ħutna Joseph Attard, John Grech, Vincent Vella, Manuel Cortis u Maria Carmela Mangion, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.  

It-Tieni Ħadd tal-Għid – Sena B

Festa tal-Ħniena Divina

Il-Ħadd 7 ta’ April fil-5.30pm ikollna l-quddiesa u wara tkompli l-Adorazzjoni bil-Kurunella u t-talba tal-Ħniena Divina u l-Barka Sagramentali.

Laqgħa Grupp Kelma tal-Ħajja

It-Tlieta 9 ta’ April jiltaqa’ l-Grupp tal-Kelma tal-Ħajja fid-9.30am għand is-Sorijiet. Filgħaxija ssir il-laqgħa tal-Grupp ta’ Padre Pio li tibda fis-6.00pm bir-Rużarju. 

Laqgħa formattiva dwar ‘Addiction’

Il-Ġimgħa 12 ta’ April, il-Kummissjoni Djakonija flimkien ma’ Caritas qegħdin jistednukom għal-laqgħa formattiva fuq l-addiction u kif nistgħu noffru l-kura. It-tema ta’ din il-laqgħa hija: “L-addiction mhix is-soluzzjoni: kif nista’ nkun ta’ għajnuna u ta’ sapport għall-oħrajn?” Il-laqgħa se ssir fis-Sala tas-Sorijiet u tibda fis-7.30pm.

Festa tal-Lunzjata

Is-Sibt u l-Ħadd 13 u 14 ta’ April issir il-festa tal-Lunzjata fil-kappella dedikata lilha. Is-Sibt ikun hemm quddiesa fis-6.30pm u l-Ħadd il-quddiesa tal-festa tkun fis-7.00pm u tagħlaq bil-Barka Sagramentali.

Jum il-Karita’

Il-Ħadd li ġej (13-14 ta’ April) id-Djoċesi ta’ Malta tiċċelebra ‘Jum il-Karità’. Għaldaqstant il-ġbir kollu li jsir fil-quddies tas-Sibt u l-Ħadd li ġej ikun l-offerta tagħna biex ngħinu diversi ħidmiet u inizjattivi ta’ karità li twettaq il-Knisja permezz ta’ Djar u Istituzzjonijiet li joffru servizz u għajnuna lil persuni u familji fil-bżonn.

Buffet Breakfast

Għad fadal ftit postijiet għall-Buffet Breakfast li qed jorganizza l-Grupp tal-Fundraising nhar it-Tlieta li ġej, 9 ta’ April. It-trasport jitlaq fid-8.45am minn ħdejn il-Posta. Min hu interessat ikellem lil xi ħadd mill-membri tal-grupp.

Ġabra b’riżq id-Dar tal-Kleru

Il-ġabra li saret b’riżq id-Dar tal-Kleru nhar Ħamis ix-Xirka kienet ta’ €1,000 u l-offerti li għamlu t-tfal matul ir-Randan permezz tal-Karus ta’ Mħabba kienu ta’ €600. B’dawn l-offerti se ngħinu tfal milquta mill-gwerra li għaddejja fl-Art Imqaddsa.

Nitolbu għal ħutna Nazzareno Cortis, Emanuel Tanti u Phyllis Garufi, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Ħadd il-Għid

Ħadd il-Għid

Fid-9.00am toħroġ il-purċissjoni ta’ Kristu Rxoxt. Fid-9.30am ikollna quddiesa speċjali tal-Għid għat-tfal u l-familji. F’nofsinhar isir it-tberik tal-figolli fuq iz-zuntier.

Via Lucis

Il-Ħamis 4 ta’ April fis-6.00pm se ssir il-Via Lucis b’meditazzjonijiet fuq il-misteru tal-Qawmien ta’ Kristu.

Adorazzjoni

Il-Ġimgħa 5 ta’ April, l-Ewwel Ġimgħa tax-Xahar, wara l-quddiesa tas-7.00am ikollna nofs siegħa adorazzjoni fis-skiet sa qabel il-quddiesa tat-8.00am.

