Festa tal-Familja Mqaddsa – Sena Ċ

Kwaranturi

Minn nhar l-Erbgħa 29 ta’ Diċembru sal-aħħar tas-sena jkollna l-Kwaranturi fil-Knisja Arċipretali. Fit-8.30am issir l-espożizzjoni solenni tal-Ewkaristija sa nofsinhar. Filgħaxija fil-5.00pm ikun hawn siegħa adorazzjoni fis-skiet u fis-6.00pm tingħad it-talba tal-Għasar. Nhar il-Ġimgħa filgħaxija l-quddies ikun bħas-Sibt, jiġifieri fil-5.00pm u fis-6.30pm, b’din tal-aħħar tkun quddiesa solenni ta’ radd il-ħajr lil Alla fl-għeluq tas-sena. Fiha ssir purċissjoni fil-knisja bl-Ewkaristija u jitkanta t-Te Deum. Nhar l-Ewwel tas-Sena, Solennità ta’ Marija Omm Alla, il-quddies ikun bħal nhar ta’ Ħadd. Filgħaxija jkun hawn quddies fil-5.00pm u fis-6.30pm.

Ġbir b’riżq id-Dar tal-Providenza

Il-ġbir kollu li jsir nhar il-Ġimgħa filgħaxija u fl-Ewwel tas-Sena jkun b’riżq id-Dar tal-Providenza. Ilkoll nafu kemm din id-dar teħtieġ għajnuna biex toffri servizz tajjeb u professjonali lir-residenti li jgħixu fiha. Inkun ġenerużi fl-għotjiet tagħna.

Sejħa għall-Abbatini

Nixtiequ nħeġġu aktar tfal sabiex isiru abbatini fil-parroċċa tagħna. L-abbatini mhux biss jgħinu fis-servizz fuq l-altar fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi, imma jkollhom ukoll laqgħat u attivitajiet oħra biex ikomplu jiffurmaw ruħhom f’valuri tajbin. Dawk it-tfal, subien u bniet, li diġa’ għamlu l-Ewwel Tqarbina u jixtiequ jibdew jagħtu servizz bħala abbatini, jistgħu jiġbru applikazzjoni mis-sagristija.

Quddiesa għaż-Żgħażagħ

Nhar il-Ħadd 2 ta’ Jannar se tiġi ċċelebrata quddiesa għaż-żgħażagħ fis-7.00pm fil-Knisja Arċipretali. Nistiednu liż-żgħażagħ kollha tal-parroċċa tagħna sabiex jieħdu sehem.  

Nitolbu għal ħutna Nazzarena Abdilla, Philip Muscat, Charles Cauchi, Emily Baldacchino u Nicolina Sawyer, li mietu matul din il-ġimgħa. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.  

Ir-Raba’ Ħadd tal-Avvent – Sena Ċ

Tberik tal-Bambini

Il-Ħadd, 19 ta’ Diċembru, fil-quddiesa tal-10.00am se jsir it-tberik tal-Bambini. Inħeġġu l-familji bit-tfal sabiex jattendu.

Novena tal-Milied

Matul din il-ġimgħa fil-quddiesa ta’ filgħaxija nkomplu bin-Novena tal-Milied u fi tmiem il-quddiesa ssir ċelebrazzjoni qasira tan-Novena li tintemm bil-Barka Sagramentali.

Laqgħa tal-Grupp tal-Kelma tal-Ħajja

Nhar it-Tlieta jiltaqa’ l-Grupp tal-Kelma tal-Ħajja fid-9.15am fil-kamra ta’ wara ċ-Ċenaklu.

Għotjiet ta’ prodotti tal-ikel (preserve) u flus

Infakkar li qegħdin nilqgħu għotjiet ta’ ikel sabiex f’dan iż-żmien tal-Milied, bħala parroċċa, ngħinu lid-dar tat-tfal Dar Santa Rita, immexxija mis-Sorijiet Ursolini. Dawn l-għotjiet għandhom jitpoġġew fuq l-altar tal-Kunċizzjoni. Min jixtieq jagħmel offerta ta’ flus għal din id-dar jista’ jgħaddiha lill-Arċipriet jew lil xi ħadd mis-saċerdoti.

