It-Tieni Ħadd tar-Randan – Sena Ċ

Laqgħa Kunsill Pastorali Parrokjali

Nhar it-Tnejn jiltaqa’ l-Kunsilll Pastorali Parrokkjali fis-7.00pm fis-sala taħt l-Uffiċċju Parrokkjali.

Laqgħa Grupp tal-Kelma tal-Ħajja

Nhar it-Tlieta fid-9.30am jiltaqa’ l-grupp tal-Kelma tal-Ħajja fis-sala taħt l-Uffiċċju Parrokkjali.

Adorazzjoni

Il-Ħamis ikun hawn l-adorazzjoni fis-6.00pm b’tema marbuta ma’ dan iż-żmien tar-Randan.

Festa Liturġika San Ġużepp

Nhar is-Sibt 19 ta’ Marzu niċċelebraw il-festa ta’ San Ġużepp. Il-quddiesa tat-8.00am tkun dik tal-festa u fiha ssir il-professjoni tal-fratelli l-ġodda. Dawk li jixtiequ jinkitbu fil-fratellanza huma mitluba jiktbu isimhom fis-sagristija.

L-Ewwel Qrara

Nhar is-Sibt ukoll, fid-9.00am, fil-Knisja Arċipretali jkun hawn l-Ewwel Qrara għat-tfal bniet li se jagħmlu l-Ewwel Tqarbina. Is-Sibt ta’ wara jkun hawn l-Ewwel Qrara għas-subien.

Ħamsin Sena Anniversarju

Dun Frans Bonnici u Dun Salvinu Micallef nhar is-Sibt li ġej se jkunu qegħdin jiċċelebraw il-50 anniversarju mill-Ordinazzjoni Presbiterali tagħhom b’quddiesa fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann il-Belt. L-għada l-Ħadd fit-8.00am se jiċċelebraw quddiesa ta’ radd il-ħajr lil Alla għad-don tas-Saċerdozju flimkien. Ilkoll mistednin ningħaqdu magħhom f’din il-quddiesa.

Quddiesa Speċjzli għaż-Żgħażagħ

Nhar il-Ħadd li ġej nistiednu liż-żgħażagħ kollha għall-quddiesa tas-7.00pm li se tkun animata b’mod speċjali għalihom f’dan iż-żmien tar-Randan. 

Reġistrazzjoni għall-pubbliku għall-Quddiesa tal-Q.T. Papa Franġisku

Min jixtieq li jkollu post bilqiegħda għall-quddiesa li se jiċċelebra l-Papa nhar il-Ħadd 3 ta’ April fuq il-Fosos tal-Furjana, għandu jirreġistra online hawn

Jekk persuna ma tafx tapplika online, isirulha arranġamenti min-naħa tal-parroċċa. Id-dettalji qegħdin fuq in-noticeboards u l-website tal-parroċċa.

Ġabra b’Risq is-Seminarju

Il-ġabra li saret b’risq is-Seminarju u l-formazzjoni tas-seminaristi kienet ta’ €3,228. Ir-Rettur tas-Seminarju jibgħat jirringrazzjana għall-offerta ġeneruża tagħna. Il-ġabra li saret il-Ħadd li għadda b’risq il-knisja kienet ta’ €1,418. Nirringrazzjawkom ħafna.

Nitolbu għal ħutna Charles Aquilina, Carmelo Gatt, Concetta Balzan u Felic Attard, li mietu matul din il-ġimgħa. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.  

L-Ewwel Ħadd tar-Randan – Sena Ċ

Adorazzjoni fil-Kappella ta’ San Ġużepp

Nhar it-Tlieta fl-10.00am issir l-Adorazzjoni fil-Kappella ta’ San Ġużepp għand is-Sorijiet, immexxija mis-Soċju tal-MUSEUM Joe Fenech.

Laqgħa Grupp Padre Pio

It-Tlieta wkoll, fl-4.30pm imiss laqgħa oħra tal-Grupp ta’ Padre Pio li tinkludi quddiesa. Imexxi l-laqgħa Fr Philip Cutajar.

Adorazzjoin fil-Parroċċa

Il-Ħamis ikun hawn l-adorazzjoni fis-6.00pm fuq it-tema tal-liturġija tat-Tieni Ħadd tar-Randan.

