Sbatax-il Ħadd matul is-Sena Ċ

Festa ta’ San Ġużepp

Il-Ħadd, 26/07 fit-8.00am ikollna il-quddiesa solenni li se tkun immexxija mill-Arċipriet, bil-paniġierku mill-Kan. Jesmond Grech. Il-quddiesa ta’ wara tkun fl-10.00am għat-tfal u l-familji. 

Fis-6.00pm ikun hawn quddiesa bil-kant li fiha jingħad l-Għasar. Fis-7.30pm toħroġ il-purċissjoni li tidħol lura fl-10.00pm u tagħlaq bl-antifona u l-Barka Sagramentali.

Min jixtieq jagħmel offerta għall-ispejjeż tal-festa ta’ San Ġużepp huwa mitlub jitfa’ l-offerta tiegħu fil-kaxxi li hawn ħdejn l-altar. L-offerti li nġabru mill-inizjattiva Ċirku Dsatax minn diversi benefatturi għal din il-festa laħqu s-somma ta’ €1,280. Nirringrazzjaw lil kull min jagħti s-sehem tiegħu.

Adorazzjoni

Il-Ħamis fis-6.00pm fil-Knisja Arċipretali jkun hawn nofs siegħa adorazzjoni sa qabel il-quddiesa tas-6.30pm.

Il-Ġimgħa, l-Ewwel Ġimgħa tax-Xahar, wara l-quddiesa tas-7.00am ikun hawn adorazzjoni fis-skiet quddiem Ġesù Ewkaristija sa qabel il-quddiesa tat-8.00am.

Attivita’ għat-Tfal fiċ-Ċentru ta’ Warda

L-Erbgħa 6 ta’ Awwissu se nkunu qed norganizzaw attività tas-sajf għat-tfal minn Year 1 sa Year 6. L-attività, li se tinkludi formazzjoni, talb u logħob, se ssir fiċ-Ċentru Ta’ Warda mill-5.30pm sas-7.30pm. Dawk il-ġenituri li jixtiequ li uliedhom jattendu huma mitluba li jinkitbu fis-sagristija jew minn fuq il-paġna ta’ Facebook tal-parroċċa.

Missjoni fil-Perù

L-aħħar attività b’risq il-missjoni li grupp ta’ żgħażagħ mill-parroċċa se jagħmlu fil-Perù dan is-sajf se tkun BBQ li se jsir nhar is-Sibt 9 ta’ Awwissu fis-7.30pm fiċ-Ċentru Ta’ Warda. Bookings mis-sagristija.

Sittax-il Ħadd matul is-Sena Ċ

Jum in-Nanniet

Il-Ħadd (20/07) għall-quddiesa tal-familja tad-9.30am huma mistiedna b’mod speċjali n-nanniet b’rabta ma’ Jum in-Nanniet, qrib il-festa ta’ Sant’Anna u San Ġwakkin, li l-Knisja tfakkar fis-26 ta’ Lulju.

Adorazzjoni

It-Tlieta fl-10.00am ikun hemm l-Adorazzjoni mmexxija mis-Superjur Joe Fenech fil-kappella ta’ San Ġużepp għand is-Sorijiet.

Matul din il-ġimgħa niċċelebraw il-festa ta’ San Ġużepp: 

