Ir-Raba’ Ħadd tal-Avvent – Sena A

Tberik tal-Bambini

Il-Ħadd, 18 ta’ Diċembru, fil-quddiesa tad-9.30am isir it-tberik tal-Bambini. Inħeġġu l-familji bit-tfal biex jattendu u jġibu magħhom il-bambin jew xi presepju żgħir li jintrama fid-dar.

Matul din il-ġimgħa fil-quddiesa ta’ filgħaxija nkomplu bin-Novena tal-Milied. Fi tmiem il-quddiesa ssir ċelebrazzjoni qasira tan-Novena li tintemm bil-Barka Sagramentali.

Laqgħa Grupp Kelma tal-Ħajja

It-Tlieta, 20 ta’ Diċembru jiltaqa’ l-Grupp tal-Kelma tal-Ħajja fid-9.15am fis-sala taħt l-Uffiċċju Parrokkjali. Fl-10.00am, adorazzjoni mmexxija mis-Superjur Joe Fenech fil-Kappella għand is-Sorijiet.

Purċissjoni bil-Bambin fil-Belt Valletta

Il-MUSEUM ta’ Ħaż-Żebbuġ din is-sena ġew mistiedna biex nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Diċembru jorganizzaw id-dimostrazzjoni bil-Bambin li ssir fit-toroq tal-Belt. Tibda fis-6.30pm mill-Pjazza quddiem Kastilja. Qed jiġi organizzat trasport li jitlaq minn ħdejn il-posta fis-5.45pm. Min jixtieq jagħmel użu mit-trasport provdut għandu jinkiteb fis-Sagristija sa nhar it-Tlieta.

Għotjiet ta’ ikel u toiletries

Infakkru li qegħdin nilqgħu għotjiet ta’ ikel u toiletries biex f’dan iż-żmien tal-Milied, bħala parroċċa, ngħinu lil-Laboratorju tal-Paċi li jgħin lir-refuġjati li jkunu f’pajjiżna. Dawn l-għotjiet għandhom jitpoġġew fuq l-altar tal-Kunċizzjoni. Min jixtieq jagħmel offerta ta’ flus għal din id-dar jista’ jgħaddiha lill-Arċipriet jew xi ħadd mis-saċerdoti.

Quddies lejlet il-Milied

Lejlet il-Milied fl-4.30pm ikun hawn il-qrar, waqt li fil-5.15pm u fis-6.30pm ikollna l-quddies tal-ħin. Fis-6.00pm toħroġ dimostrazzjoni mill-MUSEUM tas-subien li tintemm fil-Knisja Arċipretali għas-7.15pm, fejn issir ċelebrazzjoni mmexxija mill-membri tal-MUSEUM. Fl-10.30pm tibda Velja bil-kant, qari u l-prietka mit-tfal segwita mill-quddiesa tal-Lejl tal-Milied għall-11.15pm. Nitolbukom issegwu l-programm li kopji tiegħu jinsabu ħdejn il-bibien tal-knisja.

Quddies nhar il-Milied

Nhar il-Milied il-quddies ikun bħal tal-Ħadd. Fid-9.30am quddiesa speċjali għall-familji u t-tfal u fiha ssir il-prietka tradizzjonali. Filgħaxija l-quddies ikun fil-5.30pm u fis-7.00pm.

Reġistrazzjoni tat-Tfal għall-iskola Primarja

L-iskola primarja ta’ Ħaż-Żebbuġ tixtieq tinfurmakom li qed tilqa’ reġistrazzjonijiet tat-tfal għall-ewwel sena tal-Kinder. Dawk il-ġenituri li għandhom tfal li twieldu bejn Jannar u April 2020 jistgħu jiġbru l-applikazzjoni mill-iskola jew iċemplu fuq 2598 7660/80 għal aktar informazzjoni. Dawn it-tfal jibdew skola fi Frar 2023.

Nitolbu għal Emanuel Micallef li miet matul din il-ġimgħa. Agħtih, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.  

