Tmienja u Għoxrin Ħadd matul is-Sena Ċ

Quddiesa fis-Sala Parrokkjali

Minħabba li fid-9.30am se jiġi ċċelebrat is-Sagrament tal-Griżma, fl-10.00am se ssir quddiesa fis-Sala Parrokkjali (Domus).

Laqgħa Grupp Padre Pio

Nhar it-Tlieta, 11 ta’ Ottubru, jmiss il-laqgħa l-Grupp ta’ Padre Pio. Il-laqgħa tibda fl-4.30pm u tkun tinkludi l-quddiesa. Imexxi l-laqgħa Fr Philip Cutajar.

Katekiżmu

It-tagħlim tal-katekiżmu għall-bniet fiċ-Ċentru tad-Duttrina tal-Azzjoni Kattolika u fil-Museum tal-bniet jibda minn nhar it-Tnejn li ġej, 10 ta’ Ottubru. Il-katekiżmu fil-Museum tas-subien beda matul il-ġimgħa li għaddiet. Inħeġġu lill-ġenituri biex jieħdu lil uliedhom għat-tagħlim tal-katekiżmu b’mod regolari.

L-Ewwel Tqarbina

Is-sena d-dieħla se tkun iċċelebrata l-Ħadd, 28 ta’ Mejju – fid-9.30am is-subien u fil-5.00pm il-bniet.

Ħinijiet u postijiet tal-quddies

Mill-weekend li ġej se jibda jsir quddies fiż-żoni:

  • Ħal Mula, is-Sibt fis-7.00pm;
  • Tal-Grazzja, is-Sibt fit-8.00pm;
  • Ħal Muxi, il-Ħadd fit-8.00am.

Rettur ġdid tas-Santwarju tal-Qalb ta’ Ġesu’

Nirringrazzjaw lil Mons. Vincenz Cachia li għal dawn l-aħħar ħames snin kien Rettur tas-Santwarju tal-Qalb ta’ Ġesu’. Insellmu u nilqgħu fostna lil Mons. Anton Cassar li se jkun ir-Rettur il-ġdid ta’ din il-knisja.

Ġbir b’riżq il-Parroċċa

Il-ġbir li sar fil-quddies is-Sibt u l-Ħadd li għadda b’riżq il-knisja kien ta’ €1,470. Nirringrazzjawkom dejjem tal-għajnuna u s-sostenn li tagħtu lill-knisja.

Coffee Morning

It-Tlieta, 18 ta’ Ottubru, se jsir coffee morning b’riżq il-knisja. Biljetti mingħand il-membri tal-grupp tal-fundraising.

Nitolbu għal ħuna Louis Zammit, li miet matul din il-ġimgħa. Agħtih, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Sebgħa u Għoxrin Ħadd matul is-Sena Ċ

Tberik ta’ l-Annimali

Il-Ħadd filgħodu, 2 ta’ Ottubru, fl-okkażjoni tal-Festa ta’ San Franġisk u Jum il-Ħolqien, qed nistiednu lit-tfal biex iġibu l-pets u l-annimali tagħhom biex jitbierku fil-quddiesa tal-10.00am li se tkun iċċelebrata fuq iz-zuntier tal-knisja. Qed nistiednu lit-tfal biex iġibu magħhom ikel tal-annimali biex dan jingħata lill-għaqdiet li jgħinu annimali abbandunati.

Festa tal-Madonna tar-Rużarju

Il-Ħadd filgħaxija, 2 ta’ Ottubru, niċċelebraw il-festa tal-Madonna tar-Rużarju. Fl-4.30pm tingħad it-talba tal-Għasar, fil-5.00pm quddiesa kantata bis-sehem tal-Kor Parrokkjali u wara purċissjoni bix-xbiha tal-Madonna akkumpanjata bit-talba tar-Rużarju. Wara l-purċissjoni jkun hawn il-quddiesa tas-7.00pm.

Adorazzjoni u Rużarju

Il-Ġimgħa, 7 ta’ Ottubru, tkun l-ewwel Ġimgħa tax-Xahar. Wara l-quddiesa tat-8.00am se jkun hawn ħin ta’ adorazzjoni u rużarju quddiem Ġesù Sagramentat. Dakinhar tkun ukoll il-festa liturġika tal-Madonna tar-Rużarju. Matul ix-xahar ta’ Ottubru jingħad ir-Rużarju kuljum quddiem Ġesù espost fis-6.30pm qabel il-quddiesa.

