Tnax-il Ħadd matul is-Sena B

Offerta ta’ San Pietru

Is-Sibt u l-Ħadd 29 u 30 ta’ Ġunju, nagħmlu l-ġabra magħrufa bħala l-“Offerta ta’ San Pietru”. B’din il-ġabra nkunu qegħdin nuru l-imħabba tagħna lejn il-Papa Franġisku u ngħinuh biex ikun jista’ jifrex dejjem aktar il-ħidmiet tiegħu ta’ Ragħaj tal-Knisja Universali permezz ta’ għotjiet ta’ karità mad-dinja kollha, b’mod speċjali ma’ dawk milqutin minn xi emerġenza, diżastru naturali jew gwerra. Nistednukom tilqgħu l-appell tal-Isqfijiet tagħna biex inkunu ġenerużi.

Ktieb “Teżori ta’ Fidi”

Bħalma ħafna jafu, fil-jiem tal-festa, il-parroċċa ħarġet ktieb bl-isem ‘Teżor ta’ Fidi’, li jagħti tagħrif dettaljat u riċerkat dwar il-miġja tar-relikwa ta’ San Filep fil-parroċċa. Għal min jixtieq jikseb kopja ta’ dan il-ktieb, se jkun hemm persuni apposta ħdejn in-niċċa ta’ San Ġużepp.

Ħarġiet għall-Baħar

Kull nhar ta’ Tlieta se jiġu organizzati ħarġiet għall-baħar mill-Grupp tal-Fundraising. L-ewwel ħarġa se tkun nhar it-Tlieta 2 ta’ Lulju. Tluq fid-9.00am minn ħdejn il-posta u lura fis-2.00pm. Min hu interessat, ikellem lil xi ħadd mill-membri tal-Grupp tal-Fundraising.

Użu tal-fannijiet fil-Knisja

In-naħa tal-kappellun tar-Rużarju hawn xi bankijiet riservati għal min ma jkunx irid il-fan qrib tiegħu. Nappella biex il-fannijiet ma jintfewx imma jitħallew mixgħulin.

Quddiesa tal-5:30pm (Ħadd)

Navżaw li l-quddiesa tal-5.30pm ta’ filgħaxija nhar ta’ Ħadd se tieqaf matul ix-xhur ta’ Lulju u Awwissu. Issir biss meta jkun avżat li se ssir quddiesa li fiha jkun se jiġi ċċelebrat is-Sagrament tal-Magħmudija.

Nitolbu għal ħutna Paul Micallef, Maria Dolores Axiaq u Philip Chircop, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Ħdax-il Ħadd matul is-Sena B

Jum il-Missier

Qegħdin niċċelebraw Jum il-Missier. Il-quddiesa tad-9.30am tkun animata b’mod speċjali għal din l-okkażjoni. Inħeġġu lill-familji jattendu għaliha. Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Missier, iċ-ċimiterju jkun miftuħ mis-7.00am sat-3.30pm.

Adorazzjoni

It-Tlieta 18 ta’ Ġunju fl-10.00am ikun hemm l-adorazzjoni mmexxija mis-Superjur Joe Fenech fil-kappella ta’ San Ġużepp għand is-Sorijiet.

Festa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu

Il-Ġimgħa 21 ta’ Ġunju, issir il-Festa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù fis-Santwarju. Fis-6.15pm quddiesa solenni u wara ssir purċissjoni madwar is-Santwarju.

Rużarju u Quddiesa f’Wied Qirda

Il-Ġimgħa wkoll (21 ta’ Ġunju) il-Leġjun ta’ Marija se jorganizza rużarju u quddiesa fil-kappella tal-Viżitazzjoni ġewwa Wied Qirda.  Ikun hemm ir-rużarju fis-6.00pm u wara quddiesa. Kulħadd mistieden, speċjalment il-membri awżiljarji, sabiex jgħidu t-talba tal-Leġjun.

Ġita għas-Serbja

Dawk li nkitbu għall-ġita li l-parroċċa qed torganizza għas-Serbja huma mitluba li jkellmu lill-Arċipriet matul din il-ġimgħa sa nhar l-Erbgħa.

Nitolbu għal ħutna Angelo Micallef, Raymond Bugeja u Nazzarena Dimech, kif ukoll għall-missirijiet mejtin li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem. 