Purċissjoni tal-Bambin

Lejlet il-Milied se ssir il-purċissjoni tal-Bambin. Wara diskussjonijiet mal-Awtoritajiet tas-Saħħa, intbagħtulna proċeduri dwar kif il-purċissjonijiet tal-Bambin jistgħu jsiru f’konformità mal-liġijiet attwali. Importanti li kull min jixtieq jipparteċipa fil-purċissjoni għandu jirreġistra minn qabel minn fuq il-paġna tal-Facebook jew mill-website tal-parroċċa. Min japplika, dakinhar irid jippreżenta ċ-ċertifikat tal-vaċċin. Tfal taħt it-12-il sena għandhom ikunu akkumpanjati minn ġenitur/kustodju legali li jkun vaċċinat. Matul il-purċissjoni kulħadd għandu jkun liebes maskra.

Il-purċissjoni se tibda fis-6.45pm miċ-Ċentru Ta’ Warda u tintemm fil-Knisja Arċipretali, fejn issir ċelebrazzjoni mill-membri tal-MUSEUM. Importanti li min japplika jkun ħdejn iċ-Ċentru mhux aktar tard mis-6.30pm u josserva d-direzzjoni mogħtija mill-helpers.

Quddies ta’ lejlet u nhar il-Milied

F’Lejliet il-Milied il-quddies ikun fil-5.00pm u fis-6.30pm. Aktar tard, fid-9.00pm ikun hawn quddiesa tal-lejl tal-Milied bil-prietka tat-tifel. Fil-11.00pm tibda Velja segwita mill-quddiesa tal-Lejl tal-Milied. Nitlobkom issegwu l-programm li kopji tiegħu jinsabu ħdejn il-bieb il-kbir tal-Knisja Arċipretali.

Nhar il-Milied filgħodu l-quddies ikun bħal tal-Ħadd. Fl-10.00am ikollna quddiesa speċjali għall-familji u t-tfal u fiha ssir il-prietka tradizzjonali. Filgħaxija l-quddies ikun fil-5.00pm u fis-6.30pm.

Nitolbu għal ħuna Francis Grima li miet matul din il-ġimgħa. Agħtih, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.  

It-Tielet Ħadd tal-Avvent – Sena Ċ

Laqgħa tal-Grupp Padre Pio

Nhar it-Tlieta fil-Knisja Arċipretali jkun hawn il-laqgħa tal-Grupp Padre Pio li tibda bil-quddiesa fl-4.30pm.

Novena tal-Milied

Nhar l-Erbgħa nagħtu bidu għan-Novena tal-Milied. Il-quddiesa ta’ filgħaxija tkun bis-sehem tal-Kor Parrokkjali u animata minn gruppi u għaqdiet tal-parroċċa. Fi tmiem il-quddiesa ssir ċelebrazzjoni qasira tan-Novena li tintemm bil-Barka Sagramentali.

Programm tal-Festi tal-Milied

Intom u ħerġin mill-knisja tistgħu tieħdu kopja tal-programm tal-festi tal-Milied. Tajjeb li ssegwu minn fuqu minħabba l-ħinijiet tal-quddies nhar il-Milied u l-Ewwel tas-Sena. Navża wkoll minn issa li f’lejlet il-Milied se jkun hawn żewġ quddisiet tal-Lejl tal-Milied, waħda fid-9.00pm u oħra fil-11.00pm, biex ma jinġemgħux ħafna nies f’quddiesa waħda.

Nappella ħafna sabiex insegwu d-direttivi maħruġa mid-Dipartiment tas-Saħħa, speċjalment dwar l-ilbies sew tal-maskri meta nkunu fil-knisja u f’postijiet pubbliċi. Huwa obbligu tagħna lkoll li nieħdu ħsieb is-saħħa tagħna u tal-oħrajn.