Day Centre għall-Anzjani

Minn nhar il-Ġimgħa 7 ta’ Ottubru se jinfetaħ Day Centre għall-anzjani fis-sala għand is-sorijiet. Din l-inizjattiva qed issir b’kollaborazzjoni bejn il-Parroċċa u l-Kunsill Lokali. Id-Day Centre ikun miftuħ kull nhar ta’ Ġimgħa bejn id-9.00am u nofsinhar. L-anzjani huma mistiedna li jattendu.

Griżma ta’ l-Isqof

Nhar is-Sibt, 8 ta’ Ottubru, fil-5.00pm jiġi ċċelebrat is-Sagrament tal-Griżma. Il-quddiesa tal-5.30pm se ssir fis-Sala Parrokkjali (id-Domus). Il-Ħadd fid-9.30am u fil-5.00pm jiġi ċċelebrat ukoll is-sagrament tal-Griżma. Nifirħu lil dawk li se jirċievu dan is-Sagrament u nitolbu għalihom.

Ġabra Speċjali

Fl-Ewwel Ħadd tax-Xahar, issir il-ġabra speċjali għall-bżonnijiet tal-knisja. Bħalma tafu għaddej xogħol ta’ restawr li jitlob ħafna spejjeż, għaldaqstant l-offerti li tagħtu huma apprezzati ħafna. Grazzi tal-għajnuna tagħkom.

Nitolbu għal ħutna Bernardina Ciantar, Philip Moran, Carmen Kerr u Mary Vella, li mietu matul din il-ġimgħa. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Sitta u Għoxrin Ħadd matul is-Sena Ċ

Festa Madonna tal-Grazzja

Il-Ħadd, 25 ta’ Settembru, niċċelebraw il-festa tal-Madonna tal-Grazzja fil-knisja dedikata lilha. Ikun hemm quddies fis-7.00 u t-8.00 ta’ filgħodu. Fis-6.00pm issir il-quddiesa solenni tal-festa li tagħlaq bl-Antifona u l-Barka Sagramentali.

Laqgħat Azzjoni Kattolika

Minn nhar l-Erbgħa, 28 ta’ Settembru, jibdew il-laqgħat tal-Azzjoni Kattolika għan-Nisa wara l-waqfa tas-sajf. Il-laqgħat ikunu kull nhar ta’ Erbgħa fid-9.30am fis-sala għand is-sorijiet. Il-laqgħa ta’ nhar l-Erbgħa tibda b’quddiesa.

Griżma ta’ l-Isqof

Nhar is-Sibt, 1 ta’ Ottubru, fil-5.00pm jiġi iċ-ċelebrat is-Sagrament tal-Griżma. Il-quddiesa tal-5.30pm ser issir fis-Sala Parrokkjali (id-Domus). Inħeġġiġkom biex f’dawn il-ġranet nitolbu b’mod speċjali għal dawk li ser jirċievu s-Sagrament tal-Griżma.

Festa San Franġisk

Fl-okkażjoni tal-Festa ta’ San Franġisk, nhar il-Ħadd 2 ta’ Ottubru, qed nistiednu lit-tfal biex iġibu l-pets u l-annimali tagħhom biex jitbierku fil-quddiesa tal-10.00am li se tkun iċċelebrata fuq iz-zuntier tal-knisja. Qed nistiednu lit-tfal biex iġġibu magħhom ikel tal-annimali biex dan jingħata lill-għaqdiet li jgħinu annimali abbandunati.

Festa Madonna tar-Rużarju

L-Erbgħa, l-Ħamis u l-Ġimgħa (5-7 ta’ Ottubru) ikunu ġranet tat-Tridu.

  • Fis-6.30pm jingħad ir-Rużarju quddiem Ġesu Sagramentat u fis-7.00 quddiesa kantata.
  • Il-Ħadd filgħaxija, fl-4.30pm tingħad it-talba tal-Għasar, fil-5.00pm quddiesa kantata bis-sehem tal-Kor Parrokkjali u wara purċissjoni bix-xbieha tal-Madonna akkumpanjata bit-talba tar-Rużarju li ser tgħaddi minn dawn it-toroq; Sant’Antin, Mamo, Santu Rokku u l-Kbira. Wara l-purċissjoni jkun hawn il-quddiesa tas-7.00pm.

