Il-Ħames Ħadd tal-Għid – Sena A

Attività għat-Tfal li se jirċievu l-Ewwel Tqarbina

Nhar it-Tnejn (4/5) u l-Ħamis (7/5) se ssir attività fil-Knisja Arċipretali għat-tfal li se jirċievu l-Ewwel Tqarbina. Nhar it-Tnejn jattendu t-tfal bniet, filwaqt li l-Ħamis jattendu t-tfal subien. L-attivita’ tibda fil-5.15pm. 

Festa ta’ San Ġorġ Preca

Il-Ġimgħa 8 ta’ Mejju niċċelebraw il-festa ta’ San Ġorġ Preca. Il-quddiesa tas-6.30pm tkun animata mis-Soċjetà tal-MUSEUM.

Jum l-Omm

Nhar il-Ħadd (10/5) niċċelebraw ukoll Jum l-Omm. Il-quddiesa tad-9.30am tkun animata b’mod speċjali għal din l-okkażjoni. Inħeġġu lill-familji bit-tfal biex jieħdu sehem. It-tfal huma mistiedna jġibu fjura magħhom biex joffruha lill-Madonna, l-Omm tagħna tas-sema. Għal Jum l-Omm, iċ-Ċimiterju tal-Qalb ta’ Ġesù jkun miftuħ nhar is-Sibt u l-Ħadd mis-7.00am sat-3.30pm.

Laqgħa ta’ Talb

Is-Sibt 9 ta’ Mejju fis-Seminarju tal-Virtù, ir-Rabat, se ssir laqgħa ta’ talb għall-vokazzjonijiet. Tibda b’adorazzjoni fil-5.30pm. Qed tiġi organizzata minibus li titlaq fil-5.00pm minn ħdejn il-posta. Min hu interessat jinkiteb fis-sagristija.

Buffet Breakfast

It-Tlieta 12 ta’ Mejju se jsir Buffet Breakfast fis-Soreda Hotel b’riżq il-knisja. Il-private titlaq fit-8.30am minn ħdejn il-Posta. Min jixtieq jattendi jkellem lil xi ħadd mill-membri tal-grupp tal-fundraising.

Tindif tal-Knisja

Kull nhar ta’ Ħamis filgħodu, grupp żgħir ta’ nisa jiltaqgħu hawn fil-knisja biex b’mod volontarju jieħdu ħsieb it-tindif tagħha. Nixtiequ nagħmlu appell biex jekk hawn min jista’ jingħaqad magħhom f’din il-ħidma, ikun apprezzat ħafna. B’mod regolari dan il-grupp jiltaqa’ għad-8.45am. Nixtiequ nirringrazzjaw lil dawk li diġa’ qegħdin jagħtu dan is-servizz u lil dawk li lesti joffru li jingħaqdu magħhom.

Damask Ġdid

Fil-korsija tan-nofs ġew imdendlin żewġ pilastri tad-damask il-ġdid. Dawn għad irid isir aktar xogħol fuqhom ’il quddiem biex ikunu kompluti bil-gallun isfar mad-dawra. Madankollu, għalissa hu meħtieġ li d-drapp jingħata żmien imdendel biex jilħaq jieħu postu. Nittamaw li sal-festa jkollna l-erba’ pilastri l-oħra bid-drapp il-ġdid ukoll.

Ġabra Speċjali

Fl-Ewwel Ħadd tax-xahar issir il-ġabra speċjali għall-bżonnijiet tal-knisja. Nirringrazzjawkom tal-għajnuna tagħkom li dejjem tagħtu permezz tal-offerti tagħkom.

Nitolbu għal ħutna Alfred Psaila, Ian James Guirey u Alfred Muscat, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Ir-Raba’ Ħadd tal-Għid – Sena A

Jum il-Vokazzjonijiet

Il-Knisja Universali dan il-Ħadd tiċċelebra Jum il-Vokazzjonijiet. Imħeġġin nitolbu lil Sid il-ħsad jibgħat ħaddiema fl-għalqa Tiegħu.