Festa San Ġużepp

  • It-Tnejn (21/07) fit-7.45pm issir quddiesa għaż-żgħażagħ fuq iz-zuntier. Wara jsir il-ħruġ tal-vara min-niċċa u l-preżentazzjoni tat-trabi lil San Ġużepp.
  • Il-Ħamis u l-Ġimgħa jkunu jiem tat-Tridu. Il-quddiesa tas-6.30pm tkun bil-prietka minn Patri Raymond Gatt OP. Wara l-quddiesa tingħad il-kurunella, jitkantaw l-innu u l-antifona u tingħata l-Barka Sagramentali.
  • Is-Sibt, l-aħħar jum tat-Tridu, fis-6.00pm isir l-Ewwel Għasar kantat u tingħad il-kurunella. Fis-6.30pm quddiesa bil-prietka tat-Tridu. Wara l-funzjoni tat-Tridu jitkanta Te Deum u Barka Sagramentali.
  • Il-Ħadd, nhar il-Festa, fit-8.00am issir il-quddiesa solenni li se tkun immexxija mill-Arċipriet, bil-paniġierku mill-Kan. Jesmond Grech. Il-quddiesa ta’ wara tkun fl-10.00am għat-tfal u l-familji.  Fis-6.00pm ikun hawn quddiesa bil-kant li fiha jingħad l-Għasar. Fis-7.30pm toħroġ il-purċissjoni li tidħol lura fl-10.00pm u tagħlaq bl-antifona u l-Barka Sagramentali.

Ħdejn il-bieb il-kbir tal-knisja hemm fuljetti bil-programm sħiħ u miegħu hemm envelope biex wieħed jagħmel offerta għall-festa. 

Ilbies xieraq

Nagħmlu appell biex, matul il-jiem tas-sajf, fil-knisja niġu lebsin b’ilbies xieraq, b’rispett u qima li jixirqu lid-Dar ta’ Alla.

Nitolbu għal ħutna Marianna Mifsud, Marija Dolores Cascun, Joseph Pulis u Nicolà Bonnici, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Ħmistax-il Ħadd Matul is-Sena Ċ

Attività soċjali bejn żgħażagħ u anzjani

Nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Lulju, se ssir attività soċjali bejn żgħażagħ u anzjani, organizzata mill-grupp taż-żgħażagħ tal-Leġjun ta’ Marija. L-attività se ssir fiċ-Ċentru Ta’ Warda fil-5.00pm. Aktar dettalji ssibuhom fuq in-noticeboards tal-knisja.

Jum in-Nanniet

Il-Ħadd li ġej, 20 ta’ Lulju, b’rabta mal-festa ta’ Sant’Anna u San Ġwakkin, se niċċelebraw Jum in-Nanniet. Il-quddiesa tad-9.30am se tkun animata b’mod speċjali għal din l-okkażjoni. Nistiednu b’mod speċjali lin-nanniet biex jattendu għal din il-quddiesa flimkien mal-familji tagħhom.

Magħmudija

Il-Ħadd, 20 ta’ Lulju, ikun hawn quddiesa fil-5.30pm li fiha jiġi ċċelebrat is-Sagrament tal-Magħmudija.

Programm Festa ta’ San Ġużepp

Ħdejn il-bibien tal-knisja hemm fuljetti bil-programm tal-Festa ta’ San Ġużepp li se niċċelebrawha l-Ħadd 27 ta’ Lulju. Miegħu hemm envelope biex wieħed jagħmel offerta għall-festa. L-envelope bl-offerta tagħkom nitolbukom iġġibuh magħkom fil-knisja u titfgħuh fil-kaxxi li hawn ħdejn l-altar jew tgħadduh lil xi ħadd minna s-saċerdoti.

Nitolbu għal ħutna Carmel Formosa, Ivonne Gatt u Tarciso Mifsud, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem. 

Erbatax-il Ħadd matul is-Sena Ċ

Tibdil fil-Quddies tal-Ħadd filgħaxija

Infakkru li matul ix-xhur li ġejjin, Lulju, Awwissu u Settembru, fil-Ħdud ma jkunx hawn il-quddiesa tal-5.30pm, ħlief meta jkun avżat li se jkun hawn il-magħmudijiet.  

Kors ta’ Kana

Nerġgħu nfakkru lill-għarajjes li se jiżżewġu fis-sentejn li ġejjin u li għad iridu jagħmlu l-Kors ta’ Kana, li fil-parroċċa tagħna l-kors se jibda fl-1 ta’ Ottubru. Dawk il-koppji li jixtiequ aktar informazzjoni huma mitluba li jiġu fl-Uffiċċju Parrokkjali jew ikellmu lill-Arċipriet.