Festa tal-Ħniena Divina

Nhar il-Ħadd 7 ta’ April niċċelebraw il-Festa tal-Ħniena Divina. Fil-5.30pm ikollna quddiesa kantata u wara tkompli adorazzjoni.

Festa tal-Lunzjata

Is-Sibt u l-Ħadd 13 u 14 ta’ April issir il-festa tal-Lunzjata fil-kappella dedikata lilha. F’dawn il-jumejn ikun hemm Rużarju fis-6.30pm u Quddiesa fis-7.00pm.

Jum il-Karita’

Il-Ħadd li ġej (13-14 ta’ April) id-Djoċesi ta’ Malta tiċċelebra ‘Jum il-Karità’. Għaldaqstant il-ġbir kollu li jsir fil-quddies tas-Sibt u l-Ħadd li ġej ikun l-offerta tagħna biex ngħinu diversi ħidmiet u inizjattivi ta’ karità li twettaq il-Knisja permezz ta’ Djar u Istituzzjonijiet li joffru servizz u għajnuna lil persuni u familji fil-bżonn.

Ringrazzjament għas-sehem f’dawn il-festi tal-Għid:

  • Il-Kunsill Lokali u l-Pulizija għad-disponibbiltà u s-servizz tagħhom f’dawn il-ġranet.
  • Il-Kumitat responsabbli mill-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira li rsista u ħadem ħafna.
  • Lis-Soċjetajiet Mużikali Każin San Ġużepp u Banda De Rohan u Għaqda Każin Banda San Filep għas-sehem tagħhom fil-purċissjonijiet.
  • Dawk li offrew li jieħdu sehem u jgħinu fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.
  • Is-saċerdoti, il-Kummissjoni Liturġija, il-kor u l-abbatini għas-sehem tagħhom waqt il-funzjonijiet liturġiċi.
  • Is-sagristani u helpers li jarmaw il-knisja.
  • Il-grupp tan-nisa li jieħdu ħsieb it-tindif tal-knisja.
  • Dawk li jieħdu ħsieb id-daqq tal-qniepen.

F’isem il-Kleru u l-Kunsill Pastorali Parrokkjali, nawgura lil kulħadd l-Għid it-tajjeb.    

Nitolbu għal ħutna Nazzarena Galea, Emanuel Marmarà, Carmel Fiorentino u Ninu Grech, li għaddew għal ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Ħadd il-Palm – Sena B

Ġimgħa Mqaddsa

Qegħdin nagħtu bidu għall-Ġimgħa Mqaddsa bit-tifkira solenni tad-Daħla ta’ Ġesu’ f’Ġerusalemm.

  • Il-Ħadd, 24 ta’ Marzu fid-9.00am issir iċ-ċerimonja tat-tberik taż-żebbuġ f’Misraħ l-Isptar u wara ssir purċissjoni sal-Knisja fejn tkompli l-quddiesa.  
  • It-Tnejn, it-Tlieta u l-Erbgħa jkollna dan il-programm: fis-6.10pm ngħidu flimkien it-talba tal-Għasar, fis-6.30pm il-quddiesa u wara jkun hawn ħin ta’ riflessjoni u talb. 
  • Nhar Ħamis ix-Xirka filgħodu ma jkunx hawn quddies. L-Arċisqof imexxi ċ-ċelebrazzjoni bit-Tberik taż-Żjut fid-9.15am, fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, flimkien mas-saċerdoti. Fis-6.30pm tibda l-Funzjoni ta’ Ħamis ix-Xirka u fi tmiem il-quddiesa Ġesu’ Ewkaristija jittieħed proċessjonalment fl-altar tal-adorazzjoni u minn dak il-ħin inkunu nistgħu nagħmlu l-viżti u l-adorazzjoni tagħna. Fl-10.30pm ikun hawn Adorazzjoni Komunitarja u f’nofsillejl tagħlaq il-knisja.
  • Nhar il-Ġimgħa l-Kbira, il-Knisja tiftaħ fis-6.30am u jibdew il-viżti. Fid-9.00am nistednukom għat-talb tal-Uffiċċju tal-Qari u t-Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum magħna s-saċerdoti. Imbagħad ikompli l-ħin tal-viżti sa nofsinhar. Fit-3.00pm nagħtu bidu għall-funzjoni tal-Adorazzjoni tas-Salib. Kif tintemm il-funzjoni, il-knisja tingħalaq biex ikunu jistgħu jsiru l-preparamenti għall-purċissjoni. Ħadd mhu se jitħalla joqgħod fil-knisja ħlief dawk biss li se jieħdu sehem, jiġifieri personaġġi, reffiegħa u helpers. Fil-5.30pm toħroġ il-purċissjoni kif indikat fil-programm. Min jixtieq jirriserva siġġu fuq iz-zuntier għal waqt il-ħruġ tal-purċissjoni, jista’ jagħmel dan mill-post ta’ wara l-knisja.
  • Sibt il-Għid filgħaxija, il-knisja tiftaħ fis-7.00pm. Fit-8.00pm nagħtu bidu għall-funzjoni tal-Vġili tal-Għid. Nhar Ħadd il-Għid fid-9.00am toħroġ il-purċissjoni. Fid-9.30am ikollna quddiesa speċjali tal-Għid għat-tfal u l-familji. Dakinhar it-tfal iġibu l-Karus ta’ Mħabba. F’nofsinhar isir it-tberik tal-figolli fuq iz-zuntier.