L-Għaxar Ħadd matul is-Sena B

Laqgħa Grupp Kelma tal-Ħajja

It-Tlieta 11 ta’ Ġunju fid-9.3am jiltaqa’ l-Grupp tal-Kelma tal-Ħajja għand is-Sorijiet.

Adorazzjoni

Il-Ħamis 13 ta’ Ġunju, fis-6.00pm qabel il-quddiesa jkun hawn nofs siegħa adorazzjoni quddiem Ġesù Sagramentat. 

Festa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu

Il-Ġimgħa, 14 ta’ Ġunju, nagħmlu l-festa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù. Fil-5.30pm ikollna ħin ta’ Adorazzjoni fis-skiet, fis-6.30pm issir quddiesa kantata u wara toħroġ il-purċissjoni bl-Ewkaristija li tgħaddi minn Triq il-Parroċċa, Triq Ebona, Triq tad-Dawl, Triq San Ġużepp, Triq Sidtna tal-Anġli, Triq il-Kbira u Misraħ San Filep. Inħeġġukom sabiex tieħdu sehem fil-purċissjoni b’qima u b’imħabba lejn Ġesu’ Ewkaristija. Inħeġġeġ il-ġenituri tat-tfal li għamlu l-Ewwel Tqarbina din is-sena biex iġibu lil uliedhom ħalli jieħdu sehem fil-quddiesa u jakkumpanjaw fil-purċissjoni lebsin bil-libsa tal-preċett jew ilbies ieħor adattat.

Jum il-Missier

Il-Ħadd, 16 ta’ Ġunju, ikun Jum il-Missier. Il-quddiesa tad-9.30am tkun animata b’mod speċjali għal din l-okkażjoni. Inħeġġu lill-familji jattendu għaliha. Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Missier, iċ-ċimiterju jkun miftuħ is-Sibt u l-Ħadd mis-7.00am sat-3.30pm.

Intenzjonijiet tal-Quddies

Dawk li jixtiequ jiktbu l-intenzjonijiet tal-quddies għax-xhur ta’ bejn Lulju u Diċembru, huma mitluba jidħlu fis-sagristija u jkellmu lil xi ħadd mis-saċerdoti.

Ringrazzjament Festa San Filep

Nixtieq nirringrazzja lil kull min ta s-sehem tiegħu biex kellna festa sabiħa u li tixraq lill-Qaddis Patrun tagħna San Filep. Nirringrazzja lil kull min ikkontribwixxa fil-ġbir li sar għall-festa. L-offerti li ngħataw fl-envelopes kienu ta’ €6,830 u l-ġbir li sar nhar il-festa kien ta’ €3,450.

Żjarat minn membri tal-Mixja Neokatekumenali

Navża li membri tal-Mixja Neokatekumenali, bl-approvazzjoni tiegħi, qegħdin iżuru xi familji. Dawn il-persuni għandhom ittra ffirmata minni. Napprezza, jekk għandkom il-pjaċir, li tilqgħuhom fi djarkom.

Nitolbu għal ħutna Massimo Perrone, Giovanna Mifsud u Nazzareno Bonnici, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Festa tal-Patrun tagħna San Filep

Festa tal-Patrun tagħna San Filep

Il-Ħadd, 2 ta’ Ġunju fit-8.00am, issir il-Quddiesa Konċelebrata Solenni tal-Festa, immexxija mill-E.T Mons. Joe Alessandro, Isqof Emeritu ta’ Garissa, il-Kenja, bil-paniġierku mill-Kanonku Dun Stephen Attard.

Fil-5.30pm Għasar bil-quddiesa u fis-7.00pm tibda ħierġa l-Purċissjoni u tidħol lura fil-Knisja fl-10.30pm.

Preżentazzjoni tat-tfal u tat-trabi

L-Erbgħa 5 ta’ Ġunju,  fil-Quddiesa tas-6.30pm, issir il-preżentazzjoni tat-tfal u t-trabi li twieldu mis-sena l-oħra ’l hawn. Peress li se tingħata tifkira żgħira, min se jattendi importanti li jinkiteb fis-sagristija.