Ġabra tal-Offerta ta’ San Pietru

Il-ġbir li sar il-Ħadd li għadda bħala Offerta għall-Papa laħaq is-somma ta’ €2,600. B’din il-ġabra, li ssir mad-dinja kollha fil-Knisja, il-Papa jkun jista’ jifrex il-ħidma tiegħu ta’ karita’.  

Pasta Night

Il-Ġimgħa 11 ta’ Lulju se ssir Pasta Night bħala fundraising organizzata mill-grupp tal-Ġimgħa l-Kbira. Booking u aktar dettalji ssibuhom fil-poster li hemm fin-noticeboards.

Nitolbu għal ħutna Doris Zarb, Grezzju Farrugia u Maria Concetta Gauci, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Solennità tal-Appostli San Pietru u San Pawl – Tlettax-il Ħadd matul is-Sena Ċ

Offerta ta’ San Pietru

Illum qed issir il-Ġabra magħrufa bħala l-“Offerta ta’ San Pietru”. B’din il-ġabra nkunu qegħdin ngħinu lill-Papa Ljun XIV biex ikun jista’ jifrex il-ħidmiet tiegħu bħala Ragħaj tal-Knisja Universali permezz ta’ għotjiet ta’ karità mad-dinja kollha, b’mod speċjali ma’ dawk milqutin minn xi emerġenza, diżastru naturali jew gwerra. Monsinjur Arċisqof iħeġġiġna biex inkunu ġenerużi u nuru l-għaqda tagħna mal-Papa. Għaldaqstant, il-ġbir kollu tal-quddies ikun għal dan il-għan.

Adorazzjoni

Il-Ħamis ikun hawn l-adorazzjoni fis-6.00pm qabel il-quddiesa. L-intenzjoni waqt din l-adorazzjoni tkun għall-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi.

Il-Ġimgħa 5 ta’ Lulju, l-Ewwel Ġimgħa tax-Xahar, wara l-quddiesa tas-7.00am ikun hawn adorazzjoni fis-skiet quddiem Ġesù Sagramentat sa qabel il-quddiesa tat-8.00am. Dakinhar ukoll imħeġġin inkomplu nitolbu għall-vokazzjonijiet saċerdotali. 

Festa tal-Qalb ta’ Ġesu

Din il-ġimgħa tiġi ċċelebrata l-festa tal-Qalb ta’ Ġesù fis-Santwarju. Il-Ħamis 3 ta’ Lulju, fid-9.30am, se ssir laqgħa għall-anzjani u kull min jixtieq jattendi. Filgħaxija mis-7.00pm sa nofsillejl se ssir adorazzjoni minn diversi gruppi u jkun hemm saċerdoti għall-qrar.

Il-Ġimgħa, Jum il-Festa, fis-6.15pm l-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi jmexxi l-quddiesa tal-festa u wara tkompli purċissjoni bl-Ewkaristija mad-dawra tal-knisja. Aktar dettalji fil-poster li hemm fin-noticeboards.

Intom u ħerġin ħdejn il-bibien tal-Knisja hemm fuljett bi ħsibijiet u suġġerimenti kif ngħixu d-devozzjoni vera lejn il-Qalb ta’ Ġesù. Hemm inizjattiva oħra biex min irid jista’ jadotta fit-talb tiegħu lil xi ħadd minna s-saċerdoti u r-reliġjużi tal-parroċċa.  

Quddies ta’ nhar ta’ Ħadd filgħaxija

Navżaw li l-quddiesa tal-5.30pm ta’ filgħaxija nhar ta’ Ħadd se tieqaf matul ix-xhur ta’ Lulju, Awwissu u Settembru. Issir biss meta jkun avżat li se ssir quddiesa li fiha jkun se jiġi ċċelebrat is-Sagrament tal-Magħmudija.