Biex tkunu tistgħu ssegwu aħjar il-programm tal-festi tal-Għid, tistgħu tieħdu leaflet bid-dettalji u l-ħinijiet intom u ħerġin minn ħdejn il-bibien tal-knisja.

Ġimgħa ta’ Sagrifiċċju

L-Azzjoni Kattolika, permezz tas-Segretarjat Assistenza Soċjali, matul dawn il-ġranet torganizza Ġimgħa ta’ Sagrifiċċju. Inħeġġukom biex ngħinu l-ħidma ta’ karita’ li twettaq l-Azzjoni Kattolika ma’ familji u persuni fil-bżonn billi nagħtu xi offerta ta’ flus fil-kaxxa li hawn ħdejn l-altar.

Nitolbu għal ħutna Joseph Farrugia, Ġużeppi Cini u Paul Borg, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.  

Il-Ħames Ħadd tar-Randan – Sena B

Solennita’ ta’ San Ġużepp

It-Tlieta 19 ta’ Marzu niċċelebraw is-Solennità ta’ San Ġuzepp. Il-quddiesa tat-8.00am tkun dik tal-festa u fiha ssir il-professjoni tal-fratelli l-ġodda. Dawk li jixtiequ jinkitbu fil-fratellanza huma mitluba jiktbu isimhom fis-sagristija. Fl-10.00am, fil-kappella tas-Sorijiet ikun hemm l-adorazzjoni li jmexxiha s-Superjur Joe Fenech. Filgħaxija ikun hawn riflessjoni fuq il-Vanġelu tal-Ħadd li jmexxiha Rev. Malcolm. Din id-darba se ssir fis-6.00pm qabel il-quddiesa.

Via Matris

Nhar l-Erbgħa, 20 ta’ Marzu fis-6.00pm ikun hawn meditazzjoni fuq id-Duluri tal-Madonna (Via Matris) qabel il-quddiesa.

Seba’ Kelmiet ta’ Marija

Il-Ħamis, 21 ta’ Marzu, lejlet il-festa tad-Duluri, ikun hawn il-Qrar mis-5.45pm ’il quddiem. Fis-6.00pm ikun hawn adorazzjoni b’riflessjonijiet fuq is-Seba’ Kelmiet ta’ Marija.

Festa tad-Duluri

Il-Ġimgħa, 22 ta’ Marzu niċċelebraw il-festa tad-Duluri ta’ Marija Santissima. Il-quddies filgħodu jkun fis-6.00am, fis-7.00am u fit-8.00am. Fil-5.00pm ikun hawn il-Qrar u fil-5.30pm quddiesa bil-kant. Wara l-quddiesa, fis-6.15pm joħroġ il-Pellegrinaġġ bix-xbiha tad-Duluri li se jgħaddi minn Triq Sciortino, Triq Frans Sammut, Triq il-Kbira u l-Pjazza. Għas-7.30pm, wara l-pellegrinaġġ, ikollna quddiesa oħra.

Bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa

Il-Ħadd nagħtu bidu għall-Ġimgħa Mqaddsa bit-Tifkira Solenni tad-Daħla ta’ Ġesu’ f’Ġerusalemm. Fid-9.00am issir iċ-ċerimonja tat-tberik taż-żebbuġ f’Misraħ l-Isptar u wara ssir purċissjoni sal-Knisja fejn tkompli l-quddiesa. Inħeġġu lit-tfal sabiex jieħdu sehem, u jekk jixtiequ, jistgħu jilbsu lbies ta’ tfal Lhud.

Biex tkunu tistgħu ssegwu aħjar il-programm tal-Festi tal-Għid, tistgħu tieħdu leaflet bid-dettalji u l-ħinijiet intom u ħerġin minn ħdejn il-bibien tal-knisja.

Ġimgħa ta’ Sagrifiċċju

Minn nhar il-Ġimgħa, Festa tad-Duluri, sal-Ġimgħa l-Kbira, is-Segretarjat Assistenza Soċjali tal-Azzjoni Kattolika jorganizza Ġimgħa ta’ Sagrifiċċju. Aħna mħeġġin nagħmlu xi offerta, li tkun frott ta’ xi sagrifiċċju personali, biex ngħinu persuni u familji fil-bżonn. L-offerti għandhom jintefgħu fil-kaxxa li hawn ħdejn il-presbiterju tal-Knisja Arċipretali.

Nitolbu għal Angela Ciantar u Catherine Muscat li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Ir-Raba’ Ħadd tar-Randan – Sena B

Laqgħat Grupp Kelma tal-Ħajja, Grupp Padre Pio

It-Tlieta 12 ta’ Marzu jiltaqa’ l-Grupp tal-Kelma tal-Ħajja fid-9.30am għand is-Sorijiet. Filgħaxija ssir il-laqgħa tal-Grupp ta’ Padre Pio li tibda fis-6.00pm bir-Rużarju.

Riflessjoni fuq il-Vanġelju

Wara l-quddiesa ta’ filgħaxija, it-Tlieta 12 ta’ Marzu ssir ir-riflessjoni fuq il-Vanġelu tal-Ħadd.

Adorazzjoni tas-Salib

Il-Ħamis, 14 ta’ Marzu, fis-6.00pm, fil-Knisja Arċipretali se jkun hawn ċelebrazzjoni u fiha ssir l-adorazzjoni tas-salib. It-tema se tkun “Is-salib li fuqu Kristu ta hajtu għalina”. Waqt il-ħin tal-adorazzjoni se jkun hawn is-saċerdoti għall-qrar. Wara l-adorazzjoni, għas-6.45pm, ikun hawn il-quddiesa.

Festa tar-Redentur

Il-Ġimgħa, 15 ta’ Marzu, nagħmlu l-festa devozzjonali tar-Redentur. Fis-6.00pm joħroġ il-pellegrinaġġ bix-xbiha ta’ Ġesù Redentur u kif jintemm il-pellegrinaġġ, għas-7.00pm, tiġi ċċelebrata l-quddiesa. Il-pelleġrinaġġ se jgħaddi minn Misraħ San Filep, Triq il-Kbira, Triq Frans Sammut, Triq Dun Mikiel Scerri, Triq id-Duluri, Triq Pawlu Balzan, Triq it-Twila, Triq il-Kbira u Misraħ San Filep.

Dramm tal-passjoni

Minn nhar il-Ġimgħa 15 sat-Tnejn 18 ta’ Marzu kuljum, fis-Sala Parrokkjali (id-Domus) se jittella’ d-Dramm tal-Passjoni. Biljetti mis-Sala stess mit-8.00pm ’il quddiem.