Bake Sale b’riżq iċ-Ċentru ta’ Warda

Il-Ħadd (26/04), fuq iz-zuntier qed isir Bake Sale (bejgħ ta’ kejkijiet, ħelu u pjanti) b’risq iċ-Ċentru taż-Żgħażagħ Ta’ Warda. Ħaġa sabiħa li ngħinu f’din l-inizjattiva.

Laqgħa għall-Ġenituri dwar l-Ewwel Tqarbina

It-Tlieta (28/04) se ssir laqgħa għall-ġenituri li uliedhom se jagħmlu l-Ewwel tqarbina f’Mejju li ġej. Il-laqgħa se ssir fis-Sala Parrokkjali (id-Domus) fis-7.00pm.

Festa San Ġużepp Ħaddiem

Il-Ġimgħa (01/05) hija l-Ewwel Ġimgħa tax-xahar u nagħmlu l-Festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem. Filgħodu jkun hawn l-adorazzjoni minn wara l-quddiesa tas-7.00am sat-8.00am. Dakinhar imħeġġin nitolbu għall-vokazzjonijiet saċerdotali.

Laqgħat ta’ Katekeżi

Infakkru li kull nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Ħamis qed isiru laqgħat ta’ katekeżi u tagħlim fis-Santwarju tal-Qalb ta’ Ġesù, fis-7.30pm. Dawn il-laqgħat huma indirizzati għall-adulti u ż-żgħażagħ.

Ġabra għall-Karita’

Il-ġbir li sar fil-quddies nhar is-Sibt u l-Ħadd li għaddew b’risq il-ħidma ta’ Karità li twettaq id-Djoċesi ta’ Malta, kien jammonta għal €2,568.

Nitolbu għal ħutna Tereża Gravina u Antonia Agius, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem. 

It-Tielet Ħadd tal-Għid – Sena A

Festa tal-Lunzjata

Qiegħdin niċċelebraw il-festa tal-Lunzjata fil-kappella dedikata lilha fi Triq il-Kbira. (Illejla) issir quddiesa fis-6.30pm u (għada) l-Ħadd fis-6.00pm jingħad ir-Rużarju u fis-6.30pm tiġi ċċelebrata l-quddiesa tal-festa, li tagħlaq bil-Barka Sagramentali.  

Adorazzjoni

It-Tlieta (21/04) fl-10.00am, ikun hemm l-adorazzjoni fil-kappella ta’ San Ġużepp għand is-sorijiet, animata mis-Superjur Joe Fenech.

Velja ta’ Talb

L-Erbgħa (22/04) se ssir Velja ta’ Talb għall-Paċi fl-Art Imqaddsa, fis-7.00pm fil-Knisja ta’ Ġieżu l-Belt (fejn hemm meqjum il-Kurċifiss Mirakoluż). Din il-velja qed tiġi organizzata mill-Kummissarju tal-Art Imqaddsa u l-Patrijiet Franġiskani.

Laqgħa għall-Koppji Miżżewġin

Il-Ġimgħa (24/04) se ssir laqgħa għall-koppji miżżewġin, organizzata mill-Kummissjoni Familja. Il-laqgħa se tkun fis-7.00pm fis-sala tas-Sorijiet. Il-kelliema se tkun Ms Anna Micallef mill-Caritas.

Playgroup għat-Tfal

Il-Moviment ta’ Kana jorganizza Playgroup għat-tfal ta’ bejn sena u 3 snin kull nhar ta’ Tnejn filgħodu fiċ-Ċentru Ta’ Warda. Għal dawk li huma interessati, hemm iktar informazzjoni fuq in-noticeboards.