Ġbir ta’ prodotti tal-ikel (preserves)

Minn din il-ġimgħa sat-23 ta’ Diċembru se nkunu qegħdin nilqgħu affarijiet ta’ ikel biex f’dan iż-żmien tal-Milied, bħala parroċċa, ngħinu d-dar tat-tfal Dar Santa Rita, immexxija mis-sorijiet Ursolini. Huwa ġest sabiħ li ngħinu u li naħsbu fl-oħrajn fi żmien il-Milied u dejjem. Għal dan l-iskop se nkunu nistgħu nqegħdu l-affarijiet li nġibu fuq l-altar tal-Kunċizzjoni.

Pussess ta’ Kanonku Effettiv għal Dun Jesmond Grech

Nifirħu lill-Kanonku Dun Jesmond Grech, li jservi fil-parroċċa tagħna, li ngħata l-pussess bħala Kanonku Effettiv tal-Kapitlu tal-Proto-Kolleġġjata u Bażilika ta’ Sant’Elena f’Birkirkara.

Ġabra b’riżq il-Knisja – Grazzi

Il-ġabra li saret is-Sibt u l-Ħadd li għadda b’riżq il-knisja kienet ta’ €1,246. Nirringrazzjakom ħafna.

Nitolbu għal ħutna Anna Formosa u Maria Stella Grech, li mietu matul din il-ġimgħa. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.  

It-Tieni Ħadd tal-Avvent – Sena Ċ

Laqgħa Kunsill Pastorali Parrokjali

Nhar it-Tnejn, 6 ta’ Diċembru jiltaqa’ l-Kunsill Pastorali Parrokkjali fis-7.00pm.

Festa tal-Kunċizzjoni

Nhar l-Erbgħa 8 ta’ Diċembru niċċelebraw is-Solennità tal-Immakulata Kunċizzjoni. Għalkemm mhix festa kmandata, ikun jixraq li nieħdu sehem fil-quddiesa. Dakinhar fis-7.30am u fis-6.00pm se tingħad it-talba tar-Rużarju quddiem Ġesù Sagramentat. Il-quddies fil-Knisja Arċipretali ikun bħal nhar ta’ xogħol.

Kunċert fl-okkażjoni tal-150 sena tal-miġja tal-istata ta’ San Ġużepp

Nhar l-Erbgħa 8 ta’ Diċembru, fil-Knisja Arċipretali, fit-7.45pm (tmienja neqsin kwart ta’ filgħaxija) se jsir kunċert mill-Banda De Rohan fl-okkażjoni tal-150 sena mill-miġja tal-istatwa ta’ San Ġużepp fil-parroċċa u l-150 sena minn meta San Ġużepp ġie dikjarat Patrun tal-Knisja Universali. Waqt li se jkunu qegħdin jinżammu l-miżuri meħtieġa għas-sigurtà tas-saħħa, kulħadd huwa mistieden. 

Adorazzjoni

Il-Ħamis fis-6.00pm ikollna Adorazzjoni quddiem Ġesù Ewkaristija fuq it-tema tal-Liturġija tat-Tielet Ħadd tal-Avvent.

Laqgħa għall-għarajjes

Nhar il-Ġimgħa, 10 ta’ Diċembru, se ssir laqgħa għall-koppji għarajjes li se jiżżewġu s-sena d-dieħla (2022). Il-laqgħa se ssir fis-Santwarju tal-Qalb ta’ Ġesù fis-7.30pm. Jekk hawn xi koppji li ma rċevewx stedina, jistgħu jattendu xorta waħda.

Kitbiet ta’ Quddies

Infakkar li dawk li jixtiequ jiktbu quddies għall-għeżież tagħhom bejn Jannar u Ġunju tas-sena d-dieħla, għandhom ikellmu lil xi ħadd minna s-saċerdoti fis-sagristija.

L-Ewwel Ħadd tal-Avvent – Sena Ċ

Bidu tal-Avvent

Fil-bidu ta’ dan iż-żmien tal-Avvent fil-quddiesa ta’ nhar il-Ħadd fl-10.00am, isir it-tberik tal-girlanda tal-avvent. It-tfal huma mistiedna jġibu l-girlanda  magħhom ħalli titbierek.