Sejħa għal ‘Helpers’ għall-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira

Għad għandna bżonn persuni li lesti jgħinu fl-andament tal-purċissjoni u għal darb’oħra nagħmlu sejħa biex it-tfal jieħdu sehem. Għal dawk li jixtiequ, għad fadal ukoll xi lbiesi. Wieħed għandu jinkiteb fil-maħżen ta’ wara l-knisja, il-Ħadd filgħodu mill-10.00am sa nofsinhar.

Fratellanza San Ġużepp

Infakkru li dawk li jixtiequ jinkitbu fil-Fratellanza ta’ San Ġużepp huma mitluba jinkitbu fis-sagristija. Il-professjoni tal-fratelli l-ġodda se ssir nhar it-Tlieta 19 ta’ Marzu, Festa ta’ San Ġużepp, fil-quddiesa tat-8.00am.

Pellegrinaġġ Redentur tal-Isla

Se jsir pellegrinaġġ għar-Redentur tal-Isla, il-Ħamis 21 ta’ Marzu, tluq fid-8.45am minn ħdejn il-Posta. Min jixtieq jattendi javviċina lil xi ħadd mill-membri tal-grupp tal-fundraising.

Nitolbu għal ħuna Victor Bonnici li għadda għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtih, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.  

It-Tielet Ħadd tar-Randan – Sena B

Quddiesa għaż-zgħażagħ

Il-Ħadd, 3 ta’ Marzu nistiednu liż-żgħażagħ tal-parroċċa għall-quddiesa tas-7.00pm li se tkun animata b’mod speċjali għalihom f’dan iż-żmien tar-Randan. 

Eżerċizzji għall-Koppji

Minn nhar it-Tnejn 4 ta’ Marzu jibdew l-Eżerċizzi għall-koppji wara l-quddiesa ta’ filgħaxija. Imexxi Bro Miguel Zammit OFM Cap.

L-Ewwel Qrara għall-bniet

Nhar is-Sibt 9 ta’ Marzu fid-9.00am, fil-Knisja Arċipretali jkun hawn l-Ewwel Qrara għat-tfal bniet li se jagħmlu l-Ewwel Tqarbina.

Sehem fil-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira

Infakkru li dawk li jixtiequ jieħdu sehem fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira għandhom jinkitbu fil-post tas-soltu wara l-knisja, il-Ħadd mill-10.00am sa nofsinhar.

Nixtiequ nagħmlu sejħa b’mod speċjali għat-tfal biex jieħdu sehem.

Għandna bżonn ukoll l-għajnuna ta’ persuni li jkunu jistgħu jgħinu fl-andament tal-purċissjoni bħala helpers. Napprezzaw ħafna l-għajnuna ta’ kull min jista’ joffri sehmu.  

Lejl ta’ Qima

L-Azzjoni Kattolika ser torganizza Lejl ta’ Qima, minn nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Marzu fis-7.30pm sas-Sibt filgħodu; 12-il siegħa adorazzjoni quddiem Ġesù Ewkaristija fil-Kappella ta’ San Mattew tal-Maqluba, il-Qrendi.

Dramm tal-Passjoni

Fil-15, 16, 17 u 18 ta’ Marzu, fit-Teatru Dun Mikiel Xerri (Sala Parrokkjali) se jittella’ d-Dramm tal-Passjoni bl-isem “Kuraġġ … Jien Hawn Ħdejk”. Biljetti mis-Sala Parrokkjali stess, kuljum mit-8.00pm ’il quddiem.

Coffee Morning

It-Tlieta 12 ta’ Marzu se jsir Coffee Morning b’riżq il-knisja, fis-sala tas-sorijiet. Booking għand il-membri tal-grupp tal-fundraising.

Ġita organizzata mill-Parroċċa

Hemm il-ħsieb li lejn l-aħħar ta’ Ġunju l-parroċċa torganizza tour għas-Serbian Lakes & Mountains. Min hu interessat ikellem lill-Arċipriet.