Kors ta’ Kana

Infakkru lil dawk l-għarajjes li se jiżżewġu fis-sentejn li ġejjin li huwa meħtieġ li jagħmlu l-Kors ta’ Kana. Idealment dan il-kors isir sentejn qabel it-tieġ. Fil-parroċċa tagħna l-kors jibda nhar l-Erbgħa 1 ta’ Ottubru. Dawk il-koppji li jixtiequ aktar informazzjoni huma mitluba li jiġu fl-Uffiċċju Parrokkjali jew ikellmu lill-Arċipriet.

Ħarġiet għall-Baħar

Matul is-sajf, kull nhar ta’ Tlieta, se jiġu organizzati ħarġiet għall-baħar. L-ewwel ħarġa se tkun nhar it-Tlieta 8 ta’ Lulju. Tluq fid-9.00am minn ħdejn il-posta. Min hu interessat, ikellem lil xi ħadd mill-membri tal-Grupp tal-Fundraising.

Nitolbu għal ħutna Philip Fenech u Maddalena Debono, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem. 

Solennità tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej – Sena Ċ

Festa ta’ Corpus

Qegħdin niċċelebraw il-Festa tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu (Corpus). Għada (illum) fil-5.15pm se ssir il-professjoni tal-fratelli fil-Fratellanza tas-S.S. Sagrament. Fil-5.30pm ikun hawn quddiesa kantata u wara toħroġ il-purċissjoni bl-Ewkaristija li se tgħaddi minn dawn it-toroq: Misraħ San Filep, Triq Sant’Antnin, Triq Mamo, Triq il-Kbira, Triq l-Isqof, Triq Luret Vella, Triq Sciortino u lura għal Misraħ San Filep. Inħeġġu biex nipparteċipaw f’din il-purċissjoni b’qima lejn Ġesù Ewkaristija u nżejnu t-toroq bil-pjanti minn fejn se tgħaddi l-purċissjoni. Navżaw li minħabba din il-purċissjoni, ma jkunx hawn il-quddiesa tas-7.00pm. Infakkru li fis-Santwarju tal-Qalb ta’ Ġesù jkun hemm quddiesa fis-6.15pm.

Festa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù

Nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Ġunju, nagħmlu l-festa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù. Filgħodu jkun hawn adorazzjoni fis-skiet sal-10.00am. Fil-5.30pm tkompli l-adorazzjoni fis-skiet; fis-6.30pm issir quddiesa kantata u wara toħroġ il-purċissjoni bl-Ewkaristija li tgħaddi minn Triq il-Parroċċa, Triq San Ġużepp, Triq Sidtna tal-Anġli, Triq il-Kbira, Triq Frans Sammut, Triq Milanesi, Triq Sciortino u Misraħ San Filep. Inħeġġukom sabiex tieħdu sehem fil-purċissjoni b’qima u b’imħabba lejn Ġesu’ Ewkaristija.  

L-Offerta ta’ San Pietru

Is-Sibt u l-Ħadd 28 u 29 ta’ Ġunju, nagħmlu l-ġabra magħrufa bħala l-“Offerta ta’ San Pietru”. B’din il-ġabra nkunu qegħdin nuru l-imħabba tagħna lejn il-Papa Ljun XIV u ngħinuh biex ikun jista’ jifrex dejjem aktar il-ħidmiet tiegħu ta’ Ragħaj tal-Knisja Universali permezz ta’ għotjiet ta’ karità mad-dinja kollha, b’mod speċjali ma’ dawk milqutin minn xi emerġenza, diżastru naturali jew gwerra. Nistednukom tilqgħu l-appell tal-Isqfijiet tagħna biex inkunu ġenerużi.

Lejla Maltija

Se ssir Lejla Maltija b’risq il-missjoni li żgħażagħ mill-parroċċa se jagħmlu fil-Perù, nhar l-Erbgħa 2 ta’ Lulju fis-7.00pm, fiċ-Ċentru Ta’ Warda. Bookings fis-sagristija.