It-Tielet Ħadd tal-Avvent – Sena A

Laqgħa Padre Pio

Nhar it-Tlieta, 13 ta’ Diċembru jmiss il-laqgħa tal-Grupp Padre Pio li tibda bil-quddiesa fl-4.30pm. Din id-darba l-laqgħa se ssir fis-Sala (għand is-Sorijiet).

Novena tal-Milied

Nhar il-Ħamis, 15 ta’ Diċembru nagħtu bidu għan-Novena tal-Milied. Il-quddiesa ta’ filgħaxija tkun bis-sehem tal-Kor Parrokkjali u animata minn gruppi u għaqdiet tal-parroċċa. Fi tmiem il-quddiesa ssir ċelebrazzjoni qasira tan-Novena li tintemm bil-Barka Sagramentali.

Ċelebrazzjoni għat-Tfal

Il-Ħamis 15 ta’ Diċembru fil-5.30pm, fil-Knisja Arċipretali, se jkollna ċelebrazzjoni għat-tfal minn Year 1 sa Year 4 animata miċ-Ċentri tal-Katekiżmu.

Tberik tal-Bambini

Nhar il-Ħadd, 18 ta’ Diċembru fil-quddiesa tad-9.30am se jsir it-tberik tal-Bambini. Għalhekk inħeġġu lill-familji jattendu u nistiednu lit-tfal biex iġibu magħhom il-Bambin jew xi presepju żgħir li jintramaw fid-dar biex jitbierku.

Programm Festi tal-Milied

Intom u ħerġin mill-knisja tistgħu tieħdu kopja tal-programm tal-festi tal-Milied. Tajjeb li ssegwu minn fuqu minħabba l-ħinijiet tal-quddies nhar il-Milied u l-Ewwel tas-Sena.  

Laqgħa għall-Għarajjes

Infakkru li nhar il-Ġimgħa, 16 ta’ Diċembru se ssir laqgħa għall-għarajjes li se jiżżewġu s-sena d-dieħla. Il-laqgħa se ssir fis-Santwarju tal-Qalb ta’ Ġesù fis-7.30pm.

Għinuna lill-Laboratorju tal-Paċi

Matul dan iż-żmien tal-festi tal-Milied, bħala parroċċa se nkunu qegħdin ngħinu lil-Laboratorju tal-Paċi ġewwa Ħal Far minn fejn tingħata għajnuna lir-refuġjati f’pajjiżna. Għalhekk se nkunu qed niġbru għotjiet ta’ ikel u toiletries fil-Knisja Arċipretali b’risq ir-refuġjati. Dawk li jixtiequ joffru xi donazzjoni ta’ flus għal dan il-għan jistgħu jagħtuha lill-Arċipriet. Għal dan l-iskop se nkunu nistgħu npoġġu l-affarijiet li nġibu fuq l-altar tal-Kunċizzjoni.

Ġabra b’risq il-Knisja

Il-ġabra li saret is-Sibt u l-Ħadd li għadda b’riżq il-knisja kienet ta’ €1,415. Nirringrazzjawkom ħafna.

Nitolbu għal ħuna Charles Saliba, li miet matul din il-ġimgħa. Agħtih, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.  

It-Tieni Ħadd tal-Avvent – Sena A

Mixja Favur il-Ħajja

Għal dawk li jixtiequ jattendu l-mixja favur il-Ħajja li se ssir l-Ħadd, 4 ta’ Diċembru, fit-3.00pm fil-Belt, se jkun hemm trasport li jitlaq minn ħdejn il-Posta fis-2.00pm.

Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni

Nhar il-Ħamis, 8 ta’ Diċembru, niċċelebraw il-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni. Dakinhar se jingħad ir-Rużarju mill-membri tal-Leġjun ta’ Marija wara l-quddiesa tas-7.00am u fis-6.00pm. Filgħaxija r-Rużarju jingħad quddiem Ġesu’ Espost u wara tingħata l-Barka Sagramentali. Fil-Knisja ta’ Sidtna Marija tal-Anġli se jkun hemm quddiesa fil-5.30pm.