Sejħa għal Abbatini

Nixtiequ nħeġġu iktar tfal biex isiru abbatini fil-parroċċa tagħna. L-abbatini mhux biss jgħinu fis-servizz fuq l-altar fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi imma jkollhom ukoll laqgħat u attivitajiet oħra biex ikomplu jiffurmaw ruħhom f’valuri tajbin. Dawk it-tfal, subien u bniet, li diġa’ għamlu l-Ewwel Tqarbina u jixtiequ jibdew jagħtu servizz bħala abbatini jistgħu jiġbru applikazzjoni mis-sagristija.

Playgroup għat-Tfal

Il-Moviment ta’ Kana qed jorganizza Playgroup għat-tfal ta’ bejn sena u 3 snin kull nhar ta’ Tnejn fiċ-Ċentru Ta’ Warda mill-10 ta’ Ottubru ’l quddiem. Iktar dettalji fuq in-noticeboards.

Il-parroċċa qed torganizza ġita ta’ ġurnata għal Sqallija nhar is-Sibt 22 ta’ Ottubru. Booking u iktar informazzjoni mingħand il-membri tal-Grupp tal-Fundraising jew mis-sagristija.

Nitolbu għal oħtna Ludgarda Bezzina, li mietet matul din il-ġimgħa. Agħtiha, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Ħamsa u Għoxrin Ħadd matul is-Sena Ċ

Festa ta’ Marija Addolorata

Qegħdin niċċelebraw il-festa ta’ Marija Addolorata. Għada (illejla) fis-6.00pm issir il-quddiesa solenni minn Patri Reno Muscat op. Wara toħroġ il-purċissjoni akkumpanjata bit-talba tar-Rużarju li se tgħaddi minn Misraħ San Filep, Triq Sciortino, Triq Frans Sammut u Triq il-Kbira. Ma jkunx hawn il-quddiesa tas-7.00pm.

Laqgħa Grupp Kelma tal-Ħajja

It-Tlieta fid-9.30am jiltaqa’ l-Grupp tal-Kelma tal-Ħajja fis-sala għand is-Sorijiet (taħt l-Uffiċċju Parrokjali). Fl-10.00am ikun hemm l-Adorazzjoni mmexxija mis-Superjur Joe Fenech fil-kappella ta’ San Ġużepp, għand is-Sorijiet.

Laqgħa għall-ġenituri u parrinijiet tal-Griżma

Nhar il-Ġimgħa se ssir l-aħħar laqgħa għall-ġenituri u l-parrini ta’ dawk li se jagħmlu l-Ġriżma. Il-laqgħa se ssir fis-Sala Parrokkjali (fid-Domus), fis-7.00pm.

Tebrik basktijiet tal-Iskola

Nhar il-Ħadd li ġej fil-Quddiesa tal-10.00am se jsir it-tberik tal-basktijiet tal-iskola. It-tfal kollha huma mħeġġa li jattendu u jġibu magħhom il-basket jew il-pocket tagħhom tal-iskola biex jitbierek.

Festa Madonna tal-Grazzja

Nhar il-Ħadd tiġi ċċelebrata l-festa tal-Madonna tal-Grazzja fil-knisja dedikata lilha. Bi preparazzjoni, matul il-ġimgħa (mit-Tnejn sas-Sibt) jingħad ir-Rużarju fis-6.45pm u fis-7.00pm issir quddiesa. Il-Ħadd filgħaxija ssir il-quddiesa solenni tal-festa li tagħlaq bl-Antifona u l-Barka Sagramentali. Aktar dettalji dwar l-attivitajiet marbutin ma’ din il-festa ssibuhom fil-programm li hemm fin-noticeboards.

Sejħa għall-Abbatini

Nixtiequ nħeġġu iktar tfal biex isiru abbatini fil-parroċċa tagħna. L-abbatini mhux biss jgħinu fis-servizz fuq l-altar fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi imma jkollhom ukoll laqgħat u attivitajiet oħra biex ikomplu jiffurmaw ruħhom f’valuri tajbin. Dawk it-tfal, subien u bniet, li diġa’ għamlu l-Ewwel Tqarbina u jixtiequ jibdew jagħtu servizz bħala abbatini jistgħu jiġbru applikazzjoni mis-sagristija.