Solennita Qabl Imqaddsa ta’ Ġesu’

Il-Ġimgħa 7 ta’ Ġunju, niċċelebraw is-Solennita’ tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù. Filgħodu minn wara l-quddiesa tas-7.00am ikun hawn adorazzjoni fis-skiet sa qabel il-quddiesa tat-8.00am. Filgħaxija fil-5.30pm ikun hawn ħin ta’ adorazzjoni fis-skiet, fis-6.10pm issir it-Talba tal-Għasar u fis-6.30pm quddiesa. Il-purċissjoni se ssir nhar il-Ġimgħa ta’ wara, jiġifieri fl-14 ta’ Ġunju.

Spejjeż tal-Festa

Nagħmlu appell biex ilkoll tagħtu s-sehem tagħkom għall-ispejjeż tal-festa billi l-envelope bl-offerta tagħkom titfgħuh fil-kaxxi li hawn ħdejn l-altar. Nirringrazzjaw lil kull min diġa’ għamel offerta għall-festa.

Ktieb li jfakkar it-300 Sena tar-Relikwa

Għal min jixtieq jakkwista kopja tal-ktieb li jfakkar it-300 sena mill-miġja tar-relikwa ta’ San Filep fostna, hemm persuni inkarigati ħdejn il-bieb tal-ġenb.

F’isem is-saċerdoti u l-Kunsill Pastorali Parrokkjali, nawgura l-festa t-tajba lilkom u lill-familji tagħkom.

Nitolbu għal Lewis Camenzuli, Ġużeppi Dimech u Antonia Rizzo, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Solennita’ tat-Trinita Qaddisa – Sena B

Festa San Filep

Il-Ħadd, 26 ta’ Mejju, nagħtu bidu għall-festa bil-ħruġ tal-istatwa ta’ San Filep min-niċċa. Il-ħruġ isir wara l-quddiesa tas-7.00pm.

  • It-Tnejn:
    • Fil-5.30pm, Quddiesa speċjali għat-tfal. It-tfal huma mħeġġa jġibu għotjiet tal-ikel għall-familji fil-bżonn tal-parroċċa tagħna. Wara jkollhom logħob fil-qasam tal-MUSEUM tas-Subien. Ma jkunx hawn quddiesa tas-6.30pm.
    • Fit-7.45pm, Quddiesa għaż-żgħażagħ fuq iz-zuntier tal-Knisja.
  • It-Tlieta:
    • Fl-10.00am, quddiesa għall-morda u l-anzjani.
    • Fis-6.30pm, quddiesa għall-koppji u l-familji. Mistiedna b’mod speċjali dawk il-koppji li żżewġu mis-sena 2023 ’l hawn.
    • Fis-7.30pm, taħdita minn Mons. Edgar Vella dwar il-kult tar-relikwi f’Malta. Wara ssir it-tnedija tal-ktieb li jfakkar it-300 sena mill-miġja tar-relikwa ta’ San Filep. Din l-attività se ssir fil-Knisja Arċipretali. KULĦADD HUWA MISTIEDEN. Donazzjoni ta’ €15 għall-ktieb tkun apprezzata.
  • L-Erbgħa, il-Ħamis u l-Ġimgħa: Jiem tat-Tridu, skont kif indikat fil-programm. Il-prietki tat-Tridu se jsiru mill-Papas tal-Knisja Griega Kattolika Martin Zammit.
  • Is-Sibt:
    • Fit-8.00am Quddiesa kantata tat-TE DEUM.
    • Fis-6.00pm, toħroġ purċissjoni mill-Knisja Arċipretali għall-Knisja tal-Lunzjata minn fejn tibda l-purċissjoni tat-Translazzjoni bir-Relikwa ta’ San Filep immexxija minn Mons. Frans Bonnici, segwita mill-Kant tal-Għasar.
    • Fit-8.00pm ikun hawn quddiesa.
  • Il-Ħadd: Jum il-Festa
    • Fit-8.00am, issir il-Quddiesa Konċelebrata Solenni tal-Festa, immexxija mill-E.T. Mons. Joe Alessandro, bil-paniġierku mill-Kanonku Stephen Attard.
    • Fil-5.30pm, Għasar bil-quddiesa u fis-7.00pm tibda ħierġa l-Purċissjoni, li tidħol lura fil-Knisja fl-10.30pm.

Il-programm sħiħ tistgħu ssegwuh minn fuq il-fuljett IS-SLIEM li qed jitqassam fi djarkom. Min ma wasallux id-dar jista’ jieħu kopja minn ħdejn il-bibien tal-knisja.