Jum il-Karità

Fid-Djoċesi tagħna, illum qed jiġi ċċelebrat Jum il-Karità. Il-Knisja ta’ Malta fil-preżent qed toffri residenza u sapport lil madwar 1,600 persuna. Dawn jinkludu tfal u żgħażagħ u anzjani, inkużi saċerdoti, persuni b’diżabilità u persuni li m’għandhomx fejn jgħixu. Toffri wkoll għajnuna lil persuni maqbuda fil-vizzju tad-droga, migranti u vittmi ta’ vjolenza domestika. Barra dan, il-parroċċi, permezz tal-Kummissjoni Djakonija, jgħinu ħafna familji li jkunu jinsabu fil-bżonn. Għal dan il-għan, il-ġbir li jsir fil-quddiesa ikun b’riżq il-ħidma wiesa’ ta’ karità li twettaq il-Knisja f’pajjiżna.

Nitolbu għal ħutna Emanuela Caruana, Catherine Bonanno u Anthony Saliba, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem. 

It-Tieni Ħadd tal-Għid – Sena A

Festa tal-Ħniena Divina

Qegħdin nagħmlu l-Festa tal-Ħniena Divina. Għada / Illum fis-5.45pm nibdew bl-Adorazzjoni u l-Kurunella u t-talba tal-Ħniena Divina u fis-6.30pm ikun hawn il-quddiesa tal-festa.

Laqgħat ta’ Katekeżi

Se jibdew laqgħat ta’ katekeżi għall-adulti u għaż-żgħażagħ immexxija minn membri tal-Mixja Neo-Katekumenali. Il-laqgħat ikunu kull nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Ħamis. Jibdew minn nhar it-Tnejn 13 ta’ April, fis-7.30pm, fis-Santwarju tal-Qalb ta’ Ġesù.

Laqgħa Grupp Kelma tal-Ħajja

It-Tlieta (14/04) fid-9.30am issir il-laqgħa tal-Grupp tal-Kelma tal-Ħajja. Il-laqgħa ssir għand is-sorijiet.

Seminar għall-Ġenituri (Griżma tal-Isqof)

Is-Sibt (18/04) se jsir seminar għall-ġenituri li uliedhom se jirċievu s-Sagrament tal-Griżma f’Ottubru ta’ din is-sena. Is-seminar se jsir fl-iskola St. Michael’s, Santa Venera, bejn l-4.30pm u s-7.00pm. Il-ġenituri huma mħeġġa li jattendu.              

Festa tal-Lunzjata

Is-Sibt u l-Ħadd (18 u 19 ta’ April) issir il-festa tal-Lunzjata fil-kappella dedikata lilha. Kemm is-Sibt kif ukoll il-Ħadd fis-6.00pm jingħad ir-Rużarju u fis-6.30pm issir il-quddiesa. Il-Ħadd il-festa tagħlaq bil-barka sagramentali.

Jum il-Karità

Is-Sibt u l-Ħadd li ġej fid-Djoċesi niċċelebraw Jum il-Karità. Il-Knisja ta’ Malta fil-preżent qed toffri residenza u sapport lil madwar 1,600 persuna. Dawn jinkludu tfal u żgħażagħ u anzjani, inkużi saċerdoti, persuni b’diżabilità u persuni li m’għandhomx fejn jgħixu. Toffri wkoll għajnuna lil persuni maqbuda fil-vizzju tad-droga, migranti u vittmi ta’ vjolenza domestika. Barra dan, il-parroċċi, permezz tal-Kummissjoni Djakonija, jgħinu ħafna familji li jkunu jinsabu fil-bżonn. Għal dan il-għan, il-ġbir li jsir is-Sibt u l-Ħadd li ġej ikun b’riżq il-ħidma wiesa’ ta’ karità li twettaq il-Knisja f’pajjiżna.