Ġurnata Sqallija

Il-parroċċa qed torganizza ġita ta’ ġurnata għal Sqallija nhar is-Sibt 22 ta’ Ottubru. Booking u iktar informazzjoni mingħand il-membri tal-Grupp tal-Fundraising jew mis-sagristija.

Ġabra għall-Art Imqaddsa

Il-ġabra li se ssir fil-quddiesa tkun b’riżq il-ħidma li l-Knisja twettaq fl-Art Imqaddsa. L-Arċisqof iħeġġiġna biex minbarra l-offerta li nistgħu noffru, nitolbu wkoll biex f’din l-art fejn għex Sidna Ġesù Kristu jkun hemm il-paċi. Permezz tal-offerti tagħna nkunu qed ngħinu lill-Patrijiet Franġiskani biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb is-santwarji afdati f’idejhom marbutin mal-ħajja ta’ Ġesù, u jwettqu diversi ħidmiet ta’ karità ma’ ħutna nsara li jgħixu f’dan il-post.

Nitolbu għal ħutna Marianna Vassallo u Agnes Debattista, li mietu matul din il-ġimgħa. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Erbgħa u Għoxrin Ħadd matul is-Sena Ċ

Reġistrazzjoin tat-Tfal għal katekiżmu

Matul din il-ġimgħa tkompli r-reġistrazzjoni tat-tfal għall-katekiżmu fil-parroċċa tagħna. Il-ġenituri/kustodji tat-tfal li se jibdew jattendu għall-ewwel darba f’wieħed miċ-ċentri tal-katekiżmu fil-parroċċa tagħna minn Ottubru li ġej huma mitluba li jirreġistraw lit-tfal tagħhom. L-applikazzjonijiet jintlaqgħu fl-Uffiċċju Parrokkjali.

Laqgħat Grupp Padre Pio

Nhar it-Tlieta, 13 ta’ Settembru, jerġa’ jibda jiltaqa’ l-Grupp ta’ Padre Pio. Il-laqgħa tibda fl-4.30pm u tkun tinkludi l-quddiesa. Imexxi l-laqgħa Fr Philip Cutajar.

Ħidma tal-Knisja fl-Art Imqaddsa

Il-ġbir li jsir fil-quddies tas-Sibt u l-Ħadd li ġej ikun b’riżq il-ħidma li l-Knisja twettaq fl-Art Imqaddsa permezz tal-Patrijiet Franġiskani. L-Arċisqof iħeġġiġna biex minbarra l-offerta li nistgħu noffru, nitolbu wkoll biex f’din l-art fejn għex Sidna Ġesù Kristu jkun hemm il-paċi. 

Festa Marija Addolorata

Il-Ħadd li ġej, 18 ta’ Settembru, niċċelebraw il-festa ta’ Marija Addolorata.

  • L-Erbgħa, il-Ħamis u l-Ġimgħa ikunu ġranet tat-Tridu. Il-quddiesa ta’ filgħaxija tkun bil-prietka minn Patri Anton Farrugia ofm.
  • Il-Ħadd fis-6.00pm issir il-quddiesa solenni minn Patri Reno Muscat op. Wara toħroġ il-purċissjoni akkumpanjata bit-talba tar-Rużarju li se tgħaddi minn Misraħ San Filep, Triq Sciortino, Triq Frans Sammut u Triq il-Kbira.

Ġabra Speċjali

Il-ġabra speċjali li saret il-Ħadd li għadda b’riżq ix-xogħol ta’ restawr li qed isir fil-knisja kienet ta’ €1,360. Nirringrazzjakom tal-ġenerożità tagħkom.