Ikun apprezzat jekk tikkontribwixxu €10 minn kull familja għall-festa, jew kemm tistgħu, skont il-mezzi tagħkom. Nirringrazzjawkom tas-sehem li tagħtu. L-envelope bl-offerta tagħkom nitolbukom iġġibuh magħkom fil-knisja u titfgħuh fil-kaxxi li hawn ħdejn l-altar jew tagħtuh lil xi ħadd minna s-saċerdoti.

Preżentazzjoni tat-Trabi

L-Erbgħa, 5 ta’ Ġunju,  fil-Quddiesa tas-6.30pm, issir il-preżentazzjoni tat-tfal u t-trabi li twieldu mis-sena l-oħra ’l hawn. Peress li se tingħata tifkira żgħira, min se jattendi importanti li jinkiteb fis-sagristija. Dawk li ma rċevewx email b’dan l-avviż u jixtiequ jattendu, huma mitlubin jagħtuna isimhom fis-sagristija.

Nitolbu għal Philip Balzan li għadda għall-Ħajja ta’ Dejjem: Agħtih, O Mulej, il-Mistrieħ ta’ Dejjem.

Għid il-Ħamsin – Sena B

L-Ewwel Tqarbina

Nifirħu lit-tfal tal-parroċċa tagħna li qed jagħmlu l-Ewwel Tqarbina. Nitolbu għalihom ħalli jkomplu jikbru fl-imħabba tagħhom lejn Ġesù Ewkaristija.

Festa San Filep

Nhar il-Ħadd nagħtu bidu għall-festa ta’ San Filep bil-ħruġ tal-vara min-niċċa. Fis-7.00pm ikun hawn quddiesa li tiftaħ il-festi u fit-7.45pm isir il-ħruġ solenni. Dakinhar issir ġabra speċjali b’riżq il-festa.

Ġabra għall-Festa

Matul dawn il-ġranet għandu jasal il-fuljett tal-festa. Il-helpers ħa jkunu infurmati sabiex eventwalment jieħdu l-kopji tagħhom mis-sagristija. Mal-fuljett se jitqassam l-envelop biex nagħmlu l-offerta tagħna għall-festa. Min jixtieq jagħmel offerta għall-festa ġentilment mitlub jitfagħha fil-kaxxi li hawn quddiem l-altar jew jgħaddiha lil xi ħadd mis-saċerdoti. L-offerti tagħkom huma apprezzati sabiex inkopru l-ispejjeż tal-festa.

Adorazzjoni

It-Tlieta 21 ta’ Mejju, fil-Kappella ta’ San Ġużepp, fl-10.00am ikun hemm l-adorazzjoni li jmexxiha s-Superjur Joe Fenech.

Laqgħa għall-Koppji Miżżewġa

Nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Mejju, il-Kummissjoni Familja se torganizza laqgħa għall-koppji miżżewġa. Il-laqgħa se ssir fis-sala għand is-sorijiet u tibda fis-7.00pm. Imexxi l-laqgħa n-Nutar Dr Philip Ellul.

Għinuna għall-qraba anzjani jew emigranti għall-quddiesa tal-Festa

Infakkru biex jekk min għandu xi qraba anzjani li jixtiequ jiġu għall-quddiesa speċjali għalihom fil-ġimgħa tal-festa, it-Tlieta 28 ta’ Mejju, fl-10.00am, u għandhom bżonn trasport, xi ħadd mill-familjari jagħtuna isimhom u d-dettalji tagħhom fis-sagristija. Dawk ukoll li għandhom xi qraba emigranti li se jkunu fostna fil-jiem tal-festa, nitolbukom ukoll sabiex tgħaddu l-ismijiet tagħhom fis-sagristija.    

Nitolbu għal ħutna Lea Micallef u Marianna Tanti, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Tlugħ il-Mulej fis-Sema – Sena B

Festa Liturġika San Filep

Il-Ħadd 12 ta’ Mejju niċċelebraw il-Festa Liturġika ta’ San Filep. Fid-9.15am nilqgħu lill-Arċisqof Emeritu Mons. Ġorġ Frendo u fid-9.30am ikun hawn il-quddiesa solenni tal-festa.

Qegħdin niċċelebraw ukoll Jum l-Omm. F’din il-ġurnata, iċ-Ċimiterju tal-Qalb ta’ Ġesù jkun miftuħ mis-7.00am sat-3.30pm.