It-tieni Ħadd tar-Randan – Sena B

Riflessjonijiet fuq il-Vanġelu tal-Ħadd u Adorazzjoni

Matul dawn il-ġimgħat tar-Randan ikomplu r-riflessjonijiet fuq il-Vanġelu tal-Ħadd kull nhar ta’ Tlieta wara l-quddiesa ta’ filgħaxija u l-Ħamis ikun hawn l-adorazzjoni fis-6.00pm.

Laqgħa għall-Ġenituri tat-tfal li ser jagħmlu l-Ewwel Tqarbina

Nhar il-Ħamis 29 ta’ Frar imiss it-tieni laqgħa għall-ġenituri li uliedhom se jagħmlu l-Ewwel Tqarbina. Il-ħin ikun fis-7.00pm fis-Sala Parrokkjali (Domus).

L-Ewwel Qrara

Nhar is-Sibt 2 ta’ Marzu fid-9.00am, fil-Knisja Arċipretali jkun hawn l-Ewwel Qrara għat-tfal subien li se jagħmlu l-Ewwel Tqarbina. L-ewwel qrara għall-bniet tkun is-Sibt ta’ wara 9 ta’ Marzu.

Quddies Speċjali għaż-Żgħażagħ

Nhar il-Ħadd li ġej 3 ta’ Marzu nistiednu liż-żgħażagħ kollha għall-quddiesa tas-7.00pm li se tkun animata b’mod speċjali għalihom f’dan iż-żmien tar-Randan. 

Eżerċizzi għall-Miżżewġin

Mil-4 sat-8 ta’ Marzu se jsiru l-eżerċizzi għall-miżżewġin li se jmexxihom Bro Miguel Zammit ofm Cap. L-eżerċizzi jsiru fil-Knisja Arċipretali fis-7.00pm wara l-quddiesa ta’ filgħaxija.

Ġabra b’riżq is-Seminarju

Il-ġabra li saret is-Sibt u l-Ħadd li għadda fil-parroċċa tagħna b’riżq is-Seminarju kienet ta’ €3,700.

Sehem fil-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbria

Il-Ħadd bejn l-10.00am u nofsinhar tkompli l-kitba għal dawk li jixtiequ jieħdu sehem fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.

Volontarjat għaż-żgħażagħ fil-Peru

Bħala parroċċa se nkunu qed noffru esperjenza ta’ volontarjat għal żgħażagħ minn 18 sa 30 sena ġewwa l-Peru’ fis-sajf tas-sena d-dieħla (2025). Dawk iż-żgħażagħ li huma interessati għandhom jikkuntattjaw lil Fr Mario Dimech sal-10 ta’ Marzu. Il-postijiet huma limitati.

Nitolbu għal ħutna Giovanna Vassallo, Maria-Dolores Cowles, Carmel Pace, Philip Chircop u Mariannna Bonanno, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.  

L-Ewwel Ħadd tar-Randan – Sena B

Adorazzjoni

It-Tlieta 20 ta’ Frar, fl-10.00am, fil-Kappella ta’ San Ġużepp għand is-sorijiet ikun hemm l-adorazzjoni li jmexxiha s-Superjur Joe Fenech.

Riflessjoni fuq l-Evanġelju

Kull nhar ta’ Tlieta matul il-ġimgħat tar-Randan se tibda ssir riflessjoni fuq il-Vanġelu tal-Ħadd li jkun imiss. Din il-laqgħa mal-Kelma ta’ Alla se ssir fis-7.00pm wara l-quddiesa ta’ filgħaxija.

Adorazzjoni matul ir-Randan

Kull nhar ta’ Ħamis fis-6.00pm ikollna l-adorazzjoni b’tema marbuta mar-Randan. Nhar ta’ Sibt fil-5.00pm, qabel il-quddiesa nitolbu flimkien it-talba tal-Għasar.

Laqgħa għall-barranin li joqogħdu f’Ħaż-Żebbuġ

Nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Frar, se ssir laqgħa fuq ir-Randan, bl-isem “You Belong” għal dawk li mhumiex Maltin u li joqogħdu fil-parroċċa tagħna. Il-laqgħa se ssir fis-7.30pm fis-Sala tas-Sorijiet, Dar San Ġużepp.