Nitolbu għal oħtna Vincenza Farrugia li mietet matul din il-ġimgħa. Agħtiha, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Tlieta u Għoxrin Ħadd matul is-Sena Ċ

Reġistrazzjoni għall-Katekiżmu

Ir-reġistrazzjoni tat-tfal għall-katekiżmu fil-parroċċa tagħna miftuħa. Il-ġenituri/kustodji tat-tfal li se jibdew jattendu għall-ewwel darba f’wieħed miċ-ċentri tal-katekiżmu fil-parroċċa tagħna minn Ottubru li ġej huma mitluba li jirreġistraw lit-tfal tagħhom. L-applikazzjonijiet jistgħu jinkisbu mill-Uffiċċju Parrokkjali, mis-Sagristija, miċ-ċentri tal-katekiżmu, kif ukoll minn fuq il-paġna ta’ facebook tal-parroċċa tagħna. Il-ġenituri tat-tfal li uliedhom diġa’ kienu jattendu f’wieħed miċ-ċentri tad-duttrina m’għandhomx bżonn jirreġistraw lil uliedhom.

Quddiesa għall-Fejqan

Nhar l-Erbgħa, 7 ta’ Settembru, fis-Santwarju tal-Qalb ta’ Ġesù se ssir quddiesa b’talb għall-fejqan organizzata mill-Komunita’ Familja Nazaret. Tibda fis-6.00pm u se jqaddes Fr David Borg ofm conv., eżorċista. Aktar informazzjoni issibuha fuq il-paġna ta’ facebook tal-parroċċa.

Festa tat-Twelid tal-Verġni Mqaddsa Marija

Il-Ħamis 8 ta’ Settembru niċċelebraw il-Festa tat-Twelid tal-Verġni Mqaddsa Marija. Għalkemm mhix festa kmandata, tkun ħaġa sabiħa li min jista’ jqaddes din il-ġurnata bil-quddiesa. Il-quddies ikun bħal nhar ta’ xogħol u fis-Santwarju tal-Qalb ta’ Ġesù jkun hemm quddiesa fis-6.30pm.

Korsijiet mill-Istitu ta’ Formazzjoni Pastorali

Għal min jixtieq japprofondixxi aktar fuq il-ħajja nisranija, jew fis-servizz li jagħti fil-komunità, l-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali qed joffri ’l fuq minn tnax-il kors differenti. Min hu interessat jista’ jsib aktar informazzjoni fil-poster li hemm fin-noticeboard jew fuq is-sit.

Ġabra Speċjali

Illum l-ewwel Ħadd tax-xahar, issir ġabra speċjali għall-bżonnijiet tal-knisja. Din il-ġabra se tkun b’riżq ix-xogħol ta’ restawr li qed isir fuq il-koppla u r-restawr u t-tindif tal-kwadru u l-prospettiva tal-Altar tal-Erwieħ. Nirringrazzjawkom tal-ġenerożità permezz tal-offerta tagħkom.

Nitolbu għal ħuna Nikol Cardona li miet matul din il-ġimgħa. Agħtih, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Tnejn u Għoxrin Ħadd matul is-Sena Ċ

Attivita’ għat-Tfal

Nhar il-Ħamis ikollna l-attivita’ għat-tfal kollha minn Year 1 sa Year 5 bl-isem ta’ Darna d-Dinja. L-attivita’, li se tinkludi quddiesa, krafts u logħob, se ssir fiċ-Ċentru Ta’ Warda mill-5.30pm sas-7.30pm. Dawk il-ġenituri li jixtiequ li uliedhom jattendu huma mitluba li jinkitbu fis-sagristija.

Parrinu/a għal Griżma tal-Isqof

Nerġgħu nfakkru dwar l-għażla tal-parrinu jew parrina għal dawk li se jagħmlu l-Griżma tal-Isqof f’Ottubru li ġej. Il-ġenituri qegħdin jiġu infurmati miċ-ċentri. Min jixtieq aktar informazzjoni jew ma jirċevix permezz ta’ email miċ-Ċentri tad-Duttrina jista’ jkellimna fis-sagristija.

Nitolbu għal ħutna Paul Cilia u Philip Vella, li mietu matul din il-ġimgħa. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Wieħed u Għoxrin Ħadd matul is-Sena Ċ

Attivita’ għat-Tfal

Nhar il-Ħamis 1 ta’ Settembru bħala parroċċa se nkunu qed norganizzaw attivita’ oħra għat-tfal kollha minn Year 1 sa Year 5 bl-isem ta’ Darna d-Dinja. L-attivita’, li se tinkludi quddiesa, krafts u logħob, se ssir fiċ-Ċentru Ta’ Warda mill-5.30pm sas-7.30pm. Dawk il-ġenituri li jixtiequ li uliedhom jattendu huma mitluba li jinkitbu fis-sagristija.