L-Ewwel Tqarbina

Is-Sibt 18 ta’ Mejju fl-4.30pm ikollna l-Ewwel Tqarbina għall-bniet u l-għada l-Ħadd għas-subien fid-9.15am. Nifirħu lil dawn it-tfal u nitolbu għalihom. Bi preparazzjoni għall-Ewwel Tqarbina se jkun hawn il-qrar għall-ġenituri u għat-tfal, l-Erbgħa, il-Ħamis u l-Ġimgħa mis-6.00pm ’il quddiem u s-Sibt filgħodu mit-8.00am sal-10.00am.

Laqgħat Gruppi Kelma tal-Ħajja u Padre Pio

It-Tlieta 14 ta’ Mejju jiltaqa’ l-grupp tal-Kelma tal-Ħajja fid-9.30am għand is-sorijiet. Filgħaxija ssir il-laqgħa tal-Grupp ta’ Padre Pio li tibda fis-6.00pm bir-Rużarju.

Festa ta’ Pentekoste

Nhar is-Sibt 18 ta’ Mejju, lejlet il-festa ta’ Pentekoste, l-Isqfijiet tagħna jistednuna ningħaqdu magħhom għal mument ta’ talb aħna u niċċelebraw l-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq il-Knisja. Din iċ-ċelebrazzjoni se ssir fil-Knisja ta’ San Publiju fil-Furjana u tibda fis-7.30pm.

Dawk li għandhom xi anzjani li jixtiequ jiġu għall-quddiesa speċjali għalihom fil-ġimgħa tal-festa, it-Tlieta 28 ta’ Mejju fl-10.00am, u għandhom bżonn trasport, nitolbu lil xi ħadd mill-familjari jagħtuna isimhom fis-Sagristija. Dawk ukoll li għandhom xi qraba emigranti li se jkunu fostna fil-jiem tal-festa nitolbuhom ukoll li jgħaddu l-ismijiet tagħhom fis-sagristija.

Ġabra Speċjali

Il-Ġabra Speċjali li saret is-Sibt u l-Ħadd li għadda għall-ħtiġijiet tal-Knisja kienet ta’ €1,914. L-għajnuna u s-sostenn tagħkom huma apprezzati dejjem, speċjalment issa li riesqa l-festa. Nirringrazzjawkom.

Nitolbu għal oħtna Marija Dimech u llum niftakru wkoll b’mod speċjali fl-ommijiet kollha li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Nitolbu wkoll għall-ommijiet kollha biex il-Mulej iseddaq il-vokazzjoni għolja tagħhom.

Is-Sitt Ħadd tal-Għid – Sena B

Ġabra Speċjali

Il-Ħadd, 5 ta’ Mejju, huwa l-ewwel Ħadd tax-Xahar u ssir il-ġabra speċjali għall-bżonnijiet tal-knisja. Nirringrazzjawkom tal-għajnuna tagħkom li dejjem tagħtu permezz tal-offerti tagħkom.

Festa San Ġorġ Preca

Il-Ħamis 9 ta’ Mejju niċċelebraw il-festa ta’ San Ġorġ Preca. Il-quddiesa tas-6.30pm tkun animata mis-Soċjetà tal-MUSEUM.

Quddiesa għat-Tfal

Il-Ġimgħa 10 ta’ Mejju fid-9.30am ikun hawn quddiesa għat-tfal tal-iskola primarja u wara ssir purċissjoni mit-tfal sal-iskola.

Kunċert Ċelebrattiv

Il-Ġimgħa 10 ta’ Mejju, filgħaxija, fis-7.30pm,  fil-Knisja Arċipretali, il-Banda 12th May bis-sehem ta’ kor u vuċijiet solisti, se tippreżenta Kunċert Ċelebrattiv fl-okkażjoni tat-300 anniversarju mil-kisba tar-relikwa ta’ San Filep. Kulħadd huwa mistieden.