Karus ta’ Mħabba

Mill-Karus ta’ Mħabba nġabru €1,038. B’dawn il-fondi se jinxtraw filters tal-ilma għal familji foqra fil-Gwatemala biex ikollhom ilma tajjeb għax-xorb. L-offerti li nġabru matul il-Ġimgħa Mqaddsa b’riżq l-għajnuna li jagħti s-Segretarjat Assistenza Soċjali tal-Azzjoni Kattolika lill-familji fil-bżonn kienu jammontaw għal €600.

Nitolbu għal ħutna Alfred Psaila u Raymond Cini, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Ħadd il-Għid – Sena A

Ħadd il-Għid

Fid-9.00am toħroġ il-purċissjoni ta’ Kristu Rxoxt. Fid-9.30am ikollna quddiesa speċjali tal-Għid għat-tfal u l-familji. F’nofsinhar isir it-tberik tal-figolli fuq iz-zuntier.

Laqgħa Grupp Padre Pio

L-Erbgħa (08/04) jmiss il-laqgħa tal-Grupp ta’ Padre Pio li tibda fis-6.00pm bit-talba tar-Rużarju meditat.

Via Lucis

Il-Ħamis (09/04) fis-6.00pm se ssir Via Lucis b’meditazzjonijiet fuq il-misteru tal-Qawmien ta’ Kristu.

Festa tal-Ħniena Divina

Nhar il-Ħadd li ġej (12/04) niċċelebraw il-Festa tal-Ħniena Divina. Fis-5.45pm ikun hawn Adorazzjoni quddiem Ġesù Ewkaristija u wara, fis-6.30pm, ikun hawn il-quddiesa.

Ġabra b’risq il-Festi tal-Għid

Il-ġabra li saret is-Sibt u l-Ħadd li għadda b’risq il-festi tal-Għid kienet ta’ €2,350. Il-ġabra li saret nhar Ħamis ix-Xirka b’riżq id-Dar tal-Kleru kienet ta’ €800. Nirringrazzjawkom.

Coffee Morning

It-Tlieta 14 ta’ April fid-9.15am se jsir Coffee Morning b’riżq il-knisja. Biljetti mingħand il-membri tal-grupp tal-fundraising.

Awguri tal-Għid

F’isem il-Kleru u l-Kunsill Pastorali Parrokkjali, nawguraw lil kulħadd l-Għid it-tajjeb.    

Nitolbu għal oħtna Pauline Borg, li għaddiet għal ħajja ta’ dejjem. Agħtiha, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Ħadd il-Palm – Sena A

Il-Ġimgħa Mqaddsa

Qegħdin nagħtu bidu għall-Ġimgħa Mqaddsa bit-tifkira solenni tad-Daħla ta’ Ġesu’ f’Ġerusalemm. Għada (illum) fid-9.00am issir iċ-ċerimonja tat-tberik taż-żebbuġ f’Misraħ l-Isptar u wara ssir purċissjoni sal-Knisja fejn tkompli l-quddiesa.