Intenzjonijiet tal-Quddies

Dawk li jixtiequ jiktbu xi quddies għall-qraba tagħhom bejn Jannar u Ġunju tas-sena li ġejja, huma mitluba jidħlu fis-sagristija u jkellmu lis-saċerdoti. Il-prattika fil-parroċċa tagħna hija li fil-quddiesa ta’ filgħaxija jistgħu jissemmew sa erba’ intenzjonijiet u l-offerti li jingħataw ikunu għall-fond Karità tal-parroċċa. Fil-quddies l-ieħor kollu tibqa’ tinkiteb intenzjoni waħda.

Adorazzjoni

Il-Ħamis fis-6.00pm ikollna Adorazzjoni quddiem Ġesù Ewkaristija fuq it-tema tal-Liturġija tal-Ħadd li ġej, li tkun tat-Tieni Ħadd tal-Avvent.

Coffee Morning bit-Tombla

It-Tlieta li ġej ikollna Coffee Morning bit-Tombla, fis-Sala tas-Sorijiet (taħt l-Uffiċċju Parrokkjali) fid-9.30am.

Hospice Malta

Illum fil-parroċċa tagħna se jkun hawn xi voluntiera mill-Hospice Malta  fuq iz-zuntier sabiex jilqgħu donazzjonijiet ħdejn il-bibien tal-knisja wara l-quddies. Hospice Malta tgħin ħafna persuni li jkunu għaddejjin minn żmien diffiċli minħabba mard u kura għall-kontra l-kanċer u toffri appoġġ lill-familji tagħhom. Inħeġġiġkom sabiex inkunu ġenerużi u ngħinu lil Hospice Malta mill-aħjar li nistgħu.

L-Ewwel Tqarbina 2022

Navżaw li ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel Tqarbina s-sena d-dieħla se jkunu f’dawn il-ġranet: is-Sibt 21 ta’ Mejju filgħaxija, il-Ħadd 22 ta’ Mejju filgħodu u filgħaxija u l-Ħadd 29 ta’ Mejju filgħodu. Il-ġenituri qed ikunu infurmati b’dawn id-dati miċ-Ċentri tad-Duttrina fejn jattendu t-tfal tagħhom.

Erbgħa u Tletin Ħadd matul is-Sena ‘B’

Festa Kristu Re

Il-Ħadd, 21 ta’ Novembru, niċċelebraw il-Festa ta’ Kristu Re fuq livell djoċesan. Monsinjur Arċisqof se jmexxi ċ-ċelebrazzjoni ta’ talb li tibda fil-5.00pm, fil-Bażilika ta’ Kristu Re, Raħal Ġdid. Għada (illejla) fl-okkażjoni tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ imniedi mill-Papa Franġisku, qed nistiednu b’mod speċjali liż-żgħażagħ għall-quddiesa tas-7.00pm fil-knisja Arċipretali, li se tkun animata b’mod speċjali għalihom.

Adorazzjoni

Il-Ħamis fis-6.00pm ikollna Adorazzjoni quddiem Ġesù Ewkaristija fuq it-tema tal-Liturġija tal-Ħadd li ġej, li tkun tal-Ewwel Ħadd tal-Avvent.

Quddiesa għar-Romol

Nhar il-Ġimgħa, 26 ta’ Novembru, l-Kummissjoni Djakonija qed tistieden lir-romol kollha għall-quddiesa tas-6.30pm li se tkun b’suffraġju għall-għeżież mejtin tagħhom. Ir-romol huma mistiedna biex matul din il-ġimgħa jidħlu fis-sagristija u jiktbu l-isem tal-għeżież tagħhom.

Bidu tal-Avvent

Nhar il-Ħadd nagħtu bidu għaż-żmien tal-Avvent bi preparazzjoni għall-Milied. Għall-quddiesa tal-10.00am, it-tfal huma mħeġġa biex iġibu l-girlanda magħhom, fejn fil-bidu tal-quddiesa se jsir it-tberik tal-girlanda u tingħata t-tifsira tagħha.