Festa Liturġika San Filep

Is-Sibt 11 ta’ Mejju, lejlet il-Festa Liturġika ta’ San Filep, filgħaxija jkun hawn quddiesa fil-5.15pm bis-sehem tal-Każin Banda San Filep. Fis-6.30pm se ssir Translazzjoni Solenni tar-relikwa ta’ San Filep mill-altar tal-kor (l-altar ta’ San Filep) għall-altar maġġur u jkompli Għasar kantat bis-sehem tal-kor u l-orkestra tal-Kappella Diacono. Nistednukom tissieħbu lkoll għal din it-talba tal-Knisja biex niftħu l-festa ta’ San Filep. Is-Salmi waqt l-Għasar ikunu bil-Malti biex ilkoll inkunu nistgħu nipparteċipaw. Se jmexxi din il-funzjoni Mons. Edgar Vella, Direttur tal-Mużew tal-Katidral. Dakinhar ma jkunx hawn il-quddiesa tas-6.30pm.

Il-Ħadd 12 ta’ Mejju, Jum il-Festa Liturġika ta’ San Filep, fid-9.15am nilqgħu fostna lill-Arċisqof Emeritu Mons. Gorġ Frendo, għall-Quddiesa Solenni tal-Festa. Nistednukom għal din il-quddiesa f’din il-ġurnata tant għażiża għalina.

Jum l-Omm

Nhar il-Ħadd li ġej, 12 ta’ Mejju, niċċelebraw ukoll Jum l-Omm. Iċ-Ċimiterju tal-Qalb ta’ Ġesù jkun miftuħ is-Sibt u l-Ħadd mis-7.00am sat-3.30pm.

Coffee Morning

It-Tlieta 14 ta’ Mejju se jsir coffee morning b’riżq il-knisja, fid-9.30am, fis-Sala tas-Sorijiet. Min jixtieq jattendi jkellem lil xi ħadd mill-membri tal-grupp tal-fundraising.

Sejħa għar-reffiegħa

Dawk li jixtiequ jerfgħu fil-vara ta’ San Filep huma mitluba li jimlew formola li tinġabar mis-sagristija u magħha jippreżentaw kopja tal-karta tal-identità. Il-formoli mimlija għandhom jingħataw lill-Arċipriet.

Nitolbu għal ħutna Swor Fidelia Cardona tas-Sorijiet Franġiskani u Alfred Tanti, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Illum l-Ewwel Ħadd tax-Xahar, issir il-ġabra speċjali għall-bżonnijiet tal-knisja.

Nirringrazzjawkom tal-għajnuna tagħkom li dejjem tagħtu permezz tal-offerti tagħkom.

Il-Ħames Ħadd tal-Għid – Sena B

Festa San Ġużepp Ħaddiem

Nhar l-Erbgħa 1 ta’ Mejju, Festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem, il-quddies ikun bħal nhar ta’ xogħol.

Laqgħa Anniversarju tar-Relikwa

Il-Ħamis 2 ta’ Mejju fis-7.00pm, fil-Knisja Arċipretali ikun hawn it-tielet laqgħa marbuta mat-300 anniversarju mill-miġja tar-relikwa ta’ San Filep. F’din il-laqgħa Fr Charles Tabone O.P. se jitkellem fuq it-tema tal-evanġelizzazzjoni fil-kuntest tas-soċjetà li qed ngħixu fiha llum. San Filep kien predikatur li wassal l-Evanġelju lin-nies ta’ żmienu.

Purċissjoni bir-Relikwa

Il-Ħadd 5 ta’ Mejju se jkollna l-purċissjoni filgħodu bir-relikwa ta’ San Filep mill-Knisja ta’ Mamo għall-Knisja Arċipretali biex infakkru din il-ġrajja. Inħeġġu lill-ġenituri biex flimkien mat-tfal tagħhom jinġabru ħdejn il-knisja ta’ Mamo (li tinsab ftit ’il fuq minn De Rohan Pharmacy) qabel id-9.00am. Kif il-purċissjoni tasal fil-Knisja Arċipretali tkompli l-quddiesa tal-familja bħalma jsir is-soltu.

Laqgħa għall-Ġenituri li uliedhom ser jagħmlu l-Ewwel Tqarbina

Il-Ħamis ukoll se ssir l-aħħar laqgħa għall-ġenituri li uliedhom se jagħmlu l-Ewwel Tqarbina f’Mejju. Il-laqgħa se ssir fis-Sala Parrokkjali (Domus) fis-7.00pm.