  • It-Tnejn, it-Tlieta u l-Erbgħa jkollna dan il-programm: fis-6.10pm ngħidu flimkien it-talba tal-Għasar, fis-6.30pm il-quddiesa, li tkun animata bil-kant, u wara jkun hawn ħin ta’ riflessjoni u talb b’temi marbutin mal-Passjoni ta’ Kristu.
  • Nhar Ħamis ix-Xirka filgħodu ma jkunx hawn quddies. Filgħodu l-Arċisqof imexxi ċ-ċelebrazzjoni bit-Tberik taż-Żjut, fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann,flimkien mas-saċerdoti. Fis-6.30pm tibda l-Funzjoni ta’ Ħamis ix-Xirka u fitmiem il-quddiesa Ġesu’ Ewkaristija jittieħed proċessjonalment fl-altar tal-adorazzjoni u minn dak il-ħin inkunu nistgħu nagħmlu l-viżti u l-adorazzjoni tagħna. Fl-10.30pm ikun hawn Viżti mmexxija mis-saċerdoti u f’nofsillejl tagħlaq il-knisja.
  • Nhar il-Ġimgħa l-Kbira, il-Knisja tiftaħ fis-6.30am u jibdew il-viżti. Fid-9.00am nistednukom għat-talb tal-Uffiċċju tal-Qari u t-Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum magħna s-saċerdoti. Il-knisja tagħlaq f’nofsinhar u jintemmu l-viżti. Fit-3.00pm nagħtu bidu għall-funzjoni tal-Adorazzjoni tas-Salib. Kif tintemm il-funzjoni, il-knisja tingħalaq biex ikunu jistgħu jsiru l-preparamenti għall-purċissjoni. Ħadd mhu se jitħalla joqgħod fil-knisja ħlief dawk biss li se jieħdu sehem, jiġifieri dawk li għandhom it-tessera (personaġġi, reffiegħa u helpers). Fil-5.30pm toħroġ il-purċissjoni kif indikat fil-programm.
  • Sibt il-Għid filgħaxija, il-knisja tiftaħ fis-7.15pm. Fit-8.00pm nagħtu bidu għall-funzjoni tal-Vġili tal-Għid. Nhar Ħadd il-Għid fid-9.00am toħroġ il-purċissjonibl-Irxoxt. Fid-9.30am ikollna quddiesa speċjali tal-Għid għat-tfal u l-familji. Dakinhar it-tfal iġibu l-Karus ta’ Mħabba. F’nofsinhar isir it-tberik tal-figolli fuq iz-zuntier.

Ġimgħa ta’ Sagrifiċċju

L-Azzjoni Kattolika, permezz tas-Segretarjat Assistenza Soċjali, matul dawn il-ġranet torganizza Ġimgħa ta’ Sagrifiċċju. Inħeġġukom biex ngħinu l-ħidma ta’ karita’ li twettaq l-Azzjoni Kattolika ma’ familji u persuni fil-bżonn billi nagħtu xi offerta ta’ flus fil-kaxxa li hawn ħdejn l-altar.

Wirja tal-Vestwarju

Fl-Oratorju qed tittella’ wirja tal-vestwarju ġdid li se jiżżanżan din is-sena fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Il-wirja se tkun miftuħa s-Sibt mis-6.00pm sat-8.00pm u l-Ħadd filgħodu mit-8.00am sa nofsinhar.

Ġabra Speċjali

Illum qegħdin nagħmlu ġabra speċjali għall-ispejjeż marbutin mal-Festi tal-Għid u l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Nirringrazzjawkom tal-għajnuna tagħkom li dejjem tagħtu permezz tal-offerti tagħkom.

Nitolbu għal ħutna Joseph Cassar u Anabel Mangion, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem. 

Il-Ħames Ħadd tar-Randan – Sena A

Quddiesa għaż-Żgħażagħ

Il-Ħadd, 22/3, nistiednu liż-żgħażagħ kollha għall-quddiesa tas-6.30pm li se tkun animata b’mod speċjali għalihom f’dan iż-żmien tar-Randan. 

Adorazzjoni

Il-Ħamis (26/3) fis-6.00pm ikun hawn adorazzjoni Ewkaristika bi preparazzjoni għall-festa tad-Duluri u fl-istess ħin ikun hawn il-qrar.

Festa tad-Duluri

Il-Ġimgħa (27/3) niċċelebraw il-festa tad-Duluri ta’ Marija Santissima. Il-quddies filgħodu jkun fis-6.00am, fis-7.00am u fit-8.00am. Fid-9.30am ikun hawn quddiesa għat-tfal tal-iskola. Fil-5.00pm ikun hawn il-Qrar u fil-5.30pm quddiesa bil-kant. Wara l-quddiesa, fis-6.15pm joħroġ il-pellegrinaġġ bix-xbiha tad-Duluri, li se jgħaddi minn Triq Sciortino, Triq Frans Sammut, Triq il-Kbira u l-Pjazza. Għas-7.30pm, wara l-pellegrinaġġ, ikollna quddiesa oħra.

Bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa

Il-Ħadd (29/3) nagħtu bidu għall-Ġimgħa Mqaddsa bit-Tifkira Solenni tad-Daħla ta’ Ġesu’ f’Ġerusalemm. Fid-9.00am issir iċ-ċerimonja tat-tberik taż-żebbuġ f’Misraħ l-Isptar u wara ssir purċissjoni sal-Knisja fejn tkompli l-quddiesa. Inħeġġu lit-tfal sabiex jieħdu sehem, u jekk jixtiequ, jistgħu jilbsu lbies ta’ tfal Lhud. 

Programm tal-Ġimgħa Mqaddsa

Qiegħed jitqassam fi djarkom fuljett bil-programm tal-ġranet tal-Ġimgħa Mqaddsa u l-Festi tal-Għid. Nitlob lil dawk li s-soltu jqassmu l-fuljetti fid-djar biex jieħdu l-kopji tagħhom mis-sagristija. Min jixtieq, jista’ jieħu kopja huwa u ħiereġ mill-knisja. Min jixtieq jagħmel offerta għall-ispejjeż li jsiru mill-knisja fil-festi tal-Għid, hemm envelopes sabiex min jixtieq, jista’ jagħmel offerta għal dan l-iskop.  

Ġimgħa ta’ Sagrifiċċju

Minn nhar il-Ġimgħa, Festa tad-Duluri, sal-Ġimgħa l-Kbira, is-Segretarjat Assistenza Soċjali tal-Azzjoni Kattolika jorganizza Ġimgħa ta’ Sagrifiċċju. Aħna mħeġġin nagħmlu xi offerta, li tkun frott ta’ xi sagrifiċċju personali, biex ngħinu persuni u familji fil-bżonn. L-offerti għandhom jintefgħu fil-kaxxa li hawn ħdejn il-presbiterju tal-Knisja Arċipretali. 

Ġabra Speċjali

Il-ġabra li saret is-Sibt u l-Ħadd li għadda fil-parroċċa tagħna b’riżq is-Seminarju kienet ta’ €3,850. F’isem ir-Rettur u s-seminaristi nirringrazzjawkom tal-offerti tagħkom.

Nitolbu għal ħutna Stephen Cauchi u Maria Attard, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.   

Ir-Raba’ Ħadd tar-Randan – Sena A

Taħdita dwar il-Liżar ta’ Kristu

It-Tnejn 16 ta’ Marzu fis-7.00pm fis-Sala tas-Sorijiet ikun hemm it-taħdita dwar il-Liżar ta’ Kristu.

Adorazzjoni

It-Tlieta 17 ta’ Marzu fl-10.00am, ikun hemm l-adorazzjoni fil-kappella ta’ San Ġużepp għand is-sorijiet, animata mis-Superjur Joe Fenech.

Festa ta’ San Ġużepp

Il-Ħamis 19 ta’ Marzu niċċelebraw is-Solennità ta’ San Ġuzepp. Il-quddiesa tat-8.00am tkun dik tal-festa u fiha ssir il-professjoni tal-fratelli l-ġodda. Dawk li jixtiequ jinkitbu fil-fratellanza huma mitluba jiktbu isimhom fis-sagristija. Il-fratelli li huma diġà miktuba fil-fratellanza huma mħeġġa li jattendu. Il-quddies nhar il-Ħamis ikun bħal ta’ fost il-ġimgħa.

Festa devozzjonali tar-Redentur

Il-Ġimgħa 20 ta’ Marzu, nagħmlu l-festa devozzjonali tar-Redentur.   Fis-6.00pm joħroġ il-pellegrinaġġ bix-xbiha ta’ Ġesù Redentur u kif jintemm il-pellegrinaġġ, għas-7.00pm, tiġi ċċelebrata l-quddiesa. Il-pelleġrinaġġ se jgħaddi minn Triq il-Parroċċa, Triq Ebona, Triq tad-Dawl, Triq San Ġużepp, Triq Sidtna tal-Anġli, Triq il-Kbira u Misraħ San Filep.