Coffee Morning bit-Tombla

Nhar it-Tlieta 30 ta’ Novembru, il-grupp tal-fundraising se jorganizza Coffee Morning bit-Tombla, fis-Sala tas-Sorijiet (taħt l-Uffiċċju Parrokkjali), fid-9.30am.

Nitolbu għal ħutna Pawlu Grima u Marija Caruana li għaddew għall-Ħajja ta’ Dejjem matul din il-ġimgħa. Agħtihom, O Mulej, il-Mistrieħ ta’ Dejjem.

Tlieta u Tletin Ħadd matul is-Sena ‘B’

Laqgħa Kunsill Pastorali Parrokjali

Nhar it-Tnejn jiltaqa’ l-Kunsill Pastorali Parrokkjali fis-7.00pm.

Assemblea Djoċesana

Nhar il-Ħamis se ssir l-Assemblea Djoċesana taħt it-tmexxija ta’ Monsinjur Arċisqof. Din l-Assemblea hija parti mill-proċess ta’ tiġdid fl-Arċidjoċesi Knisja Waħda Vjaġġ Wieħed. Nitolbu ħalli din il-laqgħa, bir-rappreżentanza tal-oqsma differenti tal-Knisja f’Malta, tħalli frott fil-ħidma pastorali tal-Knisja.

Adorazzjoni

Il-Ħamis fis-6.00pm, fil-Knisja Arċipretali ikun hawn Adorazzjoni quddiem Ġesu’ Ewkaristija bi preparazzjoni għall-Festa ta’ Kristu Sultan.

Quddiesa b’suffraġju għall-mejtin

Nhar il-Ġimgħa l-quddiesa tas-6.30pm fil-Knisja Arċipretali tkun b’suffraġju għal dawk li mietu minn Novembru tas-sena l-oħra ’l hawn. Fil-bidu tal-quddiesa jissemmew l-ismijiet ta’ dawn ħutna b’tifkira tagħhom. Il-qraba huma mħeġġa sabiex jattendu.

Laqgħa għall-Koppji Miżżewġa

Nhar il-Ġimgħa fis-7.15pm se ssir laqgħa oħra għall-koppji miżżewġa f’Dar San Ġużepp. Imexxi l-laqgħa s-Sur Nikol Baldacchino.

Quddies għaż-Żgħażagħ

Il-Ħadd li ġej nagħlqu s-Sena Liturġika tal-Knisja bil-festa ta’ Kristu Sultan. Monsinjur Arċisqof se jmexxi ċelebrazzjoni ta’ talb fil-Knisja ta’ Kristu Re, Raħal Ġdid, fil-5.00pm. Il-Q.T. il-Papa ddedika din il-ġurnata bħala l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ. Għaldaqstant, f’din l-okkażjoni nixtiequ nagħmlu stedina speċjali liż-żgħażagħ tal-parroċċa tagħna għall-quddiesa tas-7.00pm. 

Dħul fl-Iskejjel tal-Knisja   

Is-Segretarjat tal-Edukazzjoni javża li fis-16 ta’ Novembru se jiġu ppubblikati r-regolamenti għad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja f’Malta għas-sena skolastika 2022-2023. Aktar informazzjoni fuq in-noticeboards tal-Knisja u l-website www.knisja.mt.

Ġabra Speċjali

Il-ġabra li saret nhar il-Ħadd waqt iċ-ċerimonja tal-pussess, flimkien ma’ offerti oħra li ngħataw b’riżq id-Dar tal-Providenza u s-Seminarju, laħqet is-somma ta’   €1,850.

Nitolbu għal oħtna Gertrude Cauchi li mietet matul din il-ġimgħa. Agħtiha, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Tnejn u tletin Ħadd matul is-Sena ‘B’