Adorazzjoni

Il-Ġimgħa, l-Ewwel Ġimgħa tax-Xahar, wara l-quddiesa tas-7.00am ikollna adorazzjoni fis-skiet sa qabel il-quddiesa tat-8.00am. Dakinhar nitolbu b’mod speċjali għall-vokazzjonijiet saċerdotali.

Reffiegħa vara San Filep

Dawk li jixtiequ jerfgħu fil-vara ta’ San Filep huma mitluba li jimlew formola li tinġabar mis-sagristija u magħha jippreżentaw kopja tal-karta tal-identità. Il-formoli mimlija għandhom jingħataw lill-Arċipriet.

Għajnuna tqassim Fuljett

Nitolbu l-għajnuna ta’ min soltu jgħin fit-tqassim tal-fuljett tal-festa, jew jekk hawn xi ħadd ġdid li jista’ jgħin, biex tħallu d-dettalji tagħkom fis-sagristija. Napprezzaw lil kull min lest li jgħin f’din il-ħidma.

Ġita għas-Serbja

Il-ġita li l-parroċċa qed torganizza għas-Serbja se ssir mill-21 sat-28 t’Awwissu. Min hu interessat ikellem lill-Arċipriet. Minbarra dawk li nkitbu diġà, għad fadal xi postijiet.

Ġabra Jum il-Karita’

Il-ġabra li saret f’Jum il-Karità kienet ta’ €2,381. Grazzi lil kulħadd.

Nitolbu għal ħutna Georgina Ciantar u Emanuel Farrugia, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Ir-Raba’ Ħadd tal-Għid – Sena B – Jum il-Vokazzjonijiet

Jum il-Vokazzjonijiet

Waqt li l-Knisja Universali qed tiċċelebra Jum il-Vokazzjonijiet, ningħaqdu ma’ Fr Malcolm Saliba fir-radd ta’ ħajr lil Alla għad-don tas-Saċerdozju li rċieva minn idejn l-Arċisqof. Waqt li nitolbu għalih, xieraq li nitolbu wkoll għal aktar vokazzjonijiet kemm saċerdotali kif ukoll reliġjużi. Nistedinkom biex nissieħbu miegħu għall-quddiesa li huwa se jiċċelebra fil-parroċċa nhar il-Ħadd 28 ta’ April fid-9.30am, biex bħala komunità nifirħu miegħu u mal-familja tiegħu. Wara nkomplu naqsmu l-ferħ tal-okkażjoni fuq iz-zuntier.

Laqgħa dwar it-300 Anniversarju tal-miġja tar-Relikwa

Wara l-laqgħa interessanti li kellna nhar il-Ħamis b’rabta ma’ San Filep bħala eżorċista, nistednukom għat-tieni laqgħa marbuta mat-300 anniversarju tal-miġja tar-Relikwa. Fil-laqgħa li jmiss Mons. Hector Scerri se jitkellem fuq Kristu s-Saċerdot u r-Ragħaj b’rabta ma’ San Filep, li kien saċerdot. Din il-laqgħa ssir fil-Knisja Arċipretali nħar il-Ħamis 25 ta’ April fis-7.00pm wara l-quddiesa u tintemm għas-7.30pm bil-Barka Sagramentali. Inħeġġukom biex tattendu.

Biex infakkru dan l-anniversarju, il-Ħadd 5 ta’ Mejju se ssir purċissjoni filgħodu bir-Relikwa mill-Knisja ta’ Mamo għall-Knisja Arċipretali. Kien proprju minn din il-knisja li 300 sena ilu, fil-25 ta’ Mejju 1724, inġabet b’mod solenni u tpoġġiet fil-Kor tal-Knisja tagħna fejn baqgħet meqjuma sal-lum tul dawn is-snin. Nixtiequ li din il-purċissjoni jieħdu sehem fiha t-tfal u l-fratelli tal-parroċċa. Il-purċissjoni se tibda fid-9.00am u wara tkompli l-quddiesa għall-familji u t-tfal.        

Laqgħa għall-Koppji Miżżewġin

Il-Ġimgħa 26 ta’ April, il-Kummissjoni Familja qed tistieden lill-koppji miżżewġin għal laqgħa li se jmexxiha membru mill-Caritas. Il-laqgħa se ssir fis-Sala tas-Sorijiet (taħt l-Uffiċċju Parrokkjali) fis-7.00pm.

Nitolbu għal ħutna Doris Magri, Josephine Agius u Gawdenz Farrugia, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.