L-Ewwel Qrara għas-Subien

Is-Sibt 21 ta’ Marzu, fid-9.00am, fil-Knisja Arċipretali jkun hawn l-Ewwel Qrara għat-tfal subien li se jagħmlu l-Ewwel Tqarbina.   

Quddiesa għaż-Żgħażagħ

Il-Ħadd li ġej, 22 ta’ Marzu, nistiednu liż-żgħażagħ kollha għall-quddiesa tas-6.30pm li se tkun animata b’mod speċjali għalihom f’dan iż-żmien tar-Randan. 

Tessera Persunaġġi tal-Ġimgħa l-Kbira

Personaġġi jew suldati li se jieħdu sehem fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira bl-ilbiesi privati / personali, huma mitluba li jiġbru t-tessera tal-parteċipazzjoni tagħhom minn dan il-Ħadd 15 ta’ Marzu sa nhar it-Tlieta (17/03), mill-maħżen tal-Ġimgħa l-Kbira. Aktar tagħrif jinkiseb minn fuq in-noticeboards tal-knisja u minn fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Parroċċa.

Nitolbu għal ħutna Doris Cauchi u Joseph Delia, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem. 

It-Tielet Ħadd tar-Randan – Sena A

Eżerċizzji għal kulħadd

Minn nhar it-Tnejn 9 ta’ Marzu jibdew l-Eżerċizzi għall-koppji u għal kulħadd wara l-quddiesa ta’ filgħaxija. Imexxi Fr Alfred Scerri, Franġiskan Kappuċċin.

It-Tlieta jmiss il-laqgħa tal-Grupp tal-Kelma tal-Ħajja, fid-9.30am għand is-Sorijiet. L-Erbgħa jiltaqa’ l-Grupp ta’ Padre Pio. Jibdew bil-meditazzjoni tal-Via Sagra fis-6.00pm u wara l-qudduesa.

L-Ewwel Qrara

Is-Sibt 14 ta’ Marzu fid-9.00am, fil-Knisja Arċipretali jkun hawn l-Ewwel Qrara għat-tfal bniet li se jagħmlu l-Ewwel Tqarbina. Is-Sibt ta’ wara (21/3) ikollna l-Ewwel Qrara għas-subien. 

Anniversarju tal-vara l-Kbira

Is-Sibt li ġej 14 ta’ Marzu, fis-7.30pm se jittella’ kunċert ta’ mużika sagra, qari ta’ poeżiji u tagħrif storiku, fl-okkażjoni tal-200 anniversarju minn meta ġiet inawgurata l-Vara l-Kbira u xi vari oħra li għadhom joħorġu sallum fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Dan il-kunċert se jsir fil-Knisja Arċipretali. Kulħadd huwa mistieden. 

Taħdita fuq il-Lużar ta’ Kristu

It-Tnejn 16 ta’ Marzu fis-7.00pm, fis-Sala tas-Sorijiet se ssir taħdita fuq il-Liżar ta’ Kristu li jinsab meqjum ġewwa l-belt ta’ Turin. Din il-laqgħa hija miftuħa għal kulħadd. 

Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira

Matul din il-ġimgħa li ġejja se jsir it-tqassim tal-ilbiesi mill-maħżen tal-Ġimgħa l-Kbira lill-parteċipanti kollha li rreġistraw għall-Purċissjoni, fil-ġranet indikati lilhom. 

Għal dawk li jixtiequ jieħdu sehem, għad fadal xi ftit ilbiesi tas-suldati u tat-tfal. 