On Friday 23rd February, there will be another encounter entitled “You Belong” for parishioners coming from other countries. The meeting will take place at 7.30pm at Dar San Ġużepp.

Avviż mis-Superjura tal-MUSEUM

Is-Superjura tal-MUSEUM tavża li mhux se jsir tagħlim tal-Katekiżmu għall-bniet minn nhar it-Tnejn 19 sal-Ġimgħa 23 ta’ Frar peress li l-membri għandhom l-Eżerċizzi tar-Randan.

Sehem fil-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira

Minn dan il-Ħadd qed tinfetaħ ir-reġistrazzjoni għal dawk li jixtiequ jieħdu sehem fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Dawk interessati għandhom jinkitbu fil-post ta’ wara l-knisja, il-Ħadd bejn l-10.00am u nofsinhar.

Nitolbu għal ħutna Catherine Bugeja u Francesco Saverio Bonnici, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.  

Is-Sitt Ħadd matul is-Sena B

Laqgħa Grupp Kelma tal-Ħajja

It-Tlieta 13 ta’ Frar, fid-9.30am jiltaqa’ l-grupp tal-Kelma tal-Ħajja fid-dar is-sorijiet fuq.

Quddies għall-Koppji

It-Tlieta 13 ta’ Frar, fis-6.30pm, fil-Knisja Arċipretali ikollna quddiesa organizzata mill-Kummissjoni Familja tal-Parroċċa flimkien mal-Azzjoni Kattolika Nisa għall-koppji miżżewġin. Dawk il-koppji li s-sena li għaddiet iċċelebraw xi anniversarju speċjali miż-żwieġ tagħhom huma mistiedna li jidħlu fis-sagristija u jagħtuna l-ismijiet tagħhom. Kull koppja li tattendi tingħata tifkira tal-okkażjoni.

Bidu tar-Randan

L-Erbgħa 14 ta’ Frar nagħtu bidu għaż-żmien tar-Randan. Fil-quddies kollu ssir iċ-ċerimonja tat-tqegħid tal-irmied. Fis-6.00pm jibda pellegrinaġġ bis-Salib u wara għas-6.45pm issir quddiesa konċelebrata. Infakkru li nhar Ras ir-Randan għandu jiġi osservat bħala jum ta’ sawm u astinenza. Ħaġa sabiħa wkoll li matul il-ġimgħat tar-Randan wieħed jimpenja ruħu biex jitlob iżjed, jagħmel xi sagrifiċċju personali u jagħmel xi forma ta’ karita’.

Adorazzjoni

Kull nhar ta’ Ħamis, fis-6.00pm ikun hawn l-adorazzjoni b’temi marbutin maż-żmien tar-Randan.

Via Sagra

Matul iż-żmien tar-Randan, kull nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’ Ġimgħa, tingħad it-talba tal-Via Sagra wara l-quddiesa tat-8.00am u fis-6.00pm, qabel il-quddiesa ta’ filgħaxija.

Ġabra b’risq is-Seminarju

Fil-quddies tas-Sibt u l-Ħadd li ġej se ssir il-ġabra li nagħmlu kull sena b’riżq is-Seminarju, il-post li jagħti formazzjoni lil dawk li jkunu qed iħejju ruħhom għas-saċerdozju. Hu dmir tagħna li ngħinu lis-Seminarju u nitolbu għal aktar vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi.

Ġabra Speċjali

Il-ġabra speċjali li saret nhar is-Sibt u l-Ħadd li għadda kienet ta’ €1,700. Saru xi donazzjonijiet b’risq ir-restawr tal-istatwa ta’ Sant’Agata li ġiet inawgurata nhar it-Tnejn li għadda, li kienu ta’ €850. Hemm il-ħsieb li jiġi ndurat il-pedestall. Min jixtieq jagħmel xi offerta għal dan il-proġett jgħaddiha lill-Arċipriet. Nirringrazzjawkom tas-sostenn u l-għajnuna li dejjem tagħtu lill-Knisja.

Nitolbu għal oħtna Filippa Farrugia, li għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtiha, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.