Nitolbu għal oħtna Maria Stella Bonett, li għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtiha, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem. 

It-Trinità Qaddisa – Sena Ċ

Trinita’ Mqaddsa

Il-Ħadd, 15 ta’ Ġunju, qegħdin niċċelebraw is-Solennità tat-Trinità Mqaddsa. F’din il-ġurnata niċċelebraw ukoll Jum il-Missier. Il-quddiesa tad-9.30am tkun animata b’mod speċjali għal din l-okkażjoni. Inħeġġu lill-familji jattendu għaliha. Illum il-Ħadd, iċ-ċimiterju tal-Qalb ta’ Ġesù jkun miftuħ mis-7.00am sat-3.30pm.

Adorazzjoni

It-Tlieta 17 ta’ Ġunju, fl-10.00am, fil-Kappella ta’ San Ġużepp ikun hemm l-adorazzjoni li jmexxiha s-Superjur Joe Fenech.

Il-Ħamis 19 ta’ Ġunju fis-6.00pm qabel il-quddiesa jkun hawn nofs siegħa adorazzjoni quddiem Ġesù Sagramentat.

Festa ta’ Corpus

Il-Ħadd li ġej, 22 ta’ Ġunju niċċelebraw il-Festa tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu (Corpus). Fil-5.30pm ikun hawn quddiesa kantata u wara toħroġ il-purċissjoni bl-Ewkaristija li se tgħaddi minn dawn it-toroq: Misraħ San Filep, Triq Sant’Antnin, Triq Mamo, Triq il-Kbira, Triq l-Isqof, Triq Luret Vella, Triq Sciortino u lura għal Misraħ San Filep. Inħeġġu biex nipparteċipaw f’din il-purċissjoni b’qima lejn Ġesù Ewkaristija u nżejnu t-toroq bil-pjanti minn fejn se tgħaddi l-purċissjoni, kif kienet id-drawwa. Navżaw li minħabba din il-purċissjoni, nhar il-Ħadd ma jkunx hawn il-quddiesa tas-7.00pm. Infakkru li fis-Santwarju tal-Qalb ta’ Ġesù jkun hemm quddiesa fis-6.15pm.

Ġabra tal-Festa

Nixtiequ nirringrazzjaw lil kull min ta s-sehem tiegħu biex kellna festa sabiħa u li tixraq lill-Qaddis Patrun tagħna San Filep. Nirringrazzjaw lil kull min ikkontribwixxa fil-ġbir li sar għall-festa. L-offerti li ngħataw fl-envelopes flimkien ma’ donazzjonijiet oħra kienu ta’ €6,000. Il-ġbir li sar fil-ħruġ min-niċċa, matul il-ġranet tat-Tridu u nhar il-festa, kien ta’ €7,100.

Nitolbu għal ħutna Carmen Sciberras, Philip Farrugia, Emanuel Farrugia, Paul Xuereb u Pawlu Borg, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Festa tal-Patrun tagħna San Filep

Festa ta’ San Filep

Qed niċċelebraw il-Festa tal-Patrun tagħna San Filep. Il-Ħadd, 8 ta’ Ġunju fit-8.00am, issir il-Quddiesa Konċelebrata Solenni tal-Festa, immexxija minn Monsinjur Salvinu Micallef, bil-paniġierku mill-Kanonku Dun Antoine Borg.

Fil-5.30pm quddiesa bis-Salmi tal-Għasar u fis-7.00pm tibda ħierġa l-Purċissjoni u tidħol lura fil-Knisja fl-10.30pm.

Laqgħa Grupp Kelma tal-Ħajja

It-Tlieta 10 ta’ Ġunju, jiltaqa’ l-Grupp tal-Kelma tal-Ħajja. Il-laqgħa ssir għand is-Sorijiet fid-9.30am.