Personaġġi jew suldati bl-ilbiesi privati / personali huma mitluba li jiġbru t-tessera tal-parteċipazzjoni tagħhom minn nhar il-Ħadd li ġej 15 ta’ Marzu sat-Tlieta 17 ta’ Marzu, mill-maħżen tal-Ġimgħa l-Kbira. 

Għandna bżonn ukoll l-għajnuna ta’ persuni li jkunu jistgħu jgħinu fl-andament tal-Purċissjoni bħala ushers u helpers. Napprezzaw ħafna l-għajnuna ta’ kull min jista’ joffri sehmu. Min hu interessat, jinkiteb fis-sagristija jew fil-maħżen tal-Ġimgħa l-Kbira. Aktar dettalji fuq in-noticeboards u l-paġna ta’ Facebook tal-parroċċa.

Ġabra Speċjali

Il-Ġabra Speċjali li saret il-Ħadd li għadda laħqet is-somma ta’ €2,134. Nirringrazzjawkom ħafna tal-ġenerożità u s-sostenn li tagħtu lill-Knisja.

Ġabra b’riżq is-Seminarju

Fil-quddies tas-Sibt u l-Ħadd li ġej (14 u 15 ta’ Marzu) se ssir il-ġabra li nagħmlu kull sena b’riżq is-Seminarju, il-post li jagħti formazzjoni lil dawk li jkunu qed iħejju ruħhom għas-saċerdozju. Hu dmir tagħna li ngħinu lis-Seminarju u nitolbu għal aktar vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi.

Nitolbu għal ħutna Josephine Caruana, Maria Concetta Gauci, Mariah Darmanin, Ineż Frendo, Walter Muscat u Joseph Grech, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem. 

It-Tieni Ħadd tar-Randan – Sena A

Adorazzjoni

Il-Ġimgħa, 6/03, l-Ewwel Ġimgħa tax-Xahar, wara l-quddiesa tas-7.00am ikun hawn adorazzjoni fis-skiet quddiem Ġesù Ewkaristija sa qabel il-quddiesa tat-8.00am.

Eżerċizzi għall-miżżewġin u għal kulħadd

Mit-Tnejn 9 ta’ Marzu, sal-Ġimgħa 13 ta’ Marzu se jsiru l-eżerċizzi għall-miżżewġin u għal kulħadd li se jmexxihom Fr Alfred Scerri. L-eżerċizzi jsiru fil-Knisja Arċipretali wara l-quddiesa ta’ filgħaxija.

Kunċert ta’ Mużika Sagra

Is-Sibt 14 ta’ Marzu fis-7.30pm, fl-okkażjoni tal-200 anniversarju minn meta ġiet inawgurata l-Vara l-Kbira u xi vari oħra li għadhom joħorġu sallum fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, fil-Knisja Arċipretali se jittella’ kunċert ta mużika sagra, qari ta’ poeżiji u tagħrif storiku dwarhom. Kulħadd huwa mistieden. 

Taħdita dwar il-Liżar ta’ Kristu

It-Tnejn 16 ta’ Marzu fis-7.00pm, fis-Sala tas-Sorijiet se ssir taħdita fuq il-Liżar ta’ Kristu li jinsab meqjum ġewwa l-belt ta’ Turin. Din il-laqgħa hija miftuħa għal kulħadd. 

Sejħa reffiegħa għar-Redentur u d-Duluri

Dawk kollha li jixtiequ jieħdu sehem bħala reffiegħa jew forċini, kemm fil-pellegrinaġġ tar-Redentur, u kemm fil-pellegrinaġġ tad-Duluri, huma mitluba li jinkitbu fil-Maħżen tal-Ġimgħa l-Kbira matul din il-ġimgħa li ġejja, mit-Tnejn 2 sal-Ġimgħa 6 ta’ Marzu, mill-4.30pm sas-7.30pm.  

Nitolbu għal ħutna Marlene Grech, Ġuża Borg u Esther Galea, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.