Volontarjat fl-Albanija

Infakkru fl-esperjenza ta’ volontarjat li l-parroċċa se toffri ġewwa l-Albanija f’Lulju li ġej għal żgħażagħ minn 18 sa 30 sena. Dawk li huma interessati għandhom jikkuntattjaw lil Fr Mario Dimech sal-15 ta’ Diċembru.  

Kant lejlet il-Milied

Infakkru li jekk hawn xi tfal li jixtiequ jieħdu sehem fil-kant lejlet il-Milied qabel il-quddiesa tal-lejl tal-Milied, il-ġenituri huma mitluba li jiktbuhom fis-sagristija.

Laqgħa għall-għarajjes li ser jiżżewġu fl-2023

Il-Ġimgħa 16 ta’ Diċembru se ssir laqgħa għall-għarajjes li se jiżżewġu s-sena d-dieħla. Il-laqgħa se ssir fis-Santwarju tal-Qalb ta’ Ġesù, fis-7.30pm.

Griżma tal-Isqof

Il-Griżma tal-Isqof is-sena d-dieħla se tiġi ċċelebrata f’dawn il-ġranet u ħinijiet: is-Sibt 14 ta’ Ottubru fl-4.30pm il-bniet u l-Ħadd 15 ta’ Ottubru fid-9.15am is-subien.

Coffee Morning

Nhar it-Tlieta, 6 ta’ Diċembru, jkollna l-Coffee Morning b’risq il-knisja, fis-Sala tas-Sorijiet, fid-9.30am.

Matul din il-ġimgħa tajna l-aħħar tislima lil Bernice Cassar u Sr Anselmina Mifsud, soru Franġiskana minn Ħaż-Żebbuġ. Nitolbu għalihom. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

L-Ewwel Ħadd tal-Avvent – Sena A

Bidu tal-Avvent

Fil-quddiesa tal-Ħadd, 27 ta’ Novembru fid-9.30am isir it-tberik tal-Girlanda tal-Avvent. It-tfal huma mistiedna jġibu l-girlanda tagħhom biex titbierek waqt il-quddiesa.

Adorazzjoni

Il-Ħamis, 1 ta’ Diċembru fis-6.00pm ikun hawn l-Adorazzjoni quddiem Ġesu’ Ewkaristija fuq it-tema tal-liturġija tat-tieni Ħadd tal-Avvent.

Quddiesa, Adorazzjoni u Tesserament tal-Membri tal-Azzjoni Kattolika

Il-Ġimgħa, 2 ta’ Diċembri tkun l-Ewwel Ġimgħa tax-Xahar, wara l-quddiesa tas-7.00am ikun hawn adorazzjoni fis-skiet sa qabel il-quddiesa tat-8.00am. Fid-9.00am se jkun hawn quddiesa li fiha jsir it-tesserament tal-membri tal-Azzjoni Kattolika.

Kant lejlet il-Milied

Jekk hawn xi tfal li jixtiequ jieħdu sehem fil-kant lejlet il-Milied qabel il-quddiesa tal-lejl tal-Milied, nitlob lill-ġenituri tagħhom  jiktbuhom fis-sagristija.

Volontarjat fl-Albanija

Bħala parroċċa se nkunu qed noffru esperjenza ta’ volontarjat flimkien mal-Patrijiet Dumnikani ġewwa l-Albanija f’Lulju li ġej għal żgħażagħ minn 18 sa 30 sena. Dawk iż-żgħażagħ interessati għandhom jikkuntattjaw lil Fr Mario Dimech sal-15 ta’ Diċembru. Il-postijiet huma limitati.

Coffee Morning

It-Tlieta 6 ta’ Diċembru se jsir Coffee Morning b’risq il-knisja, fis-Sala tas-Sorijiet, fid-9.30am.