Adorazzjoni u Preżentazzjoni tat-trabi

Il-Ħamis 12 ta’ Ġunju fis-6.00pm, ikun hawn l-adorazzjoni u wara,  fil-Quddiesa tas-6.30pm, issir il-preżentazzjoni tat-tfal u t-trabi li twieldu mis-sena l-oħra ’l hawn. Peress li se tingħata tifkira żgħira, min se jattendi importanti li jinkiteb fis-sagristija.

Jum il-Missier

Il-Ħadd li ġej, 15 ta’ Ġunju, ikun Jum il-Missier. Il-quddiesa tad-9.30am tkun animata b’mod speċjali għal din l-okkażjoni. Inħeġġu lill-familji jattendu għaliha. Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Missier, iċ-ċimiterju jkun miftuħ is-Sibt u l-Ħadd mis-7.00am sat-3.30pm.

Ġabra għall-ispejjes tal-Festa

Nagħmlu appell biex ilkoll tagħtu s-sehem tagħkom għall-ispejjeż tal-festa. L-offerta tagħkom tistgħu titfgħuha fil-kaxxi li hawn ħdejn l-altar. Nirringrazzjaw lil kull min diġa’ għamel offerta għall-festa.

F’isem is-saċerdoti u l-Kunsill Pastorali Parrokkjali, nawgura l-festa t-tajba lilkom u lill-familji tagħkom.

Nitolbu għal ħutna Norman Bezzina u Rokku Caruana, li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtihom, Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Tlugħ il-Mulej fis-Sema – Sena Ċ

Festa ta’ San Filep

  • Il-Ħadd, 1 ta’ Ġunju, nagħtu bidu għall-festa bil-ħruġ tal-istatwa ta’ San Filep min-niċċa. Il-ħruġ isir wara l-quddiesa tas-7.00pm.
  • It-Tnejn: fil-5.30pm, Quddiesa speċjali għat-tfal. It-tfal huma mħeġġa jġibu għotjiet tal-ikel għall-familji fil-bżonn tal-parroċċa tagħna. Wara jkollhom logħob fil-qasam tal-MUSEUM tas-Subien. Ma jkunx hawn quddiesa tas-6.30pm. Fit-7.45pm, Quddiesa għaż-żgħażagħ fuq iz-zuntier tal-Knisja.
  • It-Tlieta: fl-10.00am, quddiesa għall-morda u l-anzjani. Fis-6.30pm, quddiesa għall-koppji u l-familji. Mistiedna b’mod speċjali dawk il-koppji li żżewġu mis-sena l-oħra ’l hawn. Fis-7.30pm, Taħdita Kulturali fuq l-artist Abramo Gatt li ħadem ħafna xogħol fil-Knisja tagħna. It-taħdita se ssir minn Dr Mark Sagona u l-Perit Anthony Gatt.
  • L-Erbgħa, il-Ħamis u l-Ġimgħa: Jiem tat-Tridu, skont kif indikat fil-programm. Il-prietki tat-Tridu se jsiru mill-Arċipriet tal-Isla, il-Kanonku Robin Camilleri.
  • Is-Sibt: fit-8.00am Quddiesa kantata tat-TE DEUM. Fil-5.30pm, quddiesa u immedjatament wara toħroġ purċissjoni mill-Knisja Arċipretali għall-Knisja tal-Anġli minn fejn tibda l-purċissjoni tat-Translazzjoni bir-Relikwa ta’ San Filep, segwita mill-Kant tal-Għasar. Fit-8.00pm ikun hawn quddiesa. 
  • Il-Ħadd: Jum il-Festa, fit-8.00am, issir il-Quddiesa Konċelebrata Solenni tal-Festa, immexxija minn Monsinjur Salvinu Micallef, bil-paniġierku mill-Kanonku Dun Antoine Borg. Il-quddiesa ta’ wara tkun fl-10.00am. Fil-5.30pm, Għasar fil-quddiesa u fis-7.00pm tibda ħierġa l-Purċissjoni, li tidħol lura fil-Knisja fl-10.30pm. 