Meditazzjoni u Via Sagra

Matul iż-żmien tar-Randan, kull nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’ Ġimgħa, issir il-meditazzjoni u t-talba tal-Via Sagra: filgħodu wara l-quddiesa tat-8.00am u fis-6.00pm qabel il-quddiesa ta’ filgħaxija.

Fratellanza San Ġużepp

Il-Fratellanza ta’ San Ġużepp qed tagħmel stedina lil dawk l-irġiel kif ukoll nisa li jixtiequ jinkitbu fil-Fratellanza. Min jixtieq jinkiteb jista’ jħalli ismu fis-Sagristija jew javviċina lil xi ħadd mill-membri fil-Każin San Ġużepp sal-Ħadd 13 ta’ Marzu. Il-professjoni tal-fratelli l-ġodda issir nhar is-Sibt 19 ta’ Marzu fil-quddiesa tat-8.00am.

Nitolbu għal oħtna Katarina Spiteri li mietet matul din il-ġimgħa. Agħtiha, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.  

It-Tmien Ħadd matul is-Sena Ċ

Randan

Nhar l-Erbgħa, 2 ta’ Marzu, nagħtu bidu għar-Randan Imqaddes bi tħejjija għall-Festi tal-Għid. Fil-quddies kollu ssir iċ-ċerimonja tat-tqegħid tal-Irmied.

  • Fil-5.00pm se ssir quddiesa animata għat-tfal u l-ġenituri.
  • Fis-6.00pm tibda ċelebrazzjoni ta’ talb u adorazzjoni fil-bidu tar-Randan. 
  • Fis-6.30pm quddiesa konċelebrata li fiha wkoll isir it-tqegħid tal-Irmied.

Infakkru li dakinhar huwa jum ta’ sawm u astinenza. Ningħaqdu mal-Q.T. il-Papa biex din il-ġurnata noffruha għall-paċi fid-dinja speċjalment għas-sitwazzjoni fl-Ukrajna.

Adorazzjoni

Il-Ħamis ikun hawn l-adorazzjoni fis-6.00pm fuq it-tema tal-liturġija tal-Ewwel Ħadd tar-Randan.

L-Ewwel Ġimgħa tax-Xahar

Il-Ġimgħa, l-Ewwel Ġimgħa tax-Xahar, minn wara l-quddiesa tas-7.00am sa qabel il-quddiesa tat-8.00am ikun hawn ħin ta’ adorazzjoni fis-skiet quddiem Ġesù Ewkaristija li jintemm bil-barka sagramentali.

Via Sagra

Matul iż-żmien tar-Randan, kull nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’ Ġimgħa, tingħad it-talba tal-Via Sagra fis-6.00pm, qabel il-quddiesa ta’ filgħaxija.

Sehem fil-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira

Għal dawk li jixtiequ jieħdu sehem fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, navża li l-kitba tista’ ssir f’dawn il-ġranet u ħinijiet:

  • L-Erbgħa u l-Ġimgħa mill-5.30pm sas-7.30pm;
  • Il-Ħadd mid-9.30am sa nofsinhar.

Is-Sitt Ħadd matul is-Sena Ċ

Adorazzjoni fil-Knisja Parrokjali

Il-Ħamis 24 ta’ Frar, fis-6.00pm jkun hemm adorazzjoni qabel il-quddiesa bit-tema tal-liturġija tal-Ħadd.

Laqgħa għall-Adolexxenti (Form 2)

Il-Ħamis 24 ta’ Frar, fis-7.00pm ikun hemm laqgħa għall-adolexxenti li qiegħdin Form 2, fiċ-Ċentru Ta’ Warda. Min jixtieq jingħaqad ma’ dan il-grupp jista’ jattendi għal-laqgħa ta’ nhar il-Ħamis.

Il-grupp taż-Żgħażagħ tal-Leġjun ta’ Marija

Dan il-grupp jiltaqgħu kull nhar ta’ Ġimgħa fis-7.00pm, u se jorganizzaw hike nhar il-Ħadd 27 ta’ Frar. Min hu interessat f’din l-attività u jixtieq jipparteċipa magħhom jista’ jsib aktar informazzjoni fuq in-noticeboards tal-Knisja jew fuq il-paġna tal-Facebook tal-parroċċa.

Purċissjoni Ġimgħa l-Kbira

Kif kien imħabbar dan l-aħħar, jekk is-sitwazzjoni tal-Covid-19 tibqa’ taħt kontroll, il-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira se ssir bħas-soltu fil-15 ta’ April. Min jixtieq jieħu sehem għandu jkellem lil Pawlu Azzopardi mill-Ħadd 20 ta’ Frar. Il-kitba ssir fil-maħżen tal-Ġimgħa l-Kbira f’dawn il-ġranet u ħinijiet:

  • l-Ħadd bejn id-9.00am u nofsinhar;
  • I-Tlieta u l-Ħamis bejn is-6.00pm u t-8.00pm.

L-organizzazzjoni kollha tal-purċissjoni ssir skont kif jippermettu l-linji gwida u l-istruzzjonijiet mogħtija mill-Awtorità tas-Saħħa Pubblika.

Ġabra b’riżq is-Seminarju

Fil-quddies tas-Sibt u l-Ħadd li ġej se ssir il-ġabra li nagħmlu kull sena b’riżq is-Seminarju, il-post li jagħti formazzjoni lil dawk li jkunu qed iħejju ruħhom għas-saċerdozju. Hu dmir tagħna li ngħinu lis-Seminarju u nitolbu għal aktar vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi.

Nitolbu għal oħtna Giovanna Zammit li mietet matul din il-ġimgħa. Agħtiha, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.  

Is-Sitt Ħadd matul is-Sena Ċ

Laqgħa Grupp Kelma tal-Ħajja

Nhar it-Tlieta, 15 ta’ Frar, jiltaqa’ l-Grupp tal-Kelma tal-Ħajja, fid-9.30am, fis-sala taħt l-Uffiċċju Parrokkjali.

Quddiesa għall-Miżżewġin

Nhar l-Erbgħa, il-Kummissjoni Familja tal-Parroċċa, flimkien mal-Azzjoni Kattolika Adulti, qed tistieden lill-koppji miżżewġin għall-quddiesa tas-6.30pm, organizzata b’mod speċjali għalihom. Dawk il-koppji li qed jiċċelebraw xi anniversarju speċjali miż-żwieġ tagħhom huma mistiedna li jidħlu fis-sagristija u jagħtuna l-ismijiet tagħhom. Fi tmiem il-quddiesa, il-koppji jingħataw tifkira tal-okkażjoni.

Adorazzjoni

Nhar il-Ħamis ikun hawn l-adorazzjoni fis-6.00pm qabel il-quddiesa bit-tema tal-liturġija tal-Ħadd.

Għoti tad-Demm

Il-Ħadd, 13 ta’ Frar, bejn it-8.30am u s-1.00pm se jkun hawn il-Mobile Blood Donation Unit maġenb iz-zuntier. Ikun ġest tassew sabiħ u ġeneruż li min jista’ jagħti d-demm u b’hekk ikun qiegħed jgħin lil min jinsab marid jew ikun qiegħed jirċievi trattament speċjali minħabba saħħtu. Importanti li min jersaq biex jagħti d-demm jippreżenta l-karta tal-identità.

Ġabra Speċjali

Il-ġabra speċjali li saret nhar is-Sibt u l-Ħadd li għadda kienet ta’ €1,300. Nirringrazzjawkom tas-sostenn u l-għajnuna li dejjem tagħtu lill-knisja.

Nitolbu għal ħutna Albert Cachia, Gladys Teuma, Maria Vassallo u Anna Vella, li mietu matul din il-ġimgħa. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.  

Il-Ħames Ħadd matul is-Sena ċ

Adorazzjoni fil-Kappella ta’ San Ġużepp

It-Tlieta, 8 ta’ Frar, fl-10.00am issir Adorazzjoni fil-Kappella ta’ San Ġużepp għand is-Sorijiet, immexxija mis-Soċju tal-MUSEUM Joe Fenech.

Laqgħa grupp Padre Pio

It-Tlieta, 8 ta’ Frar, fl-4.30pm jiltaqa’ l-Grupp ta’ Padre Pio. Il-laqgħa tibda bil-quddiesa. Imexxi l-laqgħa Fr Philip Cutajar.

Laqgħa għall-adolexxenti

It-Tlieta, 8 ta’ Frar, fis-7.00pm imiss laqgħa oħra għall-adolexxenti li qegħdin Form 2. Din id-darba l-laqgħa se ssir fis-Sala taħt l-Uffiċċju Parrokkjali.

Vestizzjoin Abbatini

L-Erbgħa 9 ta’ Frar se ssir il-Vestizzjoni ta’ 13-il tifel u tifla bħala abbatini. 10 minnhom se jkunu qegħdin jingħaqdu mal-Grupp tal-Abbatini tal-Parroċċa għall-ewwel darba.

Festa ta’ San Pawl

Il-Ħamis 10 ta’ Frar niċċelebraw il-Festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl. Jixraq li nqaddsu din il-ġurnata speċjali għalina l-Maltin billi nieħdu sehem fil-quddiesa. Il-quddies ikun fis-6.00am, 7.00am, 8.00am u 9.30am filgħodu u fis-6.30pm filgħaxija.

Laqgħa għall-miżżewġin

Il-Kummissjoni Familja tal-Parroċċa qed tistieden lill-koppji miżżewġin nhar l-Erbgħa 16 ta’ Frar fis-6.30pm fil-Knisja Arċipretali. Dawk il-koppji li qed jiċċelebraw xi anniversarju speċjali miż-żwieġ tagħhom huma mistiedna li jidħlu fis-sagristija u jagħtuna l-ismijiet tagħhom. Dakinhar tal-okkażjoni tingħata tifkira.

Nitolbu għal ħutna Carmen Vassallo, Emanuel Sciberras, Salvu Dimech u ċ-ċkejken Noel Żammit, li mietu matul din il-ġimgħa. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Ir-Raba’ Ħadd matul is-Sena Ċ

Festa tal-Kandlora

Nhar l-Erbgħa 2 ta’ Frar nagħmlu l-Festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej, magħrufa bħala l-Kandlora. Fis-6.30pm ikun hawn quddiesa kantata u fiha jsir it-tberik tax-xemgħa.

Adorazzjoni

Nhar il-Ħamis ikun hawn l-adorazzjoni fis-6.00pm qabel il-quddiesa bit-tema tal-liturġija tal-Ħadd.

Adorazzjoni tal-Ewwel Ġimgħa tax-Xahar

Il-Ġimgħa, l-Ewwel Ġimgħa tax-xaħar, wara l-quddiesa tas-7.00am se jkun hawn adorazzjoni quddiem l-Ewkaristija, li tintemm bil-Barka Sagramentali qabel il-quddiesa tat-8.00am.

Festa ta’ San Blas

Fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Blas, li l-Knisja tiċċelebra matul din il-ġimgħa, nhar il-Ħadd 6 ta’ Frar se ssir quddiesa f’nofsinhar fil-kappella dedikata lilu fil-limiti tal-parroċċa.

Nitolbu għal ħutna Ġużeppa Mifsud u Ġużi Bonnici, li mietu matul din il-ġimgħa. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

It-Tielet Ħadd matul is-Sena Ċ

Laqgħat għaż-Żgħażagħ fiċ-Ċentru ta’ Warda

Nhar l-Erbgħa se jerġgħu jibdew il-laqgħat tal-Grupp taż-Żgħażagħ li għalihom mistednin żgħażagħ minn Form 3 (Year 9) ’il fuq. Il-laqgħa tibda fis-7.30pm fiċ-Ċentru Ta’ Warda.

Se nibdew ukoll grupp ġdid għall-adolexxenti li rċevew il-Griżma tal-Isqof f’Ottubru li għadda, jiġifieri dawk li twieldu fis-sena 2009 (Form 2). L-ewwel laqgħa għal dan il-grupp se ssir nhar il-Ħamis li ġej fis-7.00pm fiċ-Ċentru Ta’ Warda. Għal iktar informazzjoni tistgħu tikkuntattjaw lil Fr Mario Dimech. 

Laqgħa għall-Ġenituri tat-tfal li se jagħmlu Griżma tal-Isqof

Nhar il-Ġimgħa se ssir laqgħa għall-ġenituri ta’ dawk li se jagħmlu l-Griżma din is-sena. Il-ħin ikun fis-7.00pm u l-laqgħa ssir fil-Knisja Arċipretali.

Laqgħa għall-Koppji Miżżewġin

Nhar il-Ġimgħa l-Kummissjoni Familja se torganizza laqgħa oħra għall-koppji miżżewġin fis-7.00pm fis-Sala tas-Sorijiet (taħt l-Uffiċċju Parrokkjali). Il-kelliem se jkun in-Nutar Philip Ellul.

Tqarbin għall-pazjenti fl-isptar

Għal dawk kollha li għandhom xi ħadd li jinsab marid u qiegħed l-isptar, ninfurmakom li kemm-il darba pazjent ikun jixtieq jirċievi t-tqarbin kemm idum fl-isptar, ikun meħtieġ li hu stess jitlob lil xi ħadd mill-infermiera biex isejjaħ wieħed mis-saċerdoti li jservu fl-isptar ħalli jqarbnuh.

Restawr fuq il-Koppla

Navża uffiċjalment li l-Fondazzjoni għall-Patrimonju Kulturali tal-Arċidjoċesi, wara li laqgħet l-applikazzjonijiet għax-xogħol ta’ restawr fuq il-koppla, għażlet il-Kumpanija Agius Stone Works biex tagħmel dan ix-xogħol. Huwa stmat li l-ispiża se tlaħħaq madwar €145,000. Il-fondi allokati għal dan il-proġett ikopru 80% ta’ din l-ispiża, filwaqt li l-20% l-oħra, li huma madwar €30,000, jitħallsu mill-parroċċa. Filwaqt li nittama li ma jdumx ma jinbeda x-xogħol, nappella ħafna għall-ġenerożità tagħkom. Proġetti oħra li se nkunu qegħdin naħdmu fuqhom fil-futur qrib huma r-restawr tal-kwadru tal-Erwieħ li hu stmat madwar €17,000, kif ukoll it-titjib fis-sistema tas-sound tal-Knisja Arċipretali, bi spiża ta’ madwar €5,000.

Nitolbu għal oħtna Carmela Agius li mietet matul din il-ġimgħa. Agħtiha, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

It-Tieni Ħadd matul is-Sena Ċ

Għaqda Nsara

Nhar it-Tlieta, 18 ta’ Jannar, tibda l-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda tal-Insara. Ejjew matul din il-ġimgħa, li tiġi mfakkra mad-dinja kollha, nitolbu sabiex il-knejjes insara differenti jkunu dejjem iżjed ħaġa waħda bejniethom.

Il-Ħadd, 23 ta’ Jannar , fil-quddiesa tal-10.00am se niftakru u nitolbu għall-Għaqda tal-Insara. Nistiednu lill-familji bit-tfal sabiex jattendu. 

Laqgħa Grupp tal-Kelma tal-Ħajja

Nhar it-Tlieta, 18 ta’ Jannar, jiltaqa’ l-grupp tal-Kelma tal-Ħajja fid-9.15am. Din il-laqgħa se ssir fis-sala ta’ isfel għand is-Sorijiet (taħt l-Uffiċċju Parrokkjali).

Adorazzjoni

Il-Ħamis ikollna l-adorazzjoni quddiem Ġesù Sagramentat fis-6.00pm qabel il-quddiesa, fuq it-tema tal-Liturġija tal-Ħadd li ġej.

Griżma tal-Isqof

Navżaw li ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Griżma tal-Isqof din is-sena se jkunu f’dawn il-ġranet: is-Sibt 1 ta’ Ottubru 2022 filgħaxija, is-Sibt 8 ta’ Ottubru 2022 filgħaxija u l-Ħadd 9 ta’ Ottubru 2022 filgħodu u filgħaxija. Il-ġenituri qed jiġu mgħarrfa b’dawn id-dati miċ-Ċentri tad-Duttrina fejn jattendu t-tfal tagħhom.

Nitolbu għal ħutna Carmelo Bezzina, Victor Mifsud, Ġużeppi Camilleri, Maria Assunta Pisani, Angelus Attard u Dolores Delia, li mietu matul din il-ġimgħa. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.  

Festa tal-Magħmudija tal-Mulej – Sena Ċ

Adorazzjoni fil-Kappella ta’ San Ġużepp

Nhar it-Tlieta fl-10.00am se terġa’ tibda ssir l-Adorazzjoni fil-Kappella ta’ San Ġużepp għand is-Sorijiet, immexxija mis-soċju tal-MUSEUM Joe Fenech.

Laqgħa tal-Grupp Padre Pio

It-Tlieta fl-4.30pm imiss laqgħa oħra tal-Grupp ta’ Padre Pio li tinkludi quddiesa. Imexxi l-laqgħa Fr Philip Cutajar.

Adorazzjoni fil-Parroċċa

Il-Ħamis ikollna l-adorazzjoni quddiem Ġesù Sagramentat fis-6.00pm qabel il-quddiesa, fuq it-tema tal-Liturġija tal-Ħadd li ġej.

Nitolbu għal oħtna Rosaria Psaila li mietet matul din il-ġimgħa. Agħtiha, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.