Ċerimonja tal-Pussess

Il-Ħadd, 8 ta’ Novembru, jkollna l-quddiesa u ċ-ċerimonja tal-pussess, immexxija minn Monsinjur Arċisqof fis-6.00pm. Banda magħmula bis-sehem tat-tliet soċjetajiet mużikali tal-parroċċa se tkun qed tilqa’ lill-Arċipriet fuq iz-zuntier fil-5.30pm u aktar tard lil Monsinjur Arċisqof. Nappellaw sabiex kulħadd jilbes il-maskra u nżommu d-distanza soċjali. Fuq iz-zuntier se jkun hemm xi siġġijiet u screen biex wieħed isegwi. L-istazzjon F Living se jkun qed ixandar iċ-ċerimonja aktar tard fit-8.30pm u l-għada Xejk TV se jxandarha fis-6.30pm. Wieħed jista’ wkoll isegwi xandira diretta minn fuq il-paġna ta’ Facebook tal-parroċċa. Il-ġabra waqt l-offerti li ssir waqt il-quddiesa tal-pussess tkun b’riżq id-Dar tal-Providenza u s-Seminarju.

Moviment tal-Fokolari

Il-Moviment tal-Fokolari javża li minn dan il-Ħadd 7 ta’ Novembru se jibdew iqassmu l-Kelma tal-Ħajja u fid-9.15am ikollhom il-laqgħa fiċ-Ċenaklu. Min jixtieq, jista’ jissieħeb mal-membri għal din il-laqgħa.

Laqgħa Grupp Padre Pio

Nhar it-Tlieta 9 ta’ Novembru jmiss il-laqgħa tal-Grupp ta’ Padre Pio, immexxi minn Fr Philip Cutajar. Il-laqgħa tibda fil-5.00pm bil-quddiesa.

Festa ta’ San Martin

Il-Ħadd li ġej fil-quddiesa tal-10.00am niċċelebraw il-festa ta’ San Martin. Nistiednu lit-tfal u l-familji tagħhom għal din iċ-ċelebrazzjoni speċjali fix-xahar ta’ Novembru.

Coffee Morning

Il-grupp tal-fundraising tal-parroċċa se jorganizza coffee morning bit-tombla nhar it-Tlieta 9 ta’ Novembru fid-9.30am fis-sala ta’ taħt l-Uffiċċju (għand is-sorijiet).

Nitolbu għal ħuna Joseph Callus li miet matul din il-ġimgħa: Agħtih, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Wieħed u Tletin Ħadd matul is-Sena ‘B’

Il-Festa tal-Qaddisin u l-Mejtin kollha

Nhar it-Tnejn, 1 ta’ Novembru, niċċelebraw il-Festa Solenni tal-Qaddisin kollha. Fis-6.30 ta’ filgħaxija ssir konċelebrazzjoni bis-sehem tal-Kor Parrokkjali.

Nhar it-Tlieta 2 ta’ Novembru niċċelebraw it-Tifkira tal-Mejtin Kollha. Dakinhar il-quddies se jkun kull nofs siegħa. Nibdew mis-sitta ta’ filgħodu u l-aħħar quddiesa toħrog fit-8.30am. Fis-6.30 ta’ filgħaxija jkollna quddiesa konċelebrata solenni.

Laqgħa Xebbiet Azzjoni Kattolika

Nhar it-Tlieta se ssir il-laqgħa tax-Xebbiet tal-Azzjoni Kattolika fid-8.45am.

Tberik taċ-Ċimiterji

Minħabba s-sitwazzjoni preżenti, it-tberik taċ-ċimiterji tal-Qalb ta’ Ġesù u dak ta’ Sant’Andrija se jsir b’mod privat. Nappella biex inżommu ċ-ċimiterju nadif b’sens ta’ rispett lejn l-għeżież tagħna. Nirringrazzja lil kull min qed jgħin biex iċ-ċimiterju jinżamm fi stat tajjeb.

Tibdil fil-Ħinijet tal-Quddies

Issa li se bdejna l-ħin tax-xitwa, infakkru li  jkollna xi tibdil fil-ħin tal-Quddies ta’ filgħaxija. Minn nhar is-Sibt, il-quddies fil-Knisja Arċipretali jkun fil-5.00pm u fis-6.30pm, pero’ nhar ta’ Ħadd filgħaxija l-Quddies jibqa’ l-istess, jiġifieri fil-5.30pm u fis-7.00pm. Fil-Knisja Arċipretali, il-Quddies ta’ matul il-ġimgħa filgħaxija se jkun fis-6.30pm.