Nitolbu għal ħutna Josianne Farrugia, Santino Gauci u Roderick Agius, li mietu matul din il-ġimgħa. Agħtihom Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

Solennita’ ta’ Kristu Sultan

Festa ta’ Kristu Sultan

Il-Ħadd, 20 ta’ Novembru, Monsinjur Arċisqof se jmexxi ċelebrazzjoni ta’ talb fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, fil-5.00pm. Infakkru fl-istedina għaż-żgħażagħ kollha tal-parroċċa għall-quddiesa tas-7.00pm fil-Knisja Arċipretali fl-okkażjoni tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.

Adorazzjoni

Nhar it-Tlieta, 22 ta’ Novembru fl-10.00am ikun hemm l-Adorazzjoni mmexxija mis-Superjur Joe Fenech fil-kappella ta’ San Ġużepp għand is-Sorijiet.

Laqgħa Grupp Żgħażagħ ta’ Warda

Nhar it-Tlieta, 22 ta’ Novmebru, se ssir laqgħa oħra mill-Grupp taż-Żgħażagħ Ta’ Warda għall-adolexxenti tal- Form 2 / Year 8 fis-7.00pm. Din id-darba l-laqgħa se ssir fis-Sala tad-Dar San Ġużepp (taħt l-Uffiċċju Parrokkjali). Min jixtieq iktar informazzjoni dwar dan il-grupp jista’ jkellem lil Fr Mario Dimech.

Quddies għar-Romol

Nhar il-Ġimgħa, 25 ta’ Novembru, għall-quddiesa tas-6.30pm nistiednu lir-romol kollha biex nitolbu għall-għeżież tagħhom mejtin. Tistgħu tiktbu l-ismijiet tal-għeżież tagħkom fis-sagristija biex jissemmew fil-bidu tal-quddiesa.

Avvent 2022

Minn nhar il-Ħadd 27 ta’ Novembru, nagħtu bidu għaż-żmien tal-Avvent bi preparazzjoni għall-Milied. Matul is-Sibtijiet tal-Avvent, fil-5.00pm qabel il-quddiesa, nitolbu flimkien it-talba tal-Għasar. L-Għasar huwa t-talba uffiċċjali tal-Knisja ta’ filgħaxija. Nistedinkom tkunu fil-knisja ftit qabel il-5.00pm. Il-Ħadd fil-quddiesa tad-9.30am isir it-tberik tal-Girlanda tal-Avvent. It-tfal huma mistiedna jġibu il-girlanda tagħhom biex titbierek waqt il-quddiesa.

Tlieta u Tletin Ħadd matul is-Sena Ċ

Quddiesa fiċ-Ċimiterju ta’ Sant’Andrija

Il-Ħadd 13 ta’ Novembru fl-4.00pm ikun hemm quddiesa fiċ-ċimiterju ta’ Sant’Andrija u wara jsir it-tberik tal-oqbra.

Festa San Martin

Il-Ħadd 13 ta’ Novembru fil-quddiesa tad-9.30am niċċelebraw il-festa ta’ San Martin, qaddis tal-Karita’. Inħeġġu lill-familji bit-tfal sabiex jattendu. Nistiednu lit-tfal biex iġibu magħhom għotjiet tal-ikel biex jingħataw lil nies fil-bżonn fil-parroċċa tagħna. 

Laqgħa Kunsill Pastorali Parrokjali

It-Tnejn, 14 ta’ Novembru jiltaqa’ l-Kunsill Pastorali Parrokkjali fis-7.00pm.

Laqgħa Grupp Kelma tal-Ħajja

Nhar it-Tlieta , 15 ta’ Novembru, jiltaqa’ l-Grupp tal-Kelma tal-Ħajja fid-9.30am fis-Sala taħt l-Uffiċċju Parrokkjali.