Preżentazzjoni tat-trabi/tfal

Il-Ħamis 12 ta’ Ġunju, fil-Quddiesa tas-6.30pm issir il-preżentazzjoni tat-tfal u t-trabi li twieldu mis-sena l-oħra ’l hawn. Peress li se tingħata tifkira żgħira, min se jattendi importanti li jinkiteb fis-sagristija. Dawk li ma rċevewx email b’dan l-avviż u jixtiequ jattendu mitlubin jagħtuna isimhom fis-sagristija.

Ġabra Speċjali għall-Festa

Ikun apprezzat jekk tikkontribwixxu €10 minn kull familja għall-festa, jew kemm tistgħu, skont il-mezzi tagħkom. Nirringrazzjawkom tas-sehem li tagħtu. L-offerta tagħkom b’riżq il-festa nitolbukom titfgħuha fil-kaxxi li hawn ħdejn l-altar jew tagħtuha lil xi ħadd minna s-saċerdoti.

Nitolbu għal Rita Azzopardi, Joyce Cortis, Ġużeppa Gauci u Michael Scerri, li għaddew għall-Ħajja ta’ Dejjem: Agħtihom, O Mulej, il-Mistrieħ ta’ Dejjem.

Is-Sitt Ħadd tal-Għid – Sena Ċ

L-Ewwel Tqarbina

Nifirħu lit-tfal tal-parroċċa tagħna li qed jagħmlu l-Ewwel Tqarbina. Nitolbu għalihom ħalli jkomplu jikbru fl-imħabba tagħhom lejn Ġesù Ewkaristija.

Festa ta’ San Filep

Nhar il-Ħadd (1/6) nagħtu bidu għall-festa ta’ San Filep bil-ħruġ tal-vara min-niċċa. Fis-7.00pm ikun hawn quddiesa li tiftaħ il-festi u fit-7.45pm isir il-ħruġ solenni. Dakinhar fil-quddies kollu ssir ġabra speċjali b’riżq il-festa.

Fuljett tal-Festa

Matul dawn il-ġranet qiegħed jitqassam fi djarkom il-fuljett tal-festa. Il-helpers li soltu jqassmu huma mitluba jieħdu l-kopji tagħhom mis-sagristija. Mal-fuljett se jitqassam l-envelop biex nagħmlu l-offerta tagħna għall-festa. L-envelop bl-offerta għall-festa nitlobkom iġġibuh magħkom u titfgħuh fil-kaxxi li hawn ħdejn l-artal jew tgħadduh lil xi ħadd mis-saċerdoti. L-offerti tagħkom huma apprezzati sabiex inkopru l-ispejjeż tal-festa.

  • It-Tnejn (2/6), l-għada tal-ħruġ ta’ San Filep min-niċċa, nibdew il-programm tal-festa b’quddiesa għat-tfal fil-5.30pm u quddiesa bil-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fuq iz-zuntier fit-7.45pm. 
  • It-Tlieta (3/6) fis-6.30pm ikollna quddiesa għall-familji, li għaliha huma mistiedna b’mod speċjali dawk il-koppji li żżewġu mis-sena l-oħra ‘l hawn. 

Infakkru biex jekk hawn min għandu xi qraba anzjani li jixtiequ jiġu għall-quddiesa speċjali għalihom fil-ġimgħa tal-festa, nhar it-Tlieta 3 ta’ Ġunju fl-10.00am u li għandhom bżonn trasport, xi ħadd mill-familjari jagħtuna isimhom u d-dettalji tagħhom fis-sagristija.

Dawk ukoll li għandhom xi qraba emigranti li se jkunu fostna fil-jiem tal-festa, nitolbukom sabiex tgħaddu l-ismijiet tagħhom fis-sagristija. 

Ġabra b’riżq il-karita

Il-ġbir li sar fil-quddies nhar is-Sibt u l-Ħadd li għaddew b’riżq il-karità kien ta’ €3,000.

Nitolbu għal ħuna Philip Attard, li għadda għall-ħajja ta’ dejjem. Agħtih, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.