Griżma tal-Isqof 2022

Il-ġenituri tal-adolexxenti li se jagħmlu l-Griżma tal-Isqof f’Ottubru din is-sena qegħdin jiġu nfurmati miċ-ċentri dwar l-għażla tal-parrinu jew parrina. Min jixtieq aktar informazzjoni jew ma jirċevix permezz ta’ email miċ-Ċentri tad-Duttrina jista’ jkellimna fis-sagristija.

Xogħol ta’ Restawr fil-Parroċċa

Bħalma tistgħu taraw qed jintrama scaffolding quddiem il-prospettiva tal-artal tal-Erwieħ biex isir tindif u restawr, waqt li fil-ġranet li ġejjin il-kwadru tal-Erwieħ għandu jittieħed għar-restawr. Ix-xogħol ta’ restawr fuq il-koppla minn barra għaddej b’ritmu tajjeb. Id-donazzjonijiet li ngħataw għal dan il-proġett laħqu s-somma ta’ €18,560. Nirringrazzjaw lil kull min ta s-sehem tiegħu.

Nitolbu għal ħutna Giuseppa Ferranti u Saviour Cortis, li mietu matul din il-ġimgħa. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Għoxrin Ħadd matul is-Sena Ċ

Santa Marija

It-Tnejn, 15 ta’ Awwissu, niċċelebraw is-solennità ta’ Marija Assunta. Din hija festa kmandata u l-quddies ikun bħal nhar ta’ Ħadd. Illum/Għada l-Ħadd, lejlet il-festa filgħaxija, ikun hawn quddiesa waħda fis-7.00pm.

Adorazzjoni

It-Tlieta fl-10.00am ikun hemm l-Adorazzjoni mmexxija mis-Superjur Joe Fenech fil-kappella ta’ San Ġużepp, għand is-Sorijiet.

Ħarġiet kull nhar ta’ Ħamis

Qed jiġu organizzati attivitajiet u ħarġiet kull nhar ta’ Ħamis mill-Grupp Kelma tal-Ħajja tal-parroċċa tagħna. Dawk interessati li jattendu, jikkuntattjaw lil Ms Carmen Cilia.

Nitolbu għal ħutna Inez Chircop u Doris Grima, li mietu matul din il-ġimgħa. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem. 

Dsatax-il Ħadd matul is-Sena Ċ

Trasport għall-velja ta’ talb – Santwarju Ta’ Pinu (Għawdex)

Infakkrukom li se jiġi organizzat trasport għall-velja ta’ talb tal-Assunta li se ssir fuq iz-zuntier tas-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu ġewwa Għawdex nhar il-Ħadd li ġej 14 ta’ Awwissu.  It-trasport jitlaq minn ħdejn il-Posta fl-4.30pm. Min jixtieq jattendi u għadu ma nkitibx hu mitlub li jħalli ismu u n-numru tat-telefon fis-sagristija sa nhar l-Erbgħa 10 ta’ Awwissu.

Festa ta’ Santa Marija

It-Tnejn, 15 ta’ Awwissu, niċċelebraw is-solennità ta’ Marija Assunta. Din hija festa kmandata u l-quddies ikun bħal nhar ta’ Ħadd. Lejlet il-festa, il-Ħadd 14 ta’ Awwissu filgħaxija, ikun hawn quddiesa waħda fis-7.00pm.

L-Arċipriet f’Agira

Fuq stedina tal-Priore (Kappillan) tal-Abbazia ta’ San Filep f’Agira, Dun Carmelo Giunta, se nkun qiegħed nieħu sehem fil-festa li ssir ad unur tal-Qaddis nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa li ġej. Se nkun qed niċċelebra quddiesa lejlet il-festa filgħaxija u f’nhar il-festa se mmexxi l-purċissjoni bir-relikwa ta’ San Filep. Inwegħdkom it-talb tiegħi bl-interċessjoni tal-Patrun tagħna.

Nitolbu għal ħutna Filomena Muscat, Alan Gulia, Dorothy Ann Borg,  u William Attard, li mietu matul din il-ġimgħa. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.