Laqgħa għall-Ġenituri li ser jagħmlu l-Griżma

Nhar il-Ħamis, 17 ta’ Novembru, se ssir l-ewwel laqgħa għall-ġenituri li uliedhom se jirċievu l-Griżma s-sena d-dieħla. Il-laqgħa se ssir fis-Sala Parrokkjali (id-Domus) fis-7.00pm.

Ftuħ taċ-Ċentru għal persuni bi bżonnijiet speċjali

Minn nhar il-Ġimgħa, 18 ta’ Novembru, se jerġa’ jiftaħ iċ-Ċentru għal persuni bi bżonnijiet speċjali. Il-Grupp jiltaqa’ bejn il-5.00pm u s-7.00pm f’Villa San Filep.

Laqgħa għall-koppji miżżewġa

Il-Ġimgħa, 18 ta’ Novembru, fis-7.00pm se ssir laqgħa oħra għall-koppji miżżewġa fis-sala taħt l-Uffiċċju Parrokkjali. Il-kelliem se jkun in-Nutar Philip Ellul.

Vestizzjoni tal-Abbatini

Nhar is-Sibt, 19 ta’ Novembru, 15-il tifel u tifla mill-parroċċa tagħna se jagħmlu l-Vestizzjoni tal-Abbatini fil-quddiesa tas-6.30pm fil-Knisja Arċipretali. Ħdax minn dawn it-tfal se jingħaqdu mal-grupp tal-abbatini għall-ewwel darba. Nifirħulhom u nitolbu għalihom.

Għeluq tas-Sena Liturġika tal-Knisja

Il-Ħadd, 20 ta’ Novembru, nagħlqu s-Sena Liturġika tal-Knisja bil-festa ta’ Kristu Sultan. Monsinjur Arċisqof se jmexxi ċelebrazzjoni ta’ talb fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, fil-5.00pm.

Jum Dinji taż-Żgħażagħ

Nhar il-Ħadd 20 ta’ Novembru huwa l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ. Għaldaqstant f’din l-okkażjoni nixtiequ nagħmlu stedina speċjali liż-żgħażagħ tal-parroċċa tagħna għall-quddiesa tas-7.00pm fil-Knisja Arċipretali.

Prietka tal-Milied

Il-ġenituri tat-tfal li għandhom bejn 8 u 9 snin (Year 4 u 5 fl-iskola) u li uliedhom jixtiequ jagħmlu l-Prietka tal-Milied, huma mitluba li jiktbu lil uliedhom fis-sagristija jew fl-Uffiċċju Parrokkjali. Minħabba li daħal ftit iż-żmien, hemm ċans sa nhar il-Ħadd 20 ta’ Novembru.

Ġabra Speċjali

Il-ġabra speċjali li saret nhar il-Ħadd għall-knisja kienet ta’ € 1,745. Grazzi tal-ġenerożità tagħkom.

Nitolbu għal ħutna Dorianne Bartolo u Joe Micallef, li mietu matul din il-ġimgħa. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Tnejn u Tletin Ħadd matul is-Sena Ċ

Quddies fiċ-Ċimiterju tal-Qalb ta’ Ġesu’

Il-Ħadd, 6 ta’ Novembru fl-4.00pm ikun hemm quddiesa fiċ-ċimiterju tal-Qalb ta’ Ġesu’ u wara jsir it-tberik tal-oqbra. Matul ix-xahar ta’ Novembru, iċ-Ċimiterju tal-Qalb ta’ Ġesù jkun miftuħ kuljum bejn is-7.00am u t-3.30pm.

Laqgħa Grupp Padre Pio

Nhar it-Tlieta, 8 ta’ Novembru, ssir il-laqgħa tal-Grupp ta’ Padre Pio. Il-laqgħa tibda fl-4.30pm bil-quddiesa. Imexxi l-laqgħa Fr Philip Cutajar.

Grupp ġdid għall-adolexxenti

Infakkru li fiċ-Ċentru taż-Żgħażagħ Ta’ Warda se nibdew grupp ġdid għall-adolexxenti li rċevew il-Griżma tal-Isqof, jiġifieri dawk li twieldu fis-sena 2010 (Form 2). L-ewwel laqgħa għal dan il-grupp se ssir nhar l-Erbgħa li ġej 9 ta’ Novembru fis-7.00pm fiċ-Ċentru Ta’ Warda. Għal iktar informazzjoni tistgħu tikkuntattjaw lil Fr Mario Dimech.

Adorazzjoni

Infakkru li kull nhar ta’ Ħamis, fil-Knisja Arċipretali, ikun hawn adorazzjoni quddiem Ġesù Ewkaristija fis-6.00pm qabel il-quddiesa.

Laqgħa għall-Ġenituri tat-tfal li ser jagħmlu l-Ewwel Tqarbina

Nhar il-Ħamis se ssir l-ewwel laqgħa għall-ġenituri li uliedhom se jagħmlu l-Ewwel Tqarbina f’Mejju li ġej. Il-laqgħa se ssir fis-Sala Parrokkjali (id-Domus) fis-7.00pm.

Festa ta’ San Martin

Nhar il-Ħadd li ġej, 13 ta’ Novembru, fil-quddiesa tad-9.30am niċċelebraw il-festa ta’ San Martin. Inħeġġu lill-familji bit-tfal biex jattendu. Nistiednu lit-tfal biex iġibu magħhom għotjiet tal-ikel biex jingħataw lil nies fil-bżonn fil-parroċċa tagħna. Fl-4.00pm issir quddiesa fiċ-ċimiterju ta’ Sant’Andrija u wara jsir it-tberik tal-oqbra.

Jum Dinji taż-Żgħażagħ

Nhar il-Ħadd 20 ta’ Novembru niċċelebraw il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ u f’din l-okkażjoni se tiġi animata quddiesa għaż-żgħażagħ fis-7.00pm fil-Knisja Arċipretali. Nistiednu liż-żgħażagħ kollha tal-parroċċa tagħna biex jieħdu sehem. 

Intenzjonijiet tal-Quddies

Dawk li jixtiequ jiktbu l-intenzjonijiet tal-quddies għax-xhur ta’ bejn Jannar u Ġunju, huma mitluba jidħlu fis-sagristija u jkellmu lil xi ħadd mis-saċerdoti.

Nitolbu għal ħutna Emanuela Ciantar u Ġuditta Attard, li mietu matul din il-ġimgħa. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Wieħed u Tletin Ħadd matul is-Sena Ċ

Ħinijiet tal-Quddies

Issa li qlibna għall-ħin tax-xitwa, il-quddiesa ta’ filgħaxija tibda tkun fis-6.30pm. Nhar ta’ Sibt filgħaxija, il-ħin tal-quddies se jibda jkun fil-5.15pm u fis-6.30pm. Dawn il-ħinijiet millum ’il hemm se jkunu stabbli u ma jinbidlux meta taqleb is-siegħa. Fis-Santwarju tal-Qalb ta’ Ġesù, il-ħin tal-quddies ikun fis-6.00pm. Navżaw li fis-Santwarju qed issir quddiesa kuljum fis-6.00pm.

Mill-Ħadd li ġej 6 ta’ Novembru minflok il-quddies tad-9.00am u l-10.00am se tibda ssir quddiesa waħda li tkun għat-tfal u l-famija fid-9.30am, bħalma kien isir qabel il-covid.

Festa tal-Qaddisin

It-Tlieta 1 ta’ Novembru, Festa tal-Qaddisin Kollha, se ssir quddiesa għat-tfal fil-Knisja Arċipretali fil-5.00pm. Il-quddiesa tas-6.30pm tkun kantata.

Għid tal-Imwiet

L-Erbgħa 2 ta’ Novembru, niċċelebraw l-Għid tal-imwiet. Niftakru f’ħutna l-mejtin. Il-quddies filgħodu jibda fis-6.00am u jkompli kull nofs siegħa bl-aħħar quddiesa tkun fit-8.30am. Fis-6.30pm issir konċelebrazzjoni biex nitolbu għal ħutna l-mejtin, b’mod speċjali dawk li mietu minn Novembru tas-sena l-oħra ’l hawn. Inħeġġu l-qraba tagħhom biex jieħdu sehem f’din il-quddiesa.

Grupp ġdid Ċentru Ta’ Warda

Fiċ-Ċentru taż-Żgħażagħ Ta’ Warda se nibdew grupp ġdid għall-adolexxenti li rċevew il-Griżma tal-Isqof, jiġifieri dawk li twieldu fis-sena 2010 (Form 2). L-ewwel laqgħa għal dan il-grupp se ssir nhar l-Erbgħa 9 ta’ Novembru fis-7.00pm fiċ-Ċentru Ta’ Warda. Għal iktar informazzjoni tistgħu tikkuntattjaw lil Fr Mario Dimech.

Quddies fiċ-Ċimiterju

Il-Ħadd 6 ta’ Novembru, fl-4.00pm ikun hemm quddiesa fiċ-ċimiterju tal-Qalb ta’ Ġesu’ u wara jsir it-tberik tal-oqbra. It-tberik taċ-ċimiterju ta’ Sant’Andrija jsir il-Ħadd ta’ wara fl-4.00pm.

Seminarista Malcolm Saliba

Nifirħu lis-seminarista Malcolm Saliba li qiegħed assenjat fil-parroċċa tagħna, li nhar it-Tlieta filgħaxija se jirċievi l-Ministeru tal-Akkolitat minn Monsinjur Arċisqof. Dan huwa l-aħħar pass qabel jiġi ordnat Djaknu s-sena d-dieħla. Jixraq li nakkumpanjawh bit-talb tagħna.

Ġbir b’riżq il-Missjoni

Il-ġbir li sar is-Sibt u l-Ħadd li għadda b’riżq il-Missjoni kien ta’ €4,284. Il-Ħadd li ġej nagħmlu l-ġabra speċjali għall-knisja u x-xogħol ta’ restawr li qed isir. S’issa nġabru €22,220 b’riżq il-proġett tal-koppla.

Tletin Ħadd matul is-Sena Ċ

Ġurnata Missjunarja

Il-Ħadd, 23 ta’ Ottubru, l-Knisja mad-dinja kollha tiċċelebra l-Ġurnata Missjunarja. L-Opri Missjunarji Pontifiċji (illum magħrufin bħala MISSIO) jgħinu diversi missjunarji, kemm Maltin u oħrajn, li jitolbu għajnuna biex jibnu knejjes, iżommu skejjel, iwaqqfu sptarijiet u jikkuraw morda, jassistu u jilqgħu fi djar apposta familji u tfal abbandunati u jipprovdulhom il-bżonnijiet l-aktar essenzjali. Għaldaqstant, bil-ġbir li jsir fil-quddies bejn illum u għada, inkunu qed ngħinu din il-ħidma missjunarja tal-Knisja f’dawk il-pajjiżi fejn hemm bżonn ħafna assistenza.

Se nfakkru din il-ġurnata b’mod speċjali waqt il-quddiesa , fl-10.00am għat-tfal u l-familji. Fil-quddiesa se niltaqgħu ma’ xi sorijiet li ġejjin mill-Kenja li hija art tal-missjoni. Inħeġġu lill-familji biex jattendu. 

Quddie snhar ta’ Ħadd

Sakemm ma jkunx avżat mod ieħor, nhar ta’ Ħadd qed jerġa’ jkun hawn il-quddiesa tal-5.30pm.

Laqgħa għall-Koppji Miżżewġin

Nhar il-Ġimgħa 28 ta’ Ottubru, se ssir laqgħa għall-koppji miżżewġin, fis-7.00pm, fis-sala taħt l-Uffiċċju Parrokkjali. Il-kelliem se jkun l-Arċipriet.

Festa tal-Qaddisin Kollha

It-Tlieta 1 ta’ Novembru, Festa tal-Qaddisin Kollha, se ssir quddiesa għat-tfal fil-Knisja Arċipretali fil-5.00pm. Qed nistiednu lit-tfal jiġu lebsin tal-qaddis/a favorit/a tagħhom jew jiġu lebsin ilbies abjad. Wara l-quddiesa se jiġi organizzat ukoll party għat-tfal fis-Sala Dun Mikiel Xerri. Dawk il-ġenituri li jixtiequ jibbukkjaw lil uliedhom għall-party jistgħu jagħmlu dan jew fis-sagristija jew minn fuq il-paġna ta’ Facebook tal-parroċċa.

Nitolbu għal ħutna Abram Falzon u Emanuel Ciappara, li mietu matul din il-ġimgħa. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Disgħa u Għoxrin Ħadd matul is-Sena Ċ

Għoti ta’ Demm

Il-Ħadd, 16 ta’ Ottubru se jkun hawn il-Mobile Blood Donation Unit ħdejn il-knisja għal min jixtieq jagħti d-demm. Wieħed għandu jippreżenta l-karta tal-identità u jieħu miegħu maskra. Ħaġa sabiħa li min jista’ jagħmel dan il-ġest li bih jista’ jsalva u jgħin lil min ikun marid.

Laqgħa Grupp Kelma tal-Ħajja

It-Tlieta 18 ta Ottubru fid-9.30am jiltaqa’ l-Grupp tal Kelma tal-Ħajja, fis-Sala ta’ taħt l-uffiċċju parrokkjali.

Adorazzjoni

It-Tlieta 18 ta Ottubru fl-10.00am ikun hemm Adorazzjoni mmexxija mis-Superjur Joe Fenech fil-kappella ta’ San Ġużepp għand is-Sorijiet.

Ġurnata Missjunarja

Il-Ħadd, 23 ta’ Ottubru, il-Knisja tiċċelebra l-Ġurnata Missjunarja. L-Opri Missjunarji Pontifiċji (illum magħrufin bħala MISSIO) jgħinu diversi missjunarji, kemm Maltin u oħrajn, li jitolbu għajnuna biex jibnu knejjes, iżommu skejjel, iwaqqfu sptarijiet u jikkuraw morda, jassistu u jilqgħu fi djar apposta familji u tfal abbandunati u jipprovdulhom il-bżonnijiet l-aktar essenzjali. Għaldaqstant, bil-ġbir li jsir fil-quddies is-Sibt u l-Ħadd li ġej, inkunu qed ngħinu din il-ħidma missjunarja tal-Knisja f’dawk il-pajjiżi fejn hemm bżonn ħafna assistenza. Fil-parroċċa se nfakkru din il-ġurnata b’mod speċjali waqt il-quddiesa tal-10.00am għat-tfal u l-familji. Inħeġġu lill-familji biex jattendu. 

Quddies f’żoni oħra

Infakkru li minn dan il-weekend beda jsir quddies f’dawn iż-żoni:

  • Ħal Mula, is-Sibt fis-7.00pm;
  • Tal-Grazzja, is-Sibt fit-8.00pm;
  • Ħal Muxi, il-Ħadd fit-8.00am.

Coffee Morning

It-Tlieta 8 ta’ Novembru se jsir coffee morning (mhux fit-18 ta’ Ottubru kif kien avżat il-ġimgħa l-oħra). Biljetti mingħand il-membri tal-grupp tal-fundraising. Sakemm ma jiġix avżat mod ieħor, il-coffee mornings jibdew jiġu organizzati kull tieni Tlieta tax-xahar. Dawn ikunu organizzati b’riżq il-knisja. 

Nitolbu għal ħutna Frances Formosa u Tereża Psaila, li miet matul din il-ġimgħa. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.