Mandat ta’ Arċipriet għall-Parroċċa

Il-Ħadd li ġej, 7 ta’ Novembru, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ser jagħti uffiċjalment il-mandat (magħruf ukoll bħala l-pussess) bħala Arċipriet ta’ din il-parroċċa fil-quddiesa ta’ filgħaxija li se tkun fis-6.00pm. Kulħadd huwa mistieden; biss bħalma lkoll tafu, l-ispazju fil-knisja jista’ jkun limitat minħabba li għadna rridu nżommu distanza soċjali. Nhar il-Ħadd biss ma jkunx hawn quddiesa fis-7.00pm.

Adorazzjoni

Bi tħejjija, nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Novembru fis-6.00pm se ssir Adorazzjoni hawn fil-Knisja Arċipretali li tibda bit-talba tar-Rużarju. Nagħlqu bil-quddiesa fi tmiem l-adorazzjoni. Inħeġġeġ lill-membri tal-Għaqdiet u lilkom ilkoll sabiex ninġabru flimkien fit-talb quddiem Ġesù Ewkaristija għall-parroċċa tagħna.

Fundraising – Coffee Morning

Il-grupp tal-fundraising tal-Parroċċa se jorganizza coffee morning bit-tombla nhar it-Tlieta 9 ta’ Novembru fid-9.30am fis-sala ta’ taħt l-Uffiċċju (għand is-sorijiet).

Prietka tal-Milied

Il-ġenituri tat-tfal li għandhom bejn 8 u 9 snin (Year 4 u 5 fl-iskola) u li uliedhom jixtiequ jagħmlu l-Prietka tal-Milied, huma mitluba li jiktbu lil uliedhom fis-sagristija jew fl-Uffiċċju Parrokkjali.  Minħabba li daħal ftit iż-żmien, hemm ċans sa nhar il-Ħadd 7 ta’ Novembru.

Ġabra f’Jum il-Missjoni

Il-ġbir li sar fl-okkażjoni ta’ Jum il-Missjoni, fi tmiem il-ġimgħa li għadda, kien ta’ €3,950. Grazzi tal-ġenerożità tagħkom.

Tletin Ħadd matul is-Sena ‘B’

Jum il-Missjoni

Dan il-Ħadd qed niċċelebraw JUM IL-MISSJONI. Ningħaqdu ma’ ħutna nsara fid-dinja kollha fit-talb għall-ħidma Missjunarja li ssir mill-Knisja fid-dinja. Infakkru li l-ġbir kollu li se jsir f’dan il-weekend, se jkun kollu għall-Missjoni. Xieraq li ngħinu bl-offerti tagħna. Bħal dejjem inħeġġukom sabiex tkunu ġenerużi. L-envelops li tqassmu fi djarna tistgħu iġibuhom il- Knisja.

Rużarju fil-Pjazza ta’ Ħal Dwieli

Minn nhar it-Tnejn sal-Ġimgħa il-Leġjun ta’ Marija se jorganizza it-talba tar-Rużarju fil-pjazza ta’ Ħal Dwieli filgħaxija. Mit-Tnejn sal-Ħamis jingħad fis-6.30pm u il-Ġimgħa jingħad fis-6.00pm u wara tiġi ċċelebrata quddiesa.

Quddiesa b’talb għall-fejqan

Nhar l-Erbgħa fis-Santwarju Qalb ta’ Ġesu’ ser issir quddiesa b’talb għall-fejqan minn Fr David Borg ofm Conv. Tibda fis-6.00pm.

Laqgħa Kummissjoni Familja

Il-Kummissjoni Familja qed torgaiżża laqgħa nhar il-Ġimgħa, fis-7.15 filgħaxija fis-Sala ta’ dar San Ġużepp (taħt l-Uffiċċju Parrokkjali) bit-tema “Familja Aħjar”.

Nitolbu għal ħutna Carmel Said u Luċija Caruana li għaddew għall-Ħajja ta’ Dejjem. Agħtihom O Mulej, il-Mistrieħ ta’